
Il-ġustizzja soċjali: Sejħa għall-azzjoni
In-Nazzjon, 27.02.2025|Nauman Atif | Żagħżugħ Aħmadi Musulman | amjmalta@gmail.com
Fl-20 ta’ Frar 2025, ġiet organizzata konferenza tant importanti fuq it-tema tal-ġustizzja soċjali, fil-Parlament Malti. Kien unur kbir għalija li jien kont wieħed mill-kelliema ta’ din il-konferenza vera importanti. Nixtieq li naqsam ukoll dawk il-ħsibijiet tiegħi mal-qarrejja tagħna.
Biex nindirizzaw l-inġustizzji soċjali bħal—il-bullying fl-iskejjel, it-twarrib fuq il-post tax-xogħol, it-tiċħid fl-isports, il-vjolenza domestika, is-solitudni, u l-użu irresponsabbli tal-midja soċjali—nixtieq nenfasizza tliet prinċipji li jiggwidawna.
L-ewwel nett, il-Mexxej Spiritwali tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, jgħid: “In-nazzjonijiet ma jistgħux jimxu ’l quddiem mingħajr ir-riformazzjoni taż-żgħażagħ.” Jekk aħna nimmaġinaw ġejjieni ġust u ħanin, irridu nippjanaw bil-għaqal u nnisslu valuri morali b’saħħithom fiż-żgħażagħ tagħna jekk irridu li pajjiżna jkun xempju tal-ġustizzja soċjali. L-iżvilupp morali, edukattiv u spiritwali tagħhom se jsawwar is-soċjetà ta’ għada.
Żgħażagħ imrobbija sewwa jwasslu għal djar paċifiċi, komunitajiet aktar b’saħħithom, u nazzjon ġust. Bħala żagħżugħ jien ukoll, li nirrappreżenta lil ħafna oħrajn, nenfasizza bil-qawwa li ż-żgħażagħ għandhom ikunu fil-qalba tal-politika u l-iżvilupp nazzjonali. Wara kollox, iż-żgħażagħ tal-lum huma l-mexxejja ta’ għada.
It-tieni, irridu nbiddlu l-mibegħda bl-imħabba, il-firda bl-għaqda, u l-egoiżmu bir-responsabbiltà soċjali. Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, għallem b’mod sabiħ: “Ixtiequ għall-oħrajn dak li tixtiequ għalikom infuskom.” Il-ġustizzja soċjali vera tissaħħaħ meta nrawmu l-fehim u d-djalogu minflok il-kunflitt u l-użu tal-forza.

It-tielet, ħadd ma jixtieq l-inġustizzja. Ejja nikkommettu ruħna biex nittrattaw lill-oħrajn b’ġustizzja, rispett, u mogħdrija f’kull aspett tal-ħajja. Il-motto tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana huwa prinċipju tad-deheb għall-bini ta’ soċjetajiet ġusti u ugwali: ‘Imħabba għal Kulħadd, Mibegħda lejn Ħadd’.
Nixtieq nagħlaq billi ngħid liż-żgħażagħ, bħali, li l-ġustizzja soċjali mhijiex biss kunċett—hija responsabbiltà. Għaldaqstant, ejja nkunu l-ġenerazzjoni li tbiddel il-kliem f’azzjoni.
Bħala żgħażagħ, għandna l-poter li nsawru l-futur. Irridu nibdew billi naqbżu għal dawk li m’għandhomx leħen. Dan ifisser li niġġieldu kontra l-bullying fl-iskejjel, nissapportjaw id-drittijiet ugwali fuq il-postijiet tax-xogħol, u naħdmu biex ikun hemm politika li hi dejjem favur iż-żgħir u mhux bil-kontra.
Ejja, iż-żgħażagħ tal-lum, immexxu b’mod dinjituż, diċenti u kostruttiv. Aħna nistgħu nagħmlu d-differenza. Flimkien, nistgħu nibnu futur fejn il-ġustizzja u l-ugwaljanza jkunu għal kulħadd.
Ejjew nippromwovu l-imħabba, l-empatija, u l-ġustizzja soċjali! Jalla Alla jberikna lkoll u l-pajjiż maħbub tagħna, Malta! Ammen.