NAĦDMU GĦALL-UMANITÀ
It-Torċa, 29.12.2024 | IMAM Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com
“Uru ħniena ma’ dawk li jkunu taħtkom, u kunu ġenerużi mal-partners tagħkom u ma’ ħutkom li huma fqar, ħalli fis-smewwiet intom ukoll tintlaqgħu bis-sewwa. Intom tassew issiru Tiegħu (ta’ Alla), u b’hekk Alla jsir tagħkom ukoll.”
F’dan il-ftit kliem li huwa verament kliem tad-deheb, il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jispjega s-suġġett tal-ħidma għall-umanità b’mod tajjeb ħafna. Huwa minnu li kulħadd iħobb il-maħbub jew il-maħbuba tiegħu u l-membri tal-familja tiegħu, u bl-istess mod, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li “għal Alla l-ħlejjaq kollha huma bħal tfal.” Alla jħobb persuna li tittratta l-ħolqien Tiegħu tajjeb u bil-ħniena u l-mogħdrija.
L-ilma fiż-żraben
F’diskors ieħor tal-Qaddis Profeta Muħammad jissemma li kien hemm mara midinba li qatt ma għamlet xi ħaġa tajba, u darba rat kelb bil-għatx kbir li kien qed idur madwar il-bir biex jixrob l-ilma iżda ma setax jixrob. Il-kelb kien fil-bżonn kbir tal-ilma, iżda mal-ilma ma kienx jilħaq. Dik il-mara niżlet fil-bir, imliet iż-żraben tagħha bl-ilma u tat lill-kelb bil-għatx. Il-kelb xorob l-ilma u qata’ l-għatx u telaq ferħan. Alla għoġbu dan l-att ta’ qalb tajba u l-ħniena ta’ dik il-mara u ħafrilha.
Jekk hemm daqstant premju għall-kompassjoni lejn kelb, allura aħseb u ara x’inhu l-premju għall-ġentilezza u l-kompassjoni lejn bniedem li huwa l-aħjar ħolqien ta’ Alla.
Għalhekk, sa fejn hija kkonċernata l-kompassjoni għall-bnedmin, it-trattament ta’ kull bniedem b’qalb tajba mingħajr ebda diskriminazzjoni huwa mod ta’ tjubija li jagħti lill-persuna l-imħabba u l-qrubija ta’ Alla li Jista’ Kollox.
Wara l-imħabba ta’ Alla…
Is-servizz lejn l-umanità huwa għemil daqshekk nobbli li kull reliġjon titkellem dwaru. L-Iżlam ukoll jenfasizza ħafna fuq dan il-valur u virtù mill-isbaħ li nkunu ta’ qalb tajba għal kulħadd.
Meta wieħed jaqra l-Koran, isib li hemm żewġ elementi u oqsma biss tat-tagħlim tiegħu, waħda hija l-imħabba sħiħa lejn Alla u l-qima lejn il-Mulej, u l-oħra hija li wieħed tant għandu jħobb l-umanità li wieħed għandu jaħseb li hija bħall-familja tiegħu stess.
Fil-qosor, wara l-imħabba u l-qima ta’ Alla, is-servizz lejn l-umanità hu l-iktar kwalità importanti ta’ reliġjon.
Siġra mingħajr l-ebda frott
Jekk il-bniedem m’għandux is-simpatija f’qalbu għall-oħrajn huwa bħas-siġra li hija mingħajr l-ebda frott; u ma jistħoqqlux jitqies bħala l-bniedem veru.
Għalhekk huwa ferm importanti li aħna nkunu s-siġar li dejjem jagħtu frott tajjeb, bnin u frisk; u meta jaffordjawx li jagħtu l-frott, għall-inqas jagħtu l-kenn u d-dell lil kull min jiġi jpoġġi taħthom.
Għandna wkoll li dejjem nibqgħu attivi fil-qadi tad-dmirijiet u tar-responsabbiltajiet ċiviċi tagħna, dejjem inkunu ġenerużi u nuru simpatija u ħniena lil xulxin. Għandna biex ngħixu bil-motto li, “Imħabba għal kulħadd, mibegħda għal ħadd.”
Niżviluppaw il-passjoni
Kif nistgħu ngħinu lil ħutna, x’għandna bżonn?
Naħseb li, il-kwalitajiet fundamentali li aħna nakkwistaw bilfors biex inservu l-umanità u niżviluppaw il-passjoni biex nagħtu għajnuna u noffru spallejna lil ħutna huma l-ħniena, it-tieba u l-imħabba ġenwina f’qalbna għall-umanità, id-dispożizzjoni tal-karità, l-umiltà, l-onestà, is-sempliċità fil-ħajja, ir-rieda soda, it-tama u x-xewqat li kull wieħed u waħda minna jgħix ħajja dinjituża. Huwa wkoll importanti li aħna nsiru poplu li minnu toħroġ it-tieba u t-tieba biss għall-oħrajn.
Uħud mill-iktar ingredjenti importanti li għandna bżonn fir-riċetta biex inservu lill-oħrajn huma l-imħabba, is-simpatija u l-ħniena f’qalbna għal bnedmin oħrajn. Il-kbar juru ħniena liż-żgħar; is-sinjuri jservu lill-fqar imma bla sens ta’ kburija; wieħed li għandu saħħa tajba jagħti appoġġ u juri mġiba tajba u umiltà lid-dgħajjef.
L-umanità hija komuni bejn in-nies kollha
Biex nagħtu daqqa t’id lil ħutna huwa wkoll importanti li naħsbu li aħna kollha ndaqs, u m’hemm l-ebda persuna li hu inferjuri jew superjuri minn ħaddieħor. L-umanità hija komuni bejn in-nies kollha fid-dinja.
Għalhekk, għandna biex nikkultivaw il-karattru sod li aħna kollha ndaqs; aħna kollha umani u m’hemm l-ebda differenza bejnietna bħal umani; u għandna biex naħdmu flimkien biex insiru familja umana waħda.
Barra minn hekk, għandna wkoll biex inpoġġu lilna nfusna f’sitwazzjoni ta’ ħaddieħor biex nifhmu u nitgħallmu kif għandna nittrattaw lil xulxin.
Dak li tixtieq għalik innifsek…
Nixtieq nikkwota kliem tad-deheb tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, f’dan ir-rigward. Huwa qal li, kun ġust, u tkun l-aħjar fost dawk li jqimu; kun kuntent b’li għandek, u b’hekk tkun l-aħjar fost dawk li jiżżu ħajr. Ara li tixtieq għal ħaddieħor dak li tixtieq għalik innifsek u b’hekk tkun tassew temmen. Ġib ruħek tajjeb ma’ ġarek, u b’hekk tkun tassew bniedem. Naqqas id-daħk, għaliex ħafna daħk joqtol lill-qalb.
Kemm hu prinċipju sabiħ li nixtiequ għal ħutna dak li nixtiequ għalina nfusna. X’nixtiequ għalina? Bla dubju ta’ xejn kull bniedem jixtieq li jkollu ħajja dinjituża, mimlija ferħ, paċi u sliem; u li jkollu l-bżonnijiet neċessarji kollha biex jgħix ħajja tajba. Allura, għaliex ma nixtiqux l-istess lil ħutna u ngħinuhom? It-Torċa

