
L-Umiltà: Valur meħtieġ għall-Qrubija Divina
It-Torċa, 16.02.2025 | IMAM Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com
______ Il-kburija u l-arroganza huma l-karatteristiċi ta’ Satana misħut ______Il-wild ta’ Adam—il-bniedem t’Alla, huwa dak li hu umli.
____ O insett tal-art (l-arroganti)! Aqta’ l-kburija, is-suppervja u l-arroganza ____Il-kburija tixraq biss lill-Onorevoli Alla li jista’ kollox.
______ F’moħħok, ikkunsidra lilek innifsek inferjuri minn kulħadd ______Forsi tista’ tidħol fid-Dar tal-Unjoni b’dan il-mod.
_____ Aqta’ l-kburija, is-suppervja u l-arroganza — għax din hija l-virtù _____Inżel fit-trab (sir umli)—għax din hija x-xewqa tal-Mulej.
Illum xtaqt nibda l-artiklu tal-lum b’xi versi mill-poeżija tal-fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Qdusija tiegħu, Ħażrat Mirża Ghulam Aħmad, li jiġbru fil-qosor is-suġġett kollu kemm hu, u anke l-qarrejja se jieħdu gost u jieħdu xi punti biex jaħsbu fuqhom, qabel ma jaqraw il-kitba tiegħi.
L-arroganza teqred kollox
Bla dubju ta’ xejn, l-arroganza u l-inkwiet huma karatteristiċi mhux mixtieqa. Għemejjel tajbin ta’ snin twal jistgħu jinħlew minħabba żball żgħir li jirrifletti l-arroganza. L-arroganza teqred il-bniedem għalkollox.
Huwa miktub li kien hemm raġel ġust li kien jgħix fuq muntanja u kienet ilha ma tinżel ix-xita hemmhekk għal ħafna żmien. Ġurnata waħda hekk kif niżlet ix-xita din tferrgħet fuq il-blat u l-ġebel ukoll.
F’qalbu qamet oġġezzjoni li x-xita kienet meħtieġa għall-għelieqi u l-ġonna tal-frott. Kieku x-xita niżlet biss fuq l-għelieqi, flok il-blat, kienet tkun ferm aħjar. Ħaseb minħabba l-arroganza tiegħu li Alla ħela l-għan veru tax-xita.
Meta sema’ din l-oġġezzjoni arroganti, Alla ċaħħdu mill-qdusija tiegħu. Kien imdejjaq ħafna u tkellem raġel qaddis ieħor dwar dak li ġara.
Il-qaddis l-ieħor qal, “Għaliex oġġezzjonajt? Int ġejt ikkastigat għal dan l-iżball. Kun umli u itlob il-maħfra minn Alla sabiex Hu jaċċettak mill-ġdid.”
Ir-raġel ġust, li kien irċieva l-kastig, talab il-maħfra mingħand Alla u wiegħed li qatt mhu se jkun arroganti fil-futur, dejjem se jibqa’ saqajh mal-art u jżomm lilu nnifsu umli ħafna. Għalhekk, Alla ħafirlu.
Din l-istorja turi b’mod ċar li l-arroganza hija l-velenu li jeqred lill-bniedem u ’l-ġustizzja tiegħu, u fuq naħa oħra l-umiltà hija t-triq tas-suċċess u t-triq tal-ġusti.
L-imħabba ta’ Alla żżidhom fl-umiltà
Meta naqraw il-Kotba Mqaddsa nsibu li l-umiltà hija enfasizzata ħafna. Il-Koran Imqaddes ukoll jenfasizza ħafna fuq dan il-valur mill-isbaħ u dejjem iwissi lill-bniedem biex jibqa’ ’l bogħod mill-arroganza. Alla l-Ħanin jgħid fil-Koran Imqaddes li: “Fittxu l-għajnuna bis-sabar u bit-talb; u dan tabilħaqq huwa iebes ħlief għall-umli fl-ispirtu, li jafu żgur li se jiltaqgħu ma’ Sidhom, u lilu jerġgħu lura.” (2:46-47)
Sabiex niksbu l-qrubija Divina, il-ħaġa bażika hija li dawn il-versi, u ħafna oħrajn fil-Koran Imqaddes, jiġbdu l-attenzjoni fuq l-umiltà u l-umiltà sħiħa. Il-bażi tal-kmandamenti kollha meħtieġa biex jinkiseb il-pjaċir ta’ Alla hija l-umiltà u l-modestja. Jgħid li dawk li jingħataw l-għarfien ‘huma jinxteħtu wiċċhom fl-art jibku u dan iżidhom fl-umiltà’ (17:110).
Meta naqraw l-istorja umana, insibu li, kull meta ġie xi profeta mingħand Alla, dawk li kienu jaħsbu li huma l-kbar ta’ dak iż-żmien, ħafna minnhom irrifjutaw lill-Profeti ta’ Alla minħabba li kellhom l-arroganza ġo qalbhom. Dan juri li, sakemm il-bniedem m’għandux l-umiltà ġo qalbu ma jistax jibbenefika anke mill-profeti u t-tagħlim Divin.
Il-filosofija u l-għerf fil-qima u t-talb
Dan huwa l-messaġġ, il-filosofija, l-għerf u l-għarfien li nsibu anke fil-qima u t-talb. Meta l-bniedem iqum quddiem il-Mulej, u meta jbaxxi rasu quddiem Alla u rasu tmiss l-art, din hija manifestazzjoni ta’ umiltà. Dan huwa l-istat tal-bniedem veru—l-istat tal-umiltà, li jagħtih il-bidu ġdid, u jiftaħ għalih il-bibien u l-opportunitajiet ġodda tat-tlugħ.
Meta l-bniedem verament isir umli u devot, Alla jerfa’ l-pożizzjoni tiegħu u l-bniedem jilħaq standards għoljin f’kull qasam, inkluż l-ispiritwalità.
Bla dubju ta’ xejn, il-prostrazzjoni hija qagħda li turi l-ogħla livell ta’ umiltà, sottomissjoni u dipendenza fejn supplikant jiftaħ qalbu m’Alla u jitlob għalll-maħfra Tiegħu. Għalhekk, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li meta l-persuna tkun f’qagħda ta’ prostrazzjoni—il-pożizzjoni aħħarija tal-umiltà—għandha tfittex il-ħniena ta’ Alla u l-maħfra Tiegħu, għax f’dik il-pożizzjoni t-talb tagħha jinstema’ ħafna aktar minn Alla l-Ħanin.
Siġra mgħawġa u siġra dritta
Kull wieħed u waħda minna esperjenzajna f’xi żmien matul ħajjitna ż-żjara fi ġnien. Dawk is-siġar li huma mingħajr xi frott, huma dejjem dritti u għoljin, filwaqt li dawk is-siġar li huma mimlijin frott, dejjem jitgħawġu; aktar ma siġra għandha l-frott fuqha, aktar titgħawweġ.
Darba qrajt xi vers tal-poeżija li jfissir dan is-suġġett b’mod tajjeb ħafna li, il-fergħa titgħawweġ meta jkollha l-frott u l-fjuri fuqha; għalhekk, jekk inkunu qed nitgħawġu, ifhmu li aħna mimlijin bil-frott. Jekk aħna umli, allura ifhmu li aħna produttivi, aħna ta’ valuri, aħna nies ta’ karattru sod u tajjeb.
L-umiltà ma tfissirx dgħufija
Dan l-eżempju huwa ċarissmu bħall-kristall li dawk li huma arroganti, huma bla valur, huma bla frott, huma bla karattru; il-but tagħhom huwa vojt għalhekk ma għandhomx x’joffru lil ħaddieħor.
Iżda, dawk li huma umli, huma mimlijin bi fjuri u frott frisk u bnin, huma jbaxxu rashom minħabba l-piż tal-valuri morali, il-virtujiet u l-karattru eċċellenti tagħhom.
Fil-qosor, l-umiltà ma tfissirx dgħufija, iżda saħħa, sodizza, rieda, utilità u determinazzjoni.