Why do we hurt our people?

Għaliex inweġġgħu lil niesna?

In-Nazzjon, 27.02.2025| Imam Laiq Ahmed Atif Malta – amjmalta@gmail.com

Kellmuhom b’mod ġentili u bil-grazzja

Alla l-Ħanin jgħid fil-Koran Imqaddes: “Kellmu b’mod ġentili, u bil-grazzja u bil-qalb lin-nies, agħmlu t-talb u agħtu l-karità.” (2:84)

Dan huwa l-kmand ta’ Alla biex nitkellmu man-nies b’mod tajjeb, b’dinjità u rispett sħiħ lejhom, u qatt ma nuru ħdura u nużaw kliem mhux xieraq, kliem li jkisser lill-bniedem emozzjonalment. Xi drabi l-kliem ta’ diżrispett u ħdura jkollu konsegwenzi anke koroh immens lil hinn minn ħsara emozzjonali.

Jien dejjem naħseb ħafna fuq dan il-punt li: X’jieħu l-bniedem billi jkisser lil ħaddieħor b’kwalunkwe mod? Għaliex nieħdu gost meta nweġġgħu lil ħaddieħor? X’sodisfazzjon il-persuna tikseb mill-uġigħ tal-oħrajn? Għaliex inweġġgħu lil niesna?

Personalment, jien persuna sensittiva b’qalb ratba, u nosserva l-affarijiet li qed jiġru madwarna. Ġieli nara gruppi ta’ żgħażagħ jiddieħku b’wieħed minnhom, filwaqt li jieħdu pjaċir jaraw lill-persuna tiġi mżebilħa. Sfortunatament, din l-attitudni mhijiex limitata għaż-żgħażagħ biss.

Is-siġra mingħajr ebda frott

Għalhekk, huwa importanti li niffurmaw il-karattru tagħna b’mod tajjeb. Irridu nifhmu li, ‘is-siġra tingħaraf mill-frott tagħha’, u l-frott tal-bniedem huwa l-karattru tiegħu, jiġifieri, il-valuri, il-virtujiet u l-għemejjel tiegħu.

Meta l-bidwi jħawwel siġra fl-għelieqi tiegħu u tagħti ħafna frott bnin u frisk din is-siġra żgur se togħġob lill-bidwi u dejjem se jieħu ħsiebha bl-aħjar mod possibbli. Iżda jekk il-bidwi jħawwel siġra li ma tagħti l-ebda frott, aħseb, x’se jagħmel il-bidwi b’siġra bħal din?

Metaforikament l-istess huwa l-każ ta’ Alla u l-bniedem. Jekk ma nkunux in-nies li jagħtu l-frott bnin u frisk—jiġifieri, jekk ma jkollniex il-valuri tajba u ma nagħmlux l-għemejjel tajba, se jkollna l-istess trattament kif il-bidwi jagħmel ma’ dik is-siġra mingħajr ebda frott.

Għax huwa minnu li, il-bniedem jingħaraf bl-għemejjel, il-morali u l-valuri tiegħu. Għalhekk, jekk il-bniedem jixtieq li jkun jingħaraf bl-isem tajjeb fis-soċjetà allura għandu jkun b’valuri morali għolja ħafna, qalbu għandha tkun tad-deheb, għandu jkollu lsien mimli bl-għasel; u dejjem joqtor għasel minn kliemu.

Għidu dak li huwa l-aħjar

Alla l-Ħanin jgħid fil-Koran Imqaddes li: “Dawk li jisimgħu l-Kelma u jsegwu l-aħjar tagħha; huma dawk li Alla ggwidahom, u dawk huma n-nies ta’ dehen.” (39:19)

Dawk li għandhom il-karattru tajjeb u sod huma n-nies li Alla jħobbhom, jiggwidahom fit-toroq tas-sliem; u jgħid li dawk huma n-nies li verament huma nies ġentili u ta’ valur.

Barra minn hekk, Alla jwissina wkoll, fil-Koran Imqaddes 17:54, biex dejjem inkunu għassa, u dejjem inżommu għajnejna miftuħa sabiex ix-Xitan ma jġagħalniex niżbaljaw. “Għid lill-​qaddejja Tiegħi biex jgħidu dak li huwa l-aħjar (id-diskors tagħhom ikun mill-aqwa f’kull aspett). Tabilħaqq li x-Xitan iġib il-firda bejniethom. Tassew li x-Xitan huwa għadu fil-beraħ tal-bniedem.”

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.