
L-Iżlam: Reliġjon ta’ Paċi
Nauman Atif (Żagħżugħ Aħmadi Musulman)
Illum nixtieq niddiskuti suġġett li ħafna drabi ma jinftihemx sewwa, l-Iżlam bħala reliġjon ta’ paċi. F’dinja mimlija kunflitt u tensjoni, it-tagħlim tal-Iżlam xi kultant ma jinftihemx. Jiena nħossni onorat li se nikteb fuq din it-tema li dejjem sostniet li l-Iżlam huwa reliġjon ta’ paċi, imħabba, u mogħdrija.
Mill-bidu nett, nixtieq infakkarkom li l-kelma ‘Iżlam’ ġejja mill-kelma Għarbija ‘Salaam’ li tfisser sliem. L-Iżlam jgħallem il-paċi ma’ Alla, il-paċi ma’ ħutna l-bnedmin, u l-paċi miegħek innifsek.
Wieħed mill-aktar prinċipji fundamentali tal-Iżlam huwa t-twemmin li Alla huwa ġentili, ħanin u ġeneruż. Kull kapitlu tal-Koran Imqaddes jibda billi jenfasizza dawn il-karatteristiċi ta’ Alla: “F’isem Alla, Mimli Grazzji, Dejjem Ħanin.”
Dan isaħħaħ il-bażi tat-twemmin sħiħ Iżlamiku, għaliex jenfasizza li n-natura ta’ Alla hija msejsa fuq il-mogħdrija u l-ħniena. L-Iżlam, hekk kif mgħallem fil-Koran Imqaddes, jiggwidana lejn il-paċi, ir-rispett reċiproku, u l-fehim. Il-Koran jgħallimna:
“Jekk huma jerqsu lejn il-paċi, mela ersqu lejn il-paċi intom ukoll; u afdaw f’Alla.” (8:62)
Hawnhekk naraw li l-Iżlam ma jiddefendix il-vjolenza jew l-aggressjoni. Anzi jħeġġiġna lilna l-Musulmani biex insegwu t-triq tal-paċi kull meta hu possibbli. Fil-fatt, il-Qaddis Profeta Muħammad (is-sliem għalih) hu deskritt bħala l-ħniena għall-umanità kollha: “Aħna ma bgħatnikx ħlief bħala ħniena għan-nies kollha.” (Il-Koran, 21:108)
L-eżempju tal-Qaddis Profeta Muħammadsa
Il-ħajja tal-Qaddis Profeta Muħammadsa kienet xempju perfett ta’ mogħdrija, maħfra u sliem. Qatt ma rritalja kontra l-għedewwa tiegħu, anki meta kellu s-setgħa li jagħmel dan. Il-kompassjoni u l-maħfra ma kinux jintwerew mas-segwaċi tiegħu biss, iżda anki mal-agħar rivali tiegħu. Fil-konkwista ta’ Mekka, meta l-għedewwa tiegħu beżgħu li se jiġu kkastigati, il-Qaddis Profeta Muħammadsa ħabbar amnestija ġenerali u ddikjara: “Mhux se jkun hemm twiddiba fil-konfront tagħkom illum.”
Il-ħajja tal-Qaddis Profeta Muħammadsa hija eżempju radjanti ta’ kif l-Iżlam jinkorpora l-paċi. Matul ħajtu, il-Qaddis Profetasa dejjem ħabrek biex isib soluzzjonijiet paċifiċi, saħansitra meta ffaċċjat b’ostilità tremenda.
Għat-twaqqif tal-paċi soċjali, il-Qaddis Profeta Muħammadsa jista’ jitqies bħala dawl li jixgħel it-triq għall-armonija dejjiema. Huwa għallimna dwar il-kundizzjonijiet tal-paċi għall-popli kollha u għaċ-ċirkostanzi kollha.
Ħafna rivali tal-Iżlam u l-Punent isostnu li l-Iżlam, Alla jħarisna, ma jagħtix id-drittijiet lin-nisa u huwa piż għalihom. Din id-dikjarazzjoni ma tistax tkun aktar imbiegħda mill-verità.
Qabel il-miġja tal-Qaddis Profeta Muħammadsa, in-nisa fl-Arabja kienu mċaħħda mid-drittijiet tagħhom u mqassma bħala wirt. Bl-għarfien tal-qagħda soċjali tan-nisa u l-pożizzjoni ġustifikata tagħhom fis-soċjetà bħala nisa miżżewġa u ommijiet; bl-assigurazzjoni tad-drittijiet tagħhom fil-wirt, fid-divorzju, fil-ħarsien tal-ulied, fl-immaniġġar tal-affarijiet tal-familja u fil-qima, il-Qaddis Profeta Muħammadsa stabbilixxa l-paċi fil-familja fuq pedament sod.
Waqt li ħafna drabi jkun allegat li l-Musulmani ma jirrispettawx ir-reliġjonijiet l-oħra jew il-figuri reliġjużi tagħhom, nista’ ngħid li dan mhu veru xejn. Fil-fatt, imdawlin mit-tagħlim tal-Koran Imqaddes, il-Musulmani jemmnu li l-profeti ta’ Alla ntbagħtu fil-pajjiżi kollha biex jiggwidaw u jirriformaw il-ġnus ta’ dawk ir-reġjuni.
Aħna tassew nemmnu fil-verità tal-profeti kollha u nagħrfu li dawn intbagħtu biex iqarrbu lill-umanità lejn Alla Omnipotenti, biex jgħallmu l-moralità u biex iwaqqfu l-valuri umani universali, bħal-libertà tal-kuxjenza, il-ġustizzja u s-simpatija umana. Meta tqis dan kollu, kif jista’ jkun li aħna ma nirrispettawx jew ma nonorawx ir-reliġjonijiet l-oħra jew is-segwaċi tagħhom?
X’inhu Jihad (Ġiħad)?
Il-kunċett tal-Ġiħad fl-Iżlam mhu mifhum xejn. Dan ma jirreferix għal kunflitt vjolenti iżda pjuttost bħala mezz biex wieħed iħabrek u jistinka għall-kawża ta’ Alla. L-akbar Ġiħad huwa t-taqbida ġewwiena tagħna kontra d-dnub, hekk kif stqarr darba l-Qaddis Profeta Muħammadsa, “L-aqwa Ġiħad huwa meta wieħed jitħabat kontra tiegħu nnifsu għal Alla, il-Qawwi u l-Maestuż.”
Il-Ġiħad bl-armi hu aċċettat biss fl-Iżlam bħala att ta’ difiża, u anki hawn, insibu ħafna kundizzjonijiet stretti. U minkejja l-permess mogħti biex wieħed jissielet f’battalja difensiva kontra l-persekuturi ħarxa, it-tagħlim konsistenti ta’ Alla Omnipotenti jibqa’ jsostni li wieħed ma jistax jaqbeż il-limiti:
“Ibqgħu ssieltu sakemm tieqaf il-persekuzzjoni, u Alla jkun jista’ jiġi meqjum bil-libertà kollha. Iżda jekk huma jieqfu, mela ftakru li l-ebda ostilità mhi permessa, ħlief kontra l-aggressuri.” (Il-Koran, 2:194)
Għalhekk, hawnhekk, dan il-prinċipju tal-gwerra huwa dwar battalji difensivi, u biex jitwaqqaf il-ħażen, u għalhekk jingħad li meta huma jieqfu mill-ġlied, intom ma tistgħux tkomplu għax xogħolkom huwa li tistabbilixxu l-paċi. Għaldaqstant, anki fl-għoti tal-permess tal-ġlied, ingħatajna prinċipju importanti dwar id-difiża u t-twaqqif tal-paċi.
Meta l-Qaddis Profeta Muħammadsa kien ikun involut f’xi battalja, kien dejjem jordna biex:
- L-ebda mara ma tinqatel;
- Ma jinqatlux it-tfal;
- Ix-xjuħ ma jiġux imfixkla u mxekkla;
- L-ebda persuna ma tingħata n-nar;
- L-ebda annimal ma jinqatel;
- Ma jitqaċċtux is-siġar;
- Għall-kuntrarju tal-għadu, l-ebda persuna m’għandha tiġi mċaħħda mill-imnieħer jew il-widnejn;
- Ma jingħad xejn lir-refuġjati, lill-patrijiet jew ’l-eremiti—il-persuni reliġjużi.
Wara li jkun rebaħ, huwa kien jipproklama li:
- L-ebda mweġġgħin ma jinqatlu;
- Ma jkunx hemm insegwiment bla bżonn għal min jaħrab.
Imbagħad, dwar il-priġunieri tal-gwerra, huwa dejjem talab biex jiġu ttrattati sewwa.
Dawk li jsostnu li l-Iżlam huwa reliġjon aggressiva u estremista għandhom jaħsbu jekk reliġjon bħal din tistax twassal dat-tip ta’ tagħlim.
It-tixrid ta’ demm innoċenti
Illum, f’din l-era fejn il-bniedem iqis lilu nnifsu avvanzat u edukat immens, wieħed irid jistaqsi jekk dawn il-valuri importanti jimmanifestawx ruħhom meta jitwaddbu l-bombi mis-smewwiet, meta l-missili jintefgħu fuq l-ibliet u l-abitazzjonijiet.
Kemm se jinxtered demm ta’ nies innoċenti f’dawn il-bumbardamenti bla sens? F’żoni fejn teżisti l-anarkija, kuljum ikun hemm funerali ta’ xjuħ, nisa u tfal. Dawn l-aħbarijiet mhumiex mistura minn għajnejna.
L-orrur li sar f’Gaża
Id-dinja ma ratx x’ġara f’Gaża, il-Palestina, mis-7 ta’ Ottubru, 2023? Aktar minn 47,000 Palestinjan innoċenti nqatlu f’Gaża, li jinkludu tfal u nisa. Dawk li jqisu lill-Iżlam bħala reliġjon vjolenti ma jarawx dawn il-ħruxijiet, brutalitajiet u vjolenza bla preċedent.
Il-midja tal-Punent ħolqot din l-immaġni u l-ideoloġija żbaljata tal-Iżlam bħala reliġjon estremista u terrorista. Mentri l-Koran Imqaddes jiddikjara li: “Kull min joqtol persuna, ikun qisu qatel l-umanità kollha, u kull min isalva persuna jkun qisu salva l-umanità kollha.” (5:33)
Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, Ħażrat Mirża Ghulam Aħmad, il-Messija Mwiegħed u l-Maħdias, huwa difensur leali tat-tagħlim paċifiku tal-Iżlam.
Il-motto tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, ‘Imħabba għal Kulħadd, Mibegħda għal Ħadd’ iħaddan il-qofol tal-prinċipji Iżlamiċi.
Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana tkompli tippromovi l-paċi, it-tolleranza u l-fehim bis-saħħa tal-edukazzjoni, is-servizz, u d-djalogu.
Wara li naċċettaw lill-Messija Mwiegħedas, jalla Alla l-Omnipotenti jgħinna nsiru eżempji xierqa għall-bqija tad-dinja permezz tal-azzjonijiet tagħna, li jkunu bbażati sew fuq it-tagħlim ġenwin tal-Iżlam.
Jalla Alla jaċċetta t-talb kollu tagħna u l-isforzi tagħna biex naħdmu għat-twaqqif tal-paċi u kif qal Alla lill-Messija Mwiegħedas li: “Se naħdem biex il-messaġġ tagħkom jilħaq l-irkejjen kollha tad-dinja.” Jalla kollha kemm aħna nħabirku għal din il-kawża nobbli u b’hekk insiru riċevituri ġenwini tal-ħniena u l-grazzja ta’ Alla. Ammen.