The real treasure is at home

IT-TEŻOR REALI JINSAB FID-DAR

Il-mara hija t-teżor reali u ġenwin u l-pilastru ewlieni tad-dar. Il-mara hija l-punt ċentrali tal-familja; hija l-veru dell tad-dar; hija x-xemgħa li ddawwal id-dar u l-ambjent kollu; hija l-kapital u l-ġid u d-dinja tal-familja. Awguri lin-nisa kollha f’Jum il-Mara!

It-Torċa, 09.03.2025 | IMAM Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Illum nixtieq niddedika dan l-artiklu tiegħi lit-teżor reali li jinsab fid-djar tagħna, il-mara. Il-mara hija l-pilastru ewlieni tad-dar. Il-mara tagħmel il-bini ta’ briks u siment verament ‘id-dar’, u tbiddel il-bini f’residenza ta’ paċi, prosperità, imħabba, kompassjoni u ħniena bla limiti.

Din hija mħabba bla kundizzjoni; l-imġiba tajba u n-natura safja tagħha tagħmel ‘a house a home’, u ‘an abode of peace’. Mingħajr l-iċken dubju, il-mara hija l-fus tal-familja.

L-attribut kbir lill-mara f’Jum il-Mara

Nixtieq nipproduċi poeżija ta’ poeta fi kliemi għax hija verament attribut kbir lill-mara.

Huwa jgħid li, ix-xogħol, il-ġid u l-flus ta’ barra jiġu u jmorru; illum għandna u għada m’għandniex. Iżda ma ninsew qatt li, it-teżor reali jinsab fid-dar, dan huwa t-teżor ġenwin li dejjem hemm għalina. It-teżor li jagħtini d-dell għal kull xemx huwa l-veru dell tad-dar.

Dawk li mhumiex informati bis-sħiħ dwar is-sitwazzjoni tal-bniedem ma jafux dwar it-tbatija, is-sofferenzi u l-uġigħ tal-bniedem, iżda, hemm referenza u realtà li taf kollox li qiegħda fid-dar.

Il-mara hi x-xemgħa li ddawwal id-dar u l-ambjent kollu

Qbadt u ktibt kull mument tal-ħajja bil-kliem; tkun xi tkun nitlef jew nirbaħ, il-kapital u l-ġid kollu jinsab fid-dar. Inti x-xemgħa żgħira u mixgħula u jien il-baħar mudlam; inti tixgħel u ddawwal id-dar u l-ambjent kollu.

X’inhu dak li għamilt għall-glorja, għad-dinjità, għall-fama, u għall-ħobż? Isma’ sar filgħaxija, issa ejja mmorru d-dar, xi ħadd hi waħedha fid-dar u tistenniek. Hija maħbuba tal-missier, iżda, ħalliet id-dar tal-familja tagħha u ġiet tgħix miegħek. Dik li kienet prinċipessa ta’ missierha, issa hija għajjiena wara ġurnata ta’ ħsieb fuq it-tfal, hi għażiża mitlufa għat-tfal imqajmin.

Id-dinja tinsab id-dar

O poeta, f’liema dinja tgħix int, id-dinja biss tinsab id-dar. Dan huwa dak li ġie żvelat lili wara ħafna snin, li, kemm jekk tkun problema tad-dar jew ta’ barra, kull uġigħ jitfejjaq fid-dar.

Xi ġmiel! X’attribut meraviljuż lill-mara.

Jien, personalment, naqbel mija fil-mija ma’ dak li qed jgħid il-poeta. Nista’ ngħid li dawn huma s-sentimenti tiegħi, jidher bħallikieku li din hija poeżija tiegħi. Bħallikieku, nesprimi l-ħsibijiet tiegħi u niftaħ qalbi kollha dwar ‘it-teżor reali tiegħi li tinsab f’dari li hija l-għażiża marti’.

Ladies first — in-nisa l-ewwel

Nixtieq naqsam xi ħaġa personali mal-qarrejja tiegħi. F’ċerti kulturi madwar id-dinja, u hija wkoll naturali, meta xi ħadd jistaqsi lil xi bniedem, min hu l-aktar għażiż tiegħek fil-familja? Ħafna drabi nisimgħu t-tweġiba li, ‘it-tfal’, u dejjem ipoġġu t-tfal l-ewwel, iżda jinsew li t-tfal ġew fid-dinja permess tal-mara u mhux viċiversa.

Għalhekk, jien, personalment, dejjem inpoġġi lil marti l-ewwel, imbagħad it-tfal. Għax hi mhix marti biss, iżda, l-omm ta’ wliedna. Hi hija t-teżor meraviljuż li, minbarra li tatni kull paċi u kuntentizza, welldet ukoll iż-żewġt itfal sbieħ tagħna, tatni żewġ anġli sbieħ. Allura, kif nista’ ninjora li npoġġiha l-ewwel fil-lista ta’ prijorità?

Il-mara hija ċ-ċavetta tas-suċċess tad-dar

Il-mara hija ċ-ċavetta tas-suċċess tal-familja u tad-dar. Ħafna drabi x-xogħol tagħha mhuwiex apprezzat kif xieraq. Is-soltu, hi tqum filgħodu qabel kulħadd u torqod billejl wara l-membri kollha tal-familja. Hi tagħmel minn kollox biex tipprovdi l-aħjar ikel li tista’ lil żewġha u lil uliedha, tieħu ħsieb id-dar, tagħmel it-tfal lesti għall-iskola u tgħin lil żewġha jħejji ruħu għax-xogħol tiegħu.

Fil-qosor, il-mara hija l-forza wara kull suċċess tad-dar, u wara kull suċċess ta’ żewġha. Sewwa jingħad li, ‘behind every successful man, there’s always a strong woman’.

Il-mara hija l-omm

Fil-veru sens tal-kelma, hija biss il-mara li tagħmel minn kollox biex toħloq l-ambjent naturali fid-dar għall-familja kollha. Iżda, meta ssir omm, hi taqdi dmirijietha ħafna drabi aktar milli kienet tagħmel qabel.

Il-vjaġġ tat-tqala tagħha u tat-twelid tat-tfal huwa aspett ieħor brillanti u apprezzabbli tal-mara. Tgħaddi minn ħafna tbatijiet u tant tħassib matul dan il-perjodu, iżda mbagħad meta jasal il-mument li ġġorr it-tarbija tagħha f’dirgħajha, tinsa kollox; u hemm jifdal biss it-tbissima sabiħa fuq wiċċha u l-gratitudni lejn il-Mulej għal barka daqshekk sabiħa.

L-Iżlam jemmen ħafna fid-drittijiet, l-unur, id-dinjità u l-qagħda tan-nisa. Qabel il-miġja tal-Iżlam, in-nisa kienu meqjusa daqs l-ilsiera u ħafna drabi l-qagħda tagħhom kienet agħar minn tal-annimali.

In-nisa jiġu ttrattati b’rispett, ġenerożità u mħabba

Huwa bil-miġja tal-Iżlam li l-qagħda tan-nisa tjiebet u l-importanza tagħhom fis-soċjetà ġiet enfasizzata. L-Iżlam ta lin-nisa d-drittijiet umani fundamentali tagħhom f’soċjetà li lanqas biss kienet tqishom bħala bnedmin ugwali, u tahom ukoll drittijiet soċjali u ekonomiċi. Il-Koran Imqaddes dejjem inkoraġġixxa li n-nisa jiġu ttrattati b’rispett, ġenerożità u mħabba (4:20).

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal, “L-aqwa fostkom huma dawk li jittrattaw l-aħjar lin-nisa tagħhom.” Dan juri li l-irġiel huma mħeġġa biex ikollhom relazzjoni tajba man-nisa tagħhom billi jħarsu l-aspetti emozzjonali, mentali, fiżiċi u spiritwali tagħhom.

Żewġt iħbieb ġenwini u sinċiera

Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana fisser dan b’aktar dettall u qal li, “Ir-relazzjoni bejn raġel u mara għandha tkun bħal ta’ żewġt iħbieb ġenwini u sinċiera.” Dan huwa mod sabiħ ta’ kif wieħed ifisser ir-relazzjoni matrimonjali fl-Iżlam.

Fid-dawl ta’ hawn fuq, mingħajr l-iċken dubju, wieħed malajr jista’ jikkonkludi li, it-teżor reali jinsab fid-dar, li hu l-mara.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.