Hatred is a poison that destroys the individual and society

Il-mibegħda hija velenu li teqred lill-individwu u s-soċjetà

It-Torċa, 12.01.2025 | IMAM Laiq Ahmed Atif, President Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta – amjmalta@gmail.com – M: 79 655 255

L-imħabba kienet, hija u se tibqa’ għodda mill-aqwa li tagħmel ġid f’kull relazzjoni. Hija tajba mill-bidu sal-aħħar. Tabilħaqq, l-imħabba hija arma qawwija ta’ għaqda, armonija u ħbiberija, filwaqt li l-mibegħda hija ta’ firda, diżordni u rivalità.

L-imħabba u l-affezzjoni jistgħu jibdlu għadu morr u għatxan tad-demm f’ħabib fidil u leali, u l-mibegħda u l-ħdura jistgħu jikkonvertu ħabib affidabbli u fidil f’avversarju ħażin u ostili.

L-imħabba u r-rispett jistgħu jibdlu pajjiżi rivali fi sħab; u l-mibegħda u n-nuqqas ta’ rispett jistgħu jikkonvertu pajjiżi ħbieb f’għedewwa qliel.

Tagħmel x’tagħmel, tmur fejn tmur, l-imħabba hija dejjem sabiħa, u l-mibegħda hija dejjem kerha. L-istorja u l-esperjenza umana huma xhieda ta’ dan il-punt li, il-mibegħda ma tista’ tagħmel ebda ġid, imma sfortunatament, għadna nsibu l-mibegħda mifruxa ħafna fis-soċjetajiet tagħna. Aktar inkwetanti, qed tiżdied b’mod mgħaġġel ħafna u kostantament u kontinwament fost soċjetajiet, komunitajiet, nazzjonijiet, pajjiżi, reliġjonijiet u ideoloġiji differenti.

Pedament għal aktar ħażen

Għandna biex nifhmu li, il-mibegħda hija ħażina mhux biss għax hija xi ħaġa li toħloq inkwiet u firda, iżda wkoll minħabba l-fatt li hi toħloq aktar ħażen u vizzji u tipprovdi pedament għal aktar għemejjel ħżiena fis-soċjetà.

Il-mibegħda tkun bażi tal-immoralità u twelled aktar ħażen fis-soċjetà, bħall-għira, l-arroganza, l-egoiżmu, ir-regħba, it-tħassib ħażin ta’ ħaddieħor, il-kilba għall-flus, il-malafama, l-abbuż u ħafna aktar.

It-tħassib ħażin fl-oħrajn

Minħabba l-mibegħda, il-persuna bil-mod il-mod tibda taħseb ħażin fl-oħrajn, u dan isir mezz ta’ aktar rovina tal-persuna kemm soċjalment, reliġjożament u moralment. Dan ikompli jgħarraq lill-persuna u jċaħħadha milli tagħmel għemejjel tajbin u turi valuri morali u virtujiet fil-ħajja ta’ kuljum.

L-inkwiet jibda meta persuna tintilef f’ħafna suspetti foloz u dubji kbar. Jekk wieħed jaħseb fit-tajjeb f’kull sitwazzjoni, jingħata l-ħila biex jakkwista t-tajjeb. Li wieħed jaħseb ħażin f’ħaddieħor huwa dnub kbir li jtellef lill-individwu minn ħafna opportunitajiet li jwettaq il-ġid u l-għemejjel tajba.

Dulur kbir

Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya jikteb dwar dan u jgħid: “Ngħidilkom bis-sew li d-drawwa li taħseb ħażin f’ħaddieħor iġġib dulur kbir, għax din teqred il-fidi tal-persuna, tbegħedha mis-sewwa u l-korrettezza, u tbiddel il-ħbieb f’għedewwa.

Biex wieħed jikseb l-ogħla merti tas-sewwa huwa neċessarju li persuna twarrab għalkollox id-drawwa li taħseb ħażin fl-oħrajn, u jekk taqa’ f’dik l-attitudni mill-ġdid għandha tfittex il-maħfra għal ħafna drabi u għandha titlob lil Alla Omnipotenti biex jipproteġiha minn dan id-dnub u l-konsegwenzi koroh tiegħu. Dan il-vizzju m’għandux jiġi sottovalutat u injorat. Huwa marda perikoluża li teqred persuna f’ħakka t’għajn. Fil-qosor, meta wieħed jaħseb ħażin fl-oħrajn jista’ jinqered.”

L-għira u r-regħba

Barra minn dan, il-mibegħda toħloq l-għira u r-regħba fi qlub in-nies kontra l-oħrajn. L-għira taħraq lill-persuna internament u twassal ukoll biex issir ħsara lil ħaddieħor, u tinbidel il-persuna għalkollox. Kemm hi ħażina l-għira nistgħu nifhmuha mill-kliem tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, li qal:

“Oqogħdu attenti mill-għira, għax din tiekol l-għemejjel tajba, bħalma n-nar iġib fix-xejn l-injam u l-ħaxix. La tgħirux għal xulxin! La tgħollux il-prezzijiet! La tobogħdux lil xulxin! Tagħtux daharkom lil xulxin! Tagħmlux l-offerta tagħkom waqt li żewġ naħat għaddejjin jinnegozjaw! Kunu tabilħaqq qaddejja ta’ Alla, billi tkunu tabilħaqq aħwa.”

Darba qal li tliet affarijiet huma l-għeruq tad-dnubiet kollha. Allura oqogħdu attenti minn dawn it-tlieta. Oqogħdu attenti mill-arroganza għax kienet l-arroganza li qanqlet lil Iblis li rrifjuta li jobdi lil Adam (sliem fuqu). Attenti mir-regħba għax kienet ir-regħba li ġiegħlet lil Adam jiekol il-frott tas-siġra projbita. Oqogħdu attenti mill-għira għax l-għira pperswadiet lil wieħed miż-żewġ ulied ta’ Adam biex joqtol lil ħuh.

Iż-żerriegħa tal-mibegħda

Ara u aħseb kemm il-mibegħda tagħmel il-ħsara lill-persuna, li wieħed jibda mill-mibegħda u jkompli fuq din it-triq ħażina li teqred persuna malajr u għalkollox. Kemm verament jingħad li, ‘dak li tiżra’ taħsad’, li jekk niżirgħu ż-żerriegħa tal-mibegħda ma nistgħux nistennew li tagħti l-frott bnin u frisk.

Barra minn hekk, il-mibegħda meta tikber tikkonverti ruħha fil-vjolenza, għax, is-siġra tal-mibegħda dejjem tagħti l-frott morr u soċjetajiet u individwi jsiru vittmi tal-mibegħda. Nafu sew li l-vjolenza qatt ma tiġi ġġustifikata, għax hi tħassar il-paċi ta’ soċjetà.

Ejja neqirdu l-mibegħda darba għal dejjem

Nixtieq ngħid bi mħabba sħiħa lejn l-umanità biex naħdmu id f’id ħalli din il-mibegħda tinkines barra mis-soċjetajiet u l-komunitajiet tagħna, tabilħaqq mid-dinja kollha, darba għal dejjem. Għax diġà hu tard wisq, u ma nistgħux inħalluha tidħol aktar fis-soċjetajiet tagħna biex toħloq aktar firda u kunflitt.

Irridu nqajmu kuxjenza u għarfien dwar il-konsegwenzi devastanti tal-mibegħda, għax il-mibegħda hija velenu li teqred lis-soċjetajiet tagħna, u minflok dejjem nagħżlu l-imħabba u l-affezzjoni.

Iż-żmien jitlob minna lkoll biex inwessgħu l-messaġġ tal-imħabba u l-kompassjoni bejn is-soċjetajiet u l-komunitajiet tagħna sabiex id-dinja ssir armonjuża u paċifika. Ma ninsew qatt li, il-mibegħda hija velenu, u l-emozzjonijiet negattivi bħall-mibegħda jeqirdu l-paċi u s-serħan tal-moħħ tagħna.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.