May you receive every happiness in the New Year

Jalla tirċievi kull hena fis-Sena l-Ġdida

It-Torċa, 05.01.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif, President Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta – 79655255 amjmalta@gmail.com

Illum il-ġurnata, id-dinja għaddejja minn żminijiet verament diffiċli; żminijiet ta’ turbulenza bla preċedent. Il-kunflitti globali qed jikbru maż-żmien. Naraw il-fjammi tal-gwerra f’kull naħa tad-dinja. Il-kriżi ekonomika globali qed tkompli tikxef perikli ġodda u aktar serji kważi kull ġimgħa.

L-armamenti nukleari u l-armi oħra tal-qerda tal-massa qed jiżdiedu fid-dinja u għalhekk ipoġġu lid-dinja f’periklu enormi. Minħabba dan il-fatt li ħafna pajjiżi għandhom l-armamenti nukleari, l-għira u l-mibegħda qed jerġgħu jiżdiedu u d-dinja tinsab fix-xifer tad-distruzzjoni tagħha stess.

Il-problemi tal-lum

Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-Ġappun ġarrab il-konsegwenzi orribbli tal-armamenti atomiċi; l-effetti tagħhom għadhom jinħassu anke sal-lum, wara kważi tmenin sena. Tmenin sena ilu l-ħruxija u l-qawwa tal-armamenti atomiċi ma kinux bħal li għandhom illum, minkejja li għamlu tali qerda terribbli. Allaħares l-armamenti atomiċi jintużaw illum għax ara x’tip ta’ qerda jġibu lid-dinja. Lanqas biss nistgħu nimmaġinaw il-waħx u l-biża’ li jistgħu joħolqu.

Meta nevalwaw is-sitwazzjoni tad-dinja nsibu li l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem huwa wkoll evidenti kważi f’kull parti tad-dinja. Is-setgħat dinjija jitkellmu biss meta jaqbel lilhom jew iseħħ xi ksur kontra n-nies tagħhom, iżda jżommu għajnejhom u widnejhom magħluqa dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jseħħ ta’ kuljum f’Gaża, il-Palestina u l-Kashmir.

Il-problemi soċjali, it-taqsim tar-riżorsi u l-inġustizzji li qed iseħħu fid-dinja huma wkoll ta’ diqa kbira, u huma fost ir-raġunijiet ta’ diżordni li qed naraw fid-dinja tal-lum.

Ħafna nies qed iħossu li l-affarijiet qed jitilfu l-perspettiva tagħhom b’ritmu mgħaġġel u għaldaqstant huwa importanti li l-popli kollha għandhom jingħaqdu sabiex flimkien jistgħu jerġgħu jkattru l-kunfidenza li tista’ taffettwa kemm lil moħħhom kif ukoll lil qalbhom bl-istess mod u li tagħtihom it-tama għall-paċi.

Il-paċi hija sabiħa

Bla dubju ta’ xejn, il-paċi hija sabiħa. L-għaqda hija s-saħħa. Is-sigurtà tagħti s-serħan tal-moħħ. Is-serenità u t-trankwillità jgħinu fil-progress u fil-kisbiet tagħna f’kull qasam tal-ħajja.

Huwa fatt li n-nies ta’ rieda tajba huma mħassba ħafna dwar is-sitwazzjoni tal-paċi madwar id-dinja, għax jafu b’mod tajjeb il-prezz tal-paċi.

Tabilħaqq, il-paċi, it-trankwillità u s-serenità huma valuri sbieħ li kulħadd jixtieq igawdihom bl-aqwa mod possibbli, iżda għandna nifhmu wkoll li, il-paċi ma tiġix stabbilita waħedha, iżda għandna naħdmu għaliha.

Alla jsejjaħ għal dar is-sliem

Nemmen tassew li ż-żmien jitlob minna lkoll li rridu ningħaqdu għall-inqas fuq l-aġenda ta’ punt wieħed u dik hija ‘l-paċi’. Alla jixtieq ukoll minna li nistabbilixxu l-paċi, għax, wieħed mill-attributi Tiegħu hu li, Alla huwa ‘as-Salaam’—is-Sors tal-Paċi. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes:

“Alla jsejjaħ għal dar is-sliem, u lil min irid imexxi fit-triq issewwa” (10:26). “Alla jmexxi lejn it-toroq tas-sliem lil dawk li jħabirku biex jogħġbu lilu, u bir-rieda Tiegħu joħroġhom mid-dlamijiet lejn id-dawl u jmexxihom lejn it-triq it-tajba.” (5:17)

Barra minn hekk, Alla jiddeskrivi l-fidili ġenwini u n-nies twajba li huma dawk li jippreferu l-paċi u s-sliem. Huwa jgħid: “Il-qaddejja ta’ Alla l-Ħanin huma dawk li jimxu fuq l-art b’mod dinjituż, u meta l-injoranti jindirizzawhom, huma jgħidu, ‘Sliem, u Paċi!’” (Il-Koran, 25:64)

Jalla l-paċi tirbaħ fuq l-art

Dawn ir-referenzi ta’ hawn fuq juru biċ-ċar li l-paċi hija t-triq li l-Mulej jixtiqilna li nimxu fuqha, għax dan huwa l-uniku mod li jiggarantixxi l-futur hieni għad-dinja.

Naħseb dan huwa dmir ta’ kull wieħed u kull waħda minna li nagħtu sehemna għall-ġid komuni u naħdmu id f’id għall-paċi u s-sigurtà għal kulħadd; u nkunu fost dawk li jġibu l-paċi, kif qal Ġesù, ‘henjin dawk li jġibu l-paċi’. Jalla Alla—is-Sors tal-Paċi—jagħmel id-dinja kenn ta’ paċi u fraternità. Jalla l-paċi tinxtered fuq l-art.

Marti kitbet poeżija bil-lingwa Urdu; nixtieq nittraduċiha jew ngħidha bi kliemi għall-qarrejja tagħna; u nixtieq nagħlaq b’dan it-talb għalikom ilkoll, u nawguralkom is-Sena t-Tajba.

Is-Sena t-Tajba

Jalla tirċievi l-barkiet fis-sena l-ġdida

Ma tibqax fin-niket u fid-dwejjaq

Jalla tgħaddi s-sena fil-qrubija

Jalla tirċievi kull hena fis-sena l-ġdida

Ibqa’ leali għax-xewqat tiegħek

Il-fjuri li kienu fjur jibqgħu jifirħu s-sena kollha

U l-imħabba tkun miegħek għal dejjem

Jalla tirċievi kull hena fis-sena l-ġdida

In-niket qatt m’għandu jdellel lil jiemek

L-ebda demgħa m’għandha tleqq f’għajnejk

Oqgħod fix-xalar tal-grazzja tal-Mulej

Jalla tirċievi kull hena fis-sena l-ġdida

Li huma ’l bogħod, jiġu ħdejk

Ħbieb idawruk ma’ kullimkien

Dejjem kun kuntent b’dak li għandek

Jalla tirċievi kull hena fis-sena l-ġdida

Tkun sinjur u viżjonarju

Tkun ukoll l-ambaxxatur tal-paċi

Ibqa’ fl-ilbies tal-unur u s-sliem

Jalla tirċievi kull hena fis-sena l-ġdida

Ikollok dak kollu li tixtieq mill-Mulej

Alla jbierek lilek u l-maħbubin kollha

Inti dejjem tibqa’ l-eżempju tal-fedeltà

Jalla tirċievi kull hena fis-sena l-ġdida

Jalla tirċievi kull barka fis-sena l-ġdida

Jalla tirċievi kull hena fis-sena l-ġdida

Ammen.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Article, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.