Do not destroy your own selves

TEQIRDUX LILKOM INFUSKOM

It-Torċa, 19.01.2025 | IMAMLaiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

“L-għawġ li laqatkom (ġej) minħabba dak li għamlu jdejkom. Alla jinjora u jħassar ħafna (minn ħtijietkom).” (42:31) “Onfqu għal Alla u la tintremewx fil-qerda b’idejkom stess. Agħmlu l-ġid; Alla tassew iħobb lil dawk li jagħmlu t-tajjeb.” (2:196)

Dawn il-versi tal-Koran Imqaddes jispjegaw u jwissu li jekk il-bniedem isir jaf ir-realtà u l-verità u jibqa’ jiċħadhom, huwa stess ikun it-tort ta’ kull sfortuna li tiġrilu. Għalhekk, bl-għerf u l-għaqal jeħtieġ li meta l-bniedem isir jaf il-verità għandu, minflok jiċħadha, jaċċettaha b’mod ġenwin u b’qalb kollha. Għax, it-tiċħid tal-verità ma jħassarx il-verità. Pereżempju, jekk wara tlugħ ix-xemx xi ħadd jgħid li m’hemmx xemx, jagħmel sens?

Li ma tagħrafx ir-realtà ma jistax iwassal għan-nuqqas tar-realtà, jew, l-injoranza ma tistax tkun argument għan-nuqqas ta’ eżistenza. Allura, huwa importanti li jekk ma nafux xi ħaġa, nagħmlu ftit riċerka u, meta nsiru nafu, nipprattikaw.

20 minuta minn ħajtek

Simili huwa l-każ tat-tipjip, li, nafu l-konsegwenzi u l-ħsara tat-tipjip tajjeb ħafna, sa tali punt li anke fuq il-pakketti tas-sigaretti jissemmew b’mod ċar il-ħsarat u l-perikli tat-tipjip. Biex  jaċċertaw dan, anke stampi huma inklużi fuq il-pakketti tas-sigaretti. Ħabib tiegħi, kull meta narah ipejjep, dejjem indawwar il-pakkett tas-sigaretti lejh biex niġbed l-attenzjoni tiegħu għall-messaġġ li, ‘it-tipjip joqtol’. Hu dejjem iwieġeb bid-daħk, “Iżda bil-mod bil-mod.”

Studju ġdid li sar fir-Renju Unit juri li kull sigarett li tpejjep qed inaqqas 20 minuta minn ħajtek, jiġifieri, it-tipjip inaqqar 10 snin minn ħajjet il-bniedem. Fil-verità, it-tipjip iġib biss ħsara. Fil-każ ta’ Malta, mal-500 persuna kull sena jmutu minħabba problemi relatati direttament mat-tipjip.

Huwa xokkanti, hux? Allura għaliex in-nies jirrikorru għat-tipjip?

Il-miraġġ fid-deżert

Qrajt ħafna u ddiskutejt ħafna man-nies li jpejpu, iżda ma sibt l-ebda raġuni valida għat-tipjip, bħalma m’hemm l-ebda raġuni valida għad-drogi u l-użu tas-sustanzi. Ir-raġuni li jippreżentaw dawk in-nies, huwa biss bħal miraġġ fid-deżert.

Naħseb li l-vizzju tat-tipjip jew l-użu tad-drogi jipprovdu xi tip ta’ serħan temporanju, u ħarba  mir-realtajiet ħorox tal-ħajja. Minflok li l-bniedem jiffaċċja u jikkontrobatti l-isfidi tal-ħajja, qed isib żvog ħafna drabi fit-tipjip u xi kultant fid-drogi.

Il-vizzju ta’ kwalunkwe tip huwa ħażin, għax, jisraq l-indipendenza tal-persuna u jagħmel lill-persuna dipendenti fuq il-vizzju u d-dipendenza.

Iżda, fir-realtà, ir-raġunijiet kollha kemm huma favur it-tipjip jew l-użu tad-droga huma bħal miraġġ f’deżert, fejn wieħed bil-għatx jaħseb li hemm l-ilma sakemm, meta jasal għalih, isib li hija biss illużjoni. In-nies li għandhom ċerti vizzji jaħsbu li dawn il-vizzji jistgħu jaqtgħu l-għatx tagħhom iżda dawn mhumiex aktar minn miraġġ f’deżert.

Minħabba l-avvanz tax-xjenza, insibu ħafna modi u mediċini għall-kura u l-fejqan, iżda l-problemi relatati mas-saħħa baqgħu jiżdiedu.

Xi wħud mill-kawżi ewlenin li jikkonċernaw il-problemi tas-saħħa huma t-tipjip, l-alkoħoliżmu u l-użu tad-droga. It-tipjip huwa komuni ħafna u legali — ukoll faċilment disponibbli u aċċessibbli għal kulħadd. It-tabakk jew it-tipjip huwa wieħed mill-kawżi ta’ mard sever u fatali bħall-kanċer, il-pressjoni għolja tad-demm, l-ażma, il-problemi tal-ġilda u l-attakk tal-qalb.

It-tabakk joqtol aktar minn 8 miljun ruħ kull sena

Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, “l-epidemija tat-tabakk (jew it-tipjip) hija waħda mill-akbar theddidiet għas-saħħa pubblika li qatt iffaċċjat id-dinja”, u toqtol aktar minn 8 miljun ruħ kull sena, inklużi madwar 1.3 miljun persuna li ma jpejpux iżda huma esposti għal nies oħra li jpejpu. Jiġifieri ma jpejpux, iżda, fit-triq jew f’postijiet oħra, in-nies ta’ madwarhom ipejpu u jieħdu d-duħħan tagħhom. Għalhekk, mhux biss huwa importanti li ma npejpux, iżda, għandna noqogħdu ’l bogħod anke mid-duħħan tas-sigaretti.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-Iżlam, is-sustanzi u x-xorb kollha huma pprojbiti minħabba li huma meqjusa li jagħmlu ħsara. L-Iżlam jgħid li kull ħaġa li tagħmel il-ħsara għas-saħħa fiżika u spiritwali tagħna mhix permessa; anki jekk għandhom ‘xi vantaġġi għan-nies; iżda l-ħsarat u l-iżvantaġġi tagħhom huma akbar mill-vantaġġi tagħhom’, (Il-Koran, 2:220).

Jekk l-iżvantaġġi jkunu akbar mill-vantaġġi…

Dan il-​vers jenfasizza b’mod ċar ħafna li anki jekk xi ħaġa għandha xi benefiċċji, iżda tikkawża aktar ħsara lis-​saħħa fiżika u spiritwali tagħna, mela hija pprojbita. Jiġifieri, jekk nafu li l-ftuħ tal-bieb se jeħodna lejn id-dnub, aħjar li ma niftħuhx, anke t-tieqa; jekk il-ftuħ tal-bieb huwa ta’ periklu, aħjar li anke nżommu t-tieqa magħluqa. Jekk nafu li jekk inħallu l-bieb miftuħ jista’ jidħol il-ħalliel biex jisraq, huwa għaqli li anke nżommu t-tieqa magħluqa.

Kemm hi sabiħa! L-għan huwa li l-bniedem jibqa’ sod u b’saħħtu fiżikament kif ukoll moralment u spiritwalment.

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, jispjega aktar dan u jgħid: “Dak kollu li jikkawża l-ħsara f’ammonti kbar, doża żgħira minnu hija wkoll illegali.”

Iċċaħħdu minn kull tip ta’ sustanzi

Nixtieq nikkwota xi siltiet mill-kitbiet tal-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana li jitfgħu aktar dawl fuq dan is-suġġett, fejn hu jwissi u jfakkarna li x-xorb u s-​sustanzi mhux biss jagħmlu ħsara fiżika lil ġisimna, imma wkoll iħallu effett fuq l-​ispiritwalità tagħna. Huwa jikteb:

“Kunu devoti u ibżgħu minn Alla, ħalli tgħixu ħajja itwal, u tkunu mbierka minn Alla. Wisq dħul f’għajxien lussuż, faċli u irresponsabbli huwa saħta.”

“Intom l-għaqlin! Kunu afu li din id-dinja mhix eterna, allura ħudu ħsieb tagħkom infuskom. Evitaw kull immoderazzjoni u ċċaħħdu minn kull tip ta’ sustanza. Mhux ix-xorb biss li jirrovina lill-bniedem. Il-loppju, il-kannabis, iċ-charas, il-bhang, it-tarhi u sustanzi oħra huma qerrieda wkoll. Jeqirdu l-moħħ u jiddistruġġu l-ħajjiet. Għalhekk, aħarbu mis-sustanzi kollha. Jiena ma nistax nifhem kif wieħed ikun irid jaqbad dawn il-vizzji meta, sena wara l-oħra, jeqirdu l-ħajjiet ta’ eluf ta’ vvizzjati—biex ma nsemmux it-turment tal-ħajja li jmiss.”

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.