Il-ksib tal-hena u l-kuntentizza vera
In-Nazzjon, 08.01.2025 | IMAMLaiq Ahmed Atif, President Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta — WhatsApp: +35679655255 — amjmalta@gmail.com
Il-kuntentizza, il-ferħ u s-sodisfazzjon huma wħud mill-iktar affarijiet komuni bejn il-bnedmin kollha kemm huma. Il-bnedmin qed jaħdmu u jistinkaw kontinwament biex isibu l-paċi, il-ferħ u s-serenità.
Min ma jridx ikun ferħan?
Hija forsi waħda mill-aktar affarijiet komuni fin-nies kollha; tkun xi tkun il-forma li tista’ tieħu, kulħadd irid isib il-ferħ, il-kuntentizza. Imma f’dinja mimlija bi żminijiet iebsa, kemm jekk tkun il-kriżi tal-għoli tal-ħajja jew it-taqlib mifrux fid-dinja, dik il-kuntentizza tidher dejjem aktar elużiva u diffiċli.
Fid-dinja tal-lum meta naraw taqlib kbir f’kull rokna tad-dinja, it-tfittxija u t-tiksib tal-ferħ qed isiru diffiċli ħafna, jekk mhumiex impossibbli. Xi wħud jaħsbu li jekk ikollhom flejjes kbar, jew ikollhom in-negozju ta’ biljuni se jkunu ferħanin; filwaqt li oħrajn jaħsbu li jekk ikollhom dar kbira jew karozza moderna u kbira se tagħmilhom kuntenti.
Il-ġid huwa sors ta’ ferħ dejjiemi?
Xi nies jaħsbu li l-popli tal-pajjiżi sinjuri huma ferħanin għax għandhom kull tip ta’ lussu fil-ħajja; filwaqt li oħrajn jaħsbu kif ngħidu bil-Malti li ‘kemm konna aħjar meta konna agħar’, jiġifieri meta jkollna inqas konna ferħanin, issa meta għandna ħafna ma nsibux is-sodisfazzjon.
Madankollu, minkejja l-isforzi kollha tagħna, il-ferħ veru jidher li jibqaʼ elużiv, u l-bniedem tal-lum mhux ferħan u jibqa’ jfittex il-paċi dejjiema.
Ejja naraw l-istat tal-ferħ fil-pajjiż l-aktar qawwi u għani tad-dinja—il-qawwa dinjija—l-Istati Uniti. Skont il-World Happiness Report, b’mod sinifikanti, l-Istati Uniti tal-Amerika (it-23) waqgħu mill-aqwa 20 għall-ewwel darba minn meta r-Rapport Dinji tal-Ferħ ġie ppubblikat għall-ewwel darba fl-2012. Dan it-tnaqqis jenfasizza realtà inkwetanti: it-tfittxija bla waqfien tagħna għall-kuntentizza mhix qed tagħti r-riżultati li nistennew. Filwaqt li l-Afganistan jibqa’ fil-qiegħ tal-klassifika ġenerali bħala n-nazzjon ‘l-iktar ferħan’ tad-dinja.
Dan ir-rapport jagħmilha ċara daqs il-kristall li l-ġid, il-materjaliżmu, il-flejjes u l-mezzi dinjija mhumiex il-metodi veri ta’ paċi, hena u sodisfazzjon ta’ dejjem.
X’inhu l-veru mezz ta’ ferħ?
Għall-kuntrarju, kif jispjega Alla l-Ħanin fil-Koran Imqaddes, il-veru mezz ta’ ferħ jinsab fit-tifkira ta’ Alla, fl-imħabba ta’ Alla, fil-konnessjoni tagħna mal-Ħallieq, fil-ħbiberija mal-Mulej u fis-servizzi u l-imħabba ġenwina tal-bniedem.
“Dawk li jemmnu, u qlubhom isibu serħan fit-tifkira ta’ Alla. Tabilħaqq li fit-tfakkir ta’ Alla jsibu s-serħan tagħhom il-qlub.” (Il-Koran, 13:29) Dan huwa elaborat aktar billi, “it-tifkira ta’ Alla tassew hija l-akbar virtù.” (29:46)
Jiġifieri, it-tifkira ta’ Alla hija l-akbar ħaġa li tista’ tagħmel, u hija l-ogħla fl-istatus mill-atti l-oħra kollha ta’ qima. Huwa għalhekk li l-Iżlam jagħmel enfasi kostanti fuqha, u nsibu tfakkiriet frekwenti dwarha fil-Koran Imqaddes, pereżempju, ‘ftakar fl-isem ta’ Sidek filgħodu u filgħaxija.’ (76:26)
Bl-istess mod hemm Hadith (diskors) li fih il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, jgħid li meta n-nies jinġabru flimkien għat-tifkira ta’ Alla huma mdawra mill-anġli u huma mgħottija bil-ħniena minn Sidhom.
Allura dan huwa l-metodu u l-mezz biex tinstab il-paċi u l-kuntentizza ta’ dejjem. It-tifkira ta’ Alla jattira l-Anġli ta’ Alla, u hekk kif inkomplu nokkupaw ruħna fit-tifkira ta’ Alla — aktar u aktar anġli jinġabru madwarna u jġibu magħhom il-barkiet u l-ħniena ta’ Alla. U sakemm aħna nżommu ruħna fit-tifkira ta’ Alla l-anġli jibqgħu magħna, u wara jitilqu lejn is-Sema u jirrapportaw dwar dak li konna okkupati bih ilkoll, u Alla jistaqsi minnhom dak li osservaw. Meta Alla se jsir jaf dwar dak li nkunu okkupati hekk Alla jaħfrilna u anke lil dawk li ġew biex ikunu magħna b’mod każwali.
Xi sbuħija! Xi premju meraviljuż hu!
Il-premju mhux se jkun għal dak il-ħin biss, iżda, għall-ħajja futura wkoll. Alla jippremja lil dawk li jibqgħu fit-tifkira Tiegħu b’kuntentizza vera f’din id-dinja, u bil-ħniena u l-maħfra fil-ħajja dejjiema.
It-tifkira ta’ Alla twassal lejn l-imħabba vera ta’ Alla, li twassal għas-salvazzjoni, li tiftaħ il-bieb tal-ġenna tal-ħajja ta’ dejjem—il-kuntentizza u s-sodisfazzjon aħħarija ta’ fidil veru u ġust.
Ara kemm hi importanti t-tifkira ta’ Alla l-Ħanin li hu biss jista’ jwassal għall-hena dejjiema, li qatt ma tintemm.
Wieħed mis-sinjali tal-imħabba vera huwa, li hija parti min-natura ta’ min iħobb veru, li jibża’ li l-maħbub tiegħu jinqata’ minnu, u jqis lilu nnifsu mitluf jekk iwettaq l-iċken nuqqas, u jqis li huwa velenu li jopponi l-għeżież tiegħu, u dejjem jixtieq jiltaqa’ miegħu u qatt ma jrid li jkun hemm xi distanza bejnu u bejn il-maħbub tiegħu, għax f’dan il-każ hu jħoss bħal wieħed li ma jiswa xejn.
Il-Maħbub Etern u Veru
Il-bniedem li verament iħobb lill-Mulej, iqis bħala dnub mhux biss dak li n-nies komuni jqisu bħala dnub, pereżempju, qtil, adulterju, serq, xhieda falza, imma anke jqis l-iċken għelt bħala dnub kbir, għax ma jridx jitlef lil Alla—il-Maħbub veru tiegħu.
Huwa, għalhekk, kontinwament jokkupa lilu nifsu li jfittex l-imħabba u l-maħfra tal-Maħbub Etern, u peress li n-natura tiegħu qatt ma hi rikonċiljata ma’ xi separazzjoni minn Alla li Jista’ Kollox, iqis l-inqas negliġenza li tista’ tirriżulta mill-umanità tiegħu bħala muntanja ta’ dnub.
Meta l-bniedem iħobb daqshekk lill-Maħbub veru tiegħu, allura dejjem jipprova li jkun ’il bogħod minn kull ħażen u għemil mhux xierqa kemm jista’ li verament twassal ’il-bniedem lejn il-ferħ, l-hena u l-kuntentizza dejjiema.