
DIFFIĊLI IŻDA HIJA T-TRIQ TAS-SEWWA
It-Torċa, 09.02.2025 | IMAM Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com
Kemm-ildarba esperjenzajna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum li meta xi ħadd jixtieq li jkollu xi ħaġa li jħobb, meta finalment jirċeviha kemm isir ferħan bħal donnu li rċieva d-dinja kollha. Naraw li meta t-tfal jirċievu l-ġugarelli tal-għażla tagħhom kemm isiru ferħanin. Meta xi ħadd jirċievi ċ-ċertifikat tal-gradwazzjoni, jew jixtieq l-ewwel karozza jew dar tiegħu, kemm jieħu pjaċir li ma nistgħux nispjegaw bil-kliem.
Jekk il-bniedem ikun daqshekk ferħan meta jkollu xi ħaġa li jixtieqha, xi ħaġa li hija temporanja, aħseb u ara kemm il-bniedem se jkun ferħan meta jsib lil Alla—il-Ħallieq ta’ kulħadd u ta’ kollox.
Għażla ta’ ħabib
Qrajt storja vera impressjonanti li tgħallimna lezzjoni tal-ħajja. Darba raġel kien miexi fit-triq jibki u kien diżappuntat ħafna. Bniedem ta’Alla ltaqa’ miegħu fit-triq u staqsieh, “Għaliex qed tibki?” Hu wieġeb, “Ħabibi ħalliena.” Il-bniedem ta’Alla qallu, “Int kellek taħseb minn qabel. Għaliex kellek ħbiberija ma’ xi ħadd li kellu jmut?”
Xi sbuħija! Kemm hi sabiħa t-tweġiba tal-bniedem ta’ Alla, li fi ftit kliem għallimna lezzjoni għal ħajjitna kollha li dejjem nagħmlu ħbiberija ma’ Dak li hu Etern, li hu Jista’ Kollox, li hu għal Dejjem, li hu Ħaj u qatt ma jmut, jiġifieri, Alla—is-Sid tal-Ħolqien kollu.
Jekk il-bniedem jitgħallem din il-lezzjoni li dejjem iżomm lil Alla l-qofol ta’ ħajtu u jagħtih il-prijorità fuq kull ħaġa oħra, żgur se jgawdi b’mod tajjeb f’din id-dinja u bl-aħjar mod fid-dinja l-oħra.
Teżor li ma jispiċċa qatt
Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jgħid li, jekk inti ssir ħaġa waħda m’Alla, ibqa’ ċert li Alla wkoll se jkun tiegħek. Kieku kont taf, lanqas ġurnata waħda ma kont titnikket fuq id-dinja. Min għandu teżor jibki u jsir imnikket minħabba t-telfa ta’ munita waħda? Kieku kont konxju taʼ dan it-teżor u kont taf li f’kull ħin taʼ bżonn Alla jistaʼ jwettaq il-ħtiġijiet tiegħek, kont tħares lejn id-dinja u l-affarijiet tagħha b’mod daqshekk inkwetanti?
Jiġifieri, Alla hu t-teżor li ma jispiċċa qatt, u d-dinja hi munita waħda li hi bla valur. Għalhekk, huwa ovvju li d-dmir primarju u l-pass importanti li rridu nagħmlu huwa li nagħrfu lil Alla; inħobbu lil Alla; nistabbilixxu relazzjoni soda ma’ Alla; inrabbtu rabta mill-aqwa mal-Mulej, sabiex Hu verament ikun tagħna.
Jekk ir-rikonoxximent tagħna ta’ Alla huwa difettuż, dubjuż u mċajpar, il-fidi tagħna ma tistax tkun tleqq u brillanti. Sakemm ma jkollna l-ebda esperjenza vera tar-rikonoxximent ta’ Alla, permezz tal-attributi Tiegħu, ma nistgħux nixorbu l-ilma frisk tan-nixxiegħa ta’ fehim veru.
Kastell fuq ir-ramel
Jiġifieri, il-fidi dubjuża ma tista’ teħodna mkien. Nistgħu nitilgħu fuq il-muntanja b’nofs sforz? Nistgħu ngħaddu minn eżami bi ftit sforz? Nistgħu nibnu bini bil-briks nofshom lesti? Nistgħu nibnu kastell fuq ir-ramel? Allura kif nippretendu li nistgħu niksbu l-imħabba u l-pjaċir ta’ Alla b’qalb maqsuma, jew b’fidi difettuża u mċajpra?
Alla huwa l-aqwa dawl li qatt jista’ jkun, u jista’ jidher biss bil-qawwa tad-dawl aħħari tal-qalb u r-ruħ. Il-bniedem għandu jagħmel minn kollox, mija fil-mija, biex jistinka bil-kapaċitajiet u l-abbiltajiet kollha tiegħu ħalli jara l-wiċċ sabiħ u leqqien ta’ Alla li Jista’ Kollox.
Għandna bżonn li neħħu d-dubji kollha, u neħtieġu li qalbna tkun affettwata b’mod tant qawwi mill-esperjenza tal-ħniena, il-grazzja u l-qawwa Divina, biex neħilsu mill-passjonijiet li jaħkmuna minħabba d-dgħufija tal-fidi tagħna, u jdawruna lejn id-direzzjoni opposta.
Għalhekk huwa meħtieġ li min ifittex il-verità jokkupa ruħu kontinwament bit-tfittxija tal-fidi vera u ma jqarraqx lilu nnifsu billi jaħseb li huwa fidil li jemmen f’Alla u jevita l-ħażen.
Għax wara l-mewt, is-salvazzjoni perfetta u l-hena vera jaslu biss għal dawk li jibqgħu jfittxu l-verità matul ħajjithom kollha. Hemm, dik il-persuna biss se tikseb salvazzjoni perfetta, prosperità vera u hena reali li kisbet f’din il-ħajja dak id-dawl ħaj u veru li jdawwar lill-persuna, flimkien mal-fakultajiet u l-kapaċitajiet u d-disinji kollha tagħha, lejn Alla li Jista’ Kollox. Dak li jikkawża l-mewt għalkollox lill-ħajja u x-xewqat ħżiena tiegħu, u ruħu tgħaddi minn bidla ġusta u safja.
X’inhu dak id-dawl ħaj u veru?
Hija l-kapaċità mogħtija minn Alla, li ngħidulha ċertezza jew fehim perfett. Din hija s-setgħa li tiġbed bniedem b’idu qawwija minn ħofra mudlama u tal-biża’ u tpoġġiha fuq sfond qawwi u paċifiku.
Meta l-bniedem jasal sa tali pożizzjoni tal-fidi tiegħu, huwa jingħata ċertezza perfetta, u jibda jiġri bħall-ilma, u jgħaġġel bħar-riħ lejn Alla. Din iċ-ċertezza tikkonsma kull ħaġa oħra bħan-nar, u l-bniedem isir ġust, safi u purissimu; u l-bniedem jingħata x-xarba ħelwa tal-imħabba perfetta ta’ Alla li tagħmel il-ġisem kollu ħelu; huwa ħalib delizzjuż, li jeħles lil min jixrob minn kull xewqa għal għotjiet oħra.
Iżda din il-pożizzjoni tista’ tinkiseb biss permezz tat-talb, l-isforz sħiħ, tħabrik kontinwu, sagrifiċċji, is-sagrifiċċju veru tal-ego, il-ġlied vera kontra kull ħażen u l-istinkar għal kull tjubija, li fl-aħħar iwasslu biex jassorbu l-grazzja u l-ħniena ta’ Alla, il-Ħanin. Kemm hu diffiċli dan il-kompitu. Ah! Kemm hi diffiċli din it-triq, iżda, din biss hija t-triq tas-sewwa.