Threat or a source of peace?

THEDDIDA JEW SORS GĦALL-PAĊI?

It-Torċa, 26.01.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Ir-reliġjon kienet, hija u se tibqa’ strument mill-aqwa għar-riformazzjoni u t-trasformazzjoni tal-bniedem. Il-bniedem ta’ kull żmien dejjem kien fil-bżonn li jkun aħjar moralment, soċjalment, spiritwalment u anke finanzjarjament. Ir-reliġjon dejjem ipprovdiet is-soluzzjonijiet lill-bniedem f’kull qasam tal-ħajja tiegħu. Kull meta l-bniedem kien fil-bżonn, anke fil-mumenti koroh u mudlama, ir-reliġjon kienet dejjem hemm biex tixgħellu u tagħtih id-dawl fl-aktar mumenti mudlama u biex tiggwidah lejn il-mogħdijiet it-tajba.

Iżda, sfortunatament, ir-reliġjon ma kinitx apprezzata kif suppost kellha tkun. Anke fid-dinja tal-lum insibu għadd sostanzjali ta’ nies li għandhom biża’ mir-reliġjon b’mod ġenerali u mill-Iżlam b’mod partikolari. Minflok li jitgħallmu l-prinċipji tal-ħajja, qed jibżgħu mir-reliġjon.

Irridu nifhmu u nagħmlu distinzjoni ċara bejn ir-reliġjon u dawk li jemmnu fir-reliġjon. Mhijiex reliġjon li toħloq problemi jew tiggwida biex toħloq diżordni fl-art, u tagħmel il-ħajja tan-nies orribbli; pjuttost, sfortunatament ħafna, huma n-nies li jinterpretaw ħażin it-tagħlim reliġjuż għall-iskopijiet u l-benefiċċji personali tagħhom. Huma n-nies li jużaw l-isem tar-reliġjon għall-interessi personali tagħhom u jagħtu isem ħażin lir-reliġjon. Fir-realtà, ir-reliġjon hija sors ta’ paċi, armonija, fratellanza u benesseri tar-razza umana kollha.

Minflok il-biża’, nitgħallmu

Għalhekk, minflok li nibżgħu u nitbiegħdu mir-reliġjon, għandna biex nuru x-xewqa ħerqana tagħna li nitgħallmu u nitkixxfu dwar ir-reliġjon. Għalhekk, nitlob li intom il-qarrejja tkunu dawk li tfittxu li tagħrfu l-essenza vera u l-bżonn ġenwin għar-reliġjon mill-qigħan ta’ qlubkom.

Illum, nixtieq nikteb partikolarment dwar l-Iżlam li, bħala reliġjon, taħsbu li hija theddida jew sors għall-paċi? Għax, kif diġà għedt, in-nies jibżgħu ħafna partikolarment mill-Iżlam, u jaħsbu li l-Iżlam huwa theddida għall-paċi u l-benesseri dinjija. Huwa fatt li ħafna drabi jsiru għadd ta’ interpretazzjonijiet ħżiena tal-Iżlam u għalhekk it-tagħlim tiegħu jkun mibdul għalkollox b’tali mod li tingħata l-impressjoni li, allaħares, l-Iżlam ma jgħallem xejn ħlief l-estremiżmu u l-krudeltà.

Naħseb li, f’dinja mimlija kunflitti u tensjoni, it-tagħlim tal-Iżlam xi kultant ma jinftihemx; iżda fir-realtà l-Iżlam mhuwa xejn ħlief reliġjon ta’ paċi, imħabba, u mogħdrija. Il-kelma ‘Iżlam’ ġejja mill-kelma Għarbija ‘Salaam’ li tfisser sliem u paċi. L-Iżlam jgħallem il-paċi ma’ Alla, il-paċi ma’ ħutna l-bnedmin, u l-paċi miegħek innifsek.

Alla hu Dejjem Ħanin

Barra minn hekk, Alla li jippreżenta l-Iżlam għandu n-natura tal-imħabba u l-ħniena. Alla li naduraw u li nemmnu li hu omnipotenti hu kompletament sovran u għalhekk għandu l-qawwa li jagħmel kollox u kulma jrid. Fl-istess ħin, hu Dejjem Ħanin. Għalhekk, Alla l-Ħanin, fil-Koran ta lin-nies l-aħbar tajba li l-ħniena u l-kompassjoni tiegħu qegħdin hemm għal kulħadd.

Għalhekk, wieħed mill-aktar prinċipji fundamentali tal-Iżlam huwa t-twemmin li Alla huwa ġentili, ħanin u ġeneruż. Kull kapitlu tal-Koran Imqaddes jibda billi jenfasizza dawn il-karatteristiċi ta’ Alla:  “F’isem Alla, Mimli Grazzji, Dejjem Ħanin.”

Dan isaħħaħ il-bażi tat-twemmin sħiħ Iżlamiku, għaliex jenfasizza li n-natura ta’ Alla hija msejsa fuq il-mogħdrija u l-ħniena. L-Iżlam, hekk kif mgħallem fil-Koran Imqaddes, jiggwidana lejn il-paċi, ir-rispett reċiproku, u l-fehim. Il-Koran jgħallimna: “Jekk jerqsu lejn il-paċi, mela ersqu lejn il-paċi intom ukoll; u afdaw f’Alla.” (8:62)

Dejjem insegwu t-triq tal-paċi

Hawnhekk naraw li l-Iżlam ma jiddefendix il-vjolenza u l-aggressjoni. Anzi jħeġġiġna lilna l-Musulmani biex insegwu t-triq tal-paċi kull meta hu possibbli. Fil-fatt, il-Qaddis Profeta Muħammad, il-paċi tkun fuqu, hu deskritt bħala l-ħniena għall-umanità kollha: “Aħna ma bgħatnikx ħlief bħala ħniena għan-nies kollha.” (21:108)

Għalhekk, meta naqraw dwar il-ħajja tal-Profeta Muħammad, insibu li għat-twaqqif tal-paċi soċjali, hu jista’ jitqies bħala dawl li jixgħel it-triq għall-armonija dejjiema. Huwa għallimna dwar il-kundizzjonijiet tal-paċi għall-popli kollha u għaċ-ċirkostanzi kollha.

Pereżempju, ir-rispett u l-armonija bejn ir-reliġjonijiet huwa fundamentali għat-twaqqif tal-paċi; imdawlin mit-tagħlim tal-Koran Imqaddes, il-Musulmani jemmnu fil-profeti ta’ Alla kollha u jirrispettawhom b’qalbhom kollha.

Barra minn hekk, aħna tassew nemmnu fil-verità tal-profeti kollha u nagħrfu li dawn intbagħtu biex iqarrbu lill-umanità lejn Alla Omnipotenti, biex jgħallmu l-moralità u biex iwaqqfu l-valuri umani universali, bħal-libertà tal-kuxjenza, il-ġustizzja u s-simpatija umana. Meta tqis dan kollu, kif jista’ jkun li aħna ma nirrispettawx jew ma nonorawx ir-reliġjonijiet l-oħra jew is-segwaċi tagħhom?

Ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi huma l-aħjar

Il-Koran Imqaddes jenfasizza ħafna fuq il-paċi u jgħid li: “Ir-rikonċiljazzjoni, l-armonija, it-tolleranza u l-paċi huma tassew l-aħjar.” (4:129)

Ħafna jaħsbu u jsaqsu, għaliex allura l-Musulmani ngħataw permess biex jiġġieldu?

Hawnhekk, ukoll għandna nifhmu li l-Koran Imqaddes jippermetti lill-Musulmani għall-battalja difensiva biss, bl-għan li jitwaqqfu l-ħruxijiet fis-soċjetà minħabba r-reliġjon. Għalhekk il-Koran jgħid li meta l-għedewwa jieqfu mill-ġlied, intom ma tistgħux tkomplu bil-ġlied, għax xogħolkom huwa li tistabbilixxu l-paċi u mhux il-ġlied.

Il-prinċipji u l-istruzzjonijiet ċari tal-gwerra

Għaldaqstant, anki fl-għoti tal-permess tal-ġlied, ingħatajna prinċipju importanti dwar id-difiża u t-twaqqif tal-paċi. Anke meta l-Musulmani jiġu sfurzati jiġġieldu, anke f’ċirkustanzi bħal dawn ta’ gwerra difensiva, l-Iżlam jagħti struzzjonijiet ċari lill-Musulmani, li: l-ebda mara ma tinqatel; ma jinqatlux it-tfal; ix-xjuħ ma jiġux imfixkla u mxekkla; l-ebda persuna ma tingħata n-nar; l-ebda annimal ma jinqatel; ma jitqaċċtux is-siġar; ma jingħad xejn lir-refuġjati, lill-persuni reliġjużi; il-postijiet tat-talb bħal kunventi, knejjes, sinagogi u moskej jiġu protetti f’kull ċirkostanza.

Dawn il-prinċipji kollha juru biċ-ċar li l-Iżlam bħala reliġjon mhuwiex it-theddida, iżda huwa sors għall-paċi ġenwina.

Dawn l-istruzzjonijiet ingħataw lill-Musulmani kważi 1500 sena ilu, li ma jinstabu mkien fid-dinja, lanqas fid-dinja hekk imsejħa moderna u ċivilizzata li ngħixu fiha. Is-sitwazzjoni f’Gaża, il-Palestina, hija evidenti minnha nfisha, meta jitwaddbu l-bombi mis-smewwiet, meta l-missili jintefgħu fuq l-ibliet u l-abitazzjonijiet, bla diskriminazzjoni u bl-addoċċ.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.