
Niddiskutu l-ewtanasja f’Malta! X’valur għandha t-tbatija?
Il-Leħen, 16.02.2025| IMAM Laiq Ahmed Atif —79 655 255— amjmalta@gmail.com
Kull bniedem tixraqlu d-dinjità tiegħu; u kull bniedem jitwieled ħieles u bil-libertajiet u d-drittijiet tiegħu. Illum il-ġurnata meta nisimgħu diskussjoni dwar l-ewtanasja, dejjem ikun hemm nies li jargumentaw li dan huwa dritt tal-bniedem li, jekk jixtieq, itemm ħajtu minħabba t-tbatija li jkun qed jgħaddi minnha. Bl-istess mod kif il-bniedem għandu jagħżel x’jilbes, jew x’jiekol, jew jekk jeħux mediċina jew le.
Mad-drittijiet jiġu wkoll id-doveri
Ma naqbilx ma’ dan l-argument, il-għaliex, meta l-bniedem jgħix f’soċjetà m’għandux jara d-drittijiet tiegħu, iżda wkoll jara x’inhuma d-doveri tiegħu bħala ċittadin.
Huwa minnu li l-bniedem jista’ jagħżel x’jilbes, iżda, is-soċjetà tappoġġja ċerti regoli tal-ilbies. Pereżempju, jista’ xi ħadd imur il-qorti b’sidru mikxuf? Tista’ persuna tidħol fil-Parlament bi lbies indiċenti? Tista’ persuna tmur għal intervista televiżiva bi ħwejjeġ ta’ taħt biss?
Assolutament le. Allura d-dritt tal-bniedem jiġi kompromess? Kif il-kodiċi tal-ilbies ma tikkompromettix id-dritt tal-bniedem x’jilbes, anzi, hija ttejjeb id-dinjità tiegħu, bl-istess mod, għandna nifhmu li kull dritt tal-bniedem mhux assolut. Għax, mad-drittijiet jiġu wkoll ir-responsabbiltajiet u d-doveri. Allaħares li le, inkella, is-soċjetà se ssir bħal ġungla mingħajr ebda regola u prinċipju.
Id-drittijiet mhumiex assoluti
Dawk li jridu jagħmlu suwiċidju jippreżentaw l-istess argument li għandhom kull dritt li jgħixu jew le. Għandna d-dritt ta’ moviment, iżda, nistgħu nimxu f’nofs it-triq, għax għandi dritt li niddeċiedi kif u fejn nimxi jien?
Għandna d-dritt tas-sewqan, iżda, nistgħu nsuqu bil-veloċità tal-għażla tagħna stess? Kulħadd għandu dritt għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, imma, nistgħu ngħidu u niktbu kull ħaġa li rridu? Kulħadd għandu dritt għall-edukazzjoni, imma, jista’ xi ħadd iqum filgħodu u jiddeċiedi li jmur l-università, se jingħata permess biex jattendi?
Biex insemmi ftit, u dawn ifissru b’mod ċar li mad-dritt tiġi r-responsabbiltà u ċerti regoli, għax, id-drittijiet mhumiex assoluti.
Il-kwistjoni tat-tbatija
Safejn għandha x’taqsam il-kwistjoni tat-tbatija, nifhem dan il-punt li l-bniedem ikollu jgħaddi minn ċerta tbatija, iżda, jekk niftħu tieqa żgħira li l-bniedem jista’ jagħżel li jittermina ħajtu, fejn se nispiċċaw? Dan il-ftuħ tat-tieqa se jikkonverti fil-bieb, u mbagħad fil-bieb beraħ.
Għalhekk, minflok li nagħtu d-dritt lill-bniedem biex itemm ħajtu, huwa ħafna aħjar li s-soċjetà terfa’ r-responsabbiltà biex tgħin lil dawk in-nies li jgħaddu minn ċertu tbatija, u nkunu magħhom f’dak iż-żmien diffiċli, u nipprovdulhom serħan u faraġ.
Il-ħajja minn lenti pożittiva
Alla jgħid fil-Koran Imqaddes (2:287) li, “Alla ma jgħabbix lill-bniedem ħlief b’dak li jiflaħ.” Imbagħad Alla jgħid li dawk li jibqgħu sodi fit-tbatija, Alla se jgħinhom. “Ma jiġrix xi għawġ jekk mhux bil-permess ta’ Alla. Min jemmen f’Alla, imexxi lil qalbu fit-triq it-tajba. Alla jaf b’kollox.” (Il-Koran, 64:12)
“Intom li temmnu, stabru u kunu sodi, fittxu li tgħaddu fis-sabar, żommu sħiħ fl-imkejjen tat-taqbid mal-għadu, u ibżgħu minn Alla, biex forsi tkunu rebbiħin.” (Il-Koran, 3:201)
“Dawk li meta jiġihom xi għawġ kbir jgħidu: ‘Aħna tabilħaqq ta’ Alla, u aħna lejh nerġgħu lura.’ Dawk huma li fuqhom hemm il-barkiet u l-ħniena minn Sidhom; u dawk huma li jimxu fit-triq it-tajba.” (Il-Koran, 2:157-158)
Tassew, il-ħajja hija sabiħa wisq. Minflok li nitkellmu li l-bniedem għandu jkollu d-dritt tal-għażla jekk ma jkomplix ħajtu, huwa ferm importanti li naraw il-ħajja minn lenti pożittiva, u nippruvaw li nagħsru t-tjubija minn kull tbatija kif ġie spjegat b’mod tajjeb fil-versi tal-Koran Imqaddes.
X’valur għandha t-tbatija?
F’dawn il-versi jidher li dawk li jgħaddu minn xi sofferenza, diffikultà jew tbatija b’perseveranza, paċenzja u umiltà kbira billi jemmnu f’Alla u jħallu kollox f’idejn il-Mulej, huma jingħataw il-premjijiet minn Sidhom għax urew paċenzja fi żminijiet ta’ tbatija.
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li, ebda fidil ma jkun milqut minn xi ħsara u wġigħ ħlief li Alla se jneħħi dnubietu hekk kif il-weraq tas-siġra jaqgħu.
Kif huwa spjegat b’mod sabiħ mill-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, l-ebda fidil ma jkun milqut minn xi ħsara matul iż-żminijiet ta’ tbatija peress li huma ppremjati meta jibqgħu sodi, u Alla jaħfrilhom dnubiethom.
Dawn ir-referenzi jwieġbu l-mistoqsija dwar x’valur għandha t-tbatija, li, dnubiethom jiġu maħfura u jirċievu l-barkiet, il-ħniena u l-grazzja ta’ Alla, li huma valuri mill-isbaħ. X’jista’ jkun akbar mill-maħfra, il-ħniena, il-grazzja u l-imħabba ta’ Alla li Jista’ Kollox?