
IŻ-ŻMIEN TA’ TIĠDID SPIRITWALI
It-Torċa, 16.03.2025| IMAM Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
VRT TEST
Wara kull sena jew sentejn huwa obbligatorju bil-liġi li nagħmlu VRT test tal-vettura tagħna. VRT test ifisser eżami ta’ vettura biex inkunu nafu li hija f’kundizzjoni tajba għat-triq u li tissodisfa l-istandards stabbiliti. Jekk ikun hemm xi nuqqasijiet fil-kundizzjoni ta’ vettura, huwa meħtieġ li nirranġawhom qabel insuqu l-vettura, sabiex ma tkunx ta’ periklu għal ħadd u tkun f’kundizzjoni tajba li tkun fit-triq.
Kważi bl-istess mod, jeżisti VRT test spiritwali li aħna mitluba li nagħmlu darba kull sena, u dan huwa test f’forma tas-sawm matul ix-xahar ta’ Ramadan.
Dan huwa żmien ta’ tiġdid spiritwali, u l-fidili huma mitluba li jaraw b’mod xieraq jekk saru xi nuqqasijiet fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, fil-karattru jew fl-għemejjel tagħhom, jew tilfu t-triq tas-sewwa.
Allura għandhom jippruvaw jiġu lura f’posthom, jerġgħu lura fit-triq tas-sewwa, u jirranġaw in-nuqqasijiet kollha tagħhom u mill-ġdid isiru bnedmin twajba, ġusti, leali, fidili u onesti sabiex jiġu aċċettati minn Alla.
X’inhu s-sawm?
Fil-qosor is-sawm ifisser ‘li tastjeni minn kull tip ta’ ikel u xorb speċjalment bħala osservanza reliġjuża’. Iżda ġeneralment, is-sawm huwa meqjus mir-reliġjonijiet tad-dinja primarjament bħala mod ta’ riflessjoni ġewwiena, taħriġ morali, u avvanz spiritwali.
Is-sawm Iżlamiku ma jfissirx biss astensjoni mill-ikel jew mill-ħażen imma li timxi fit-triq tas-sewwa. Ir-Ramadan huwa x-xahar ta’ riformazzjoni rivoluzzjonarjaġewwa fina. Dan huwa x-xahar ta’ trasformazzjoni minn attivitajiet dinjin lejn l-ispiritwalità u t-tjubija.
L-għan tas-sawm
Alla jispjega l-għan ewlieni tas-sawm fil-Koran Imqaddes u jgħid: “Intom li temmnu, is-sawm huwa obbligatorju għalikom, bħalma kien għal dawk ta’ qabilkom, ħalli tkunu tistgħu ssiru devoti u ġusti.”(Il-Koran, 2:184)
Is-sawm huwa obbligatorju għal kull Musulman adult, madankollu, jekk persuna tkun marida jew tkun qed tivvjaġġa allura m’għandhiex issum matul dak iż-żmien iżda tlesti s-sawm li jifdal wara x-xahar tar-Ramadan. Madankollu, jekk tkun marda fit-tul jew kronika u wieħed ma jistax isum, allura m’għandux għalfejn issum.
Huwa importanti li niftakru li sempliċement nesperjenzaw u ngħaddu mix-xahar tar-Ramadan mhux biżżejjed; fil-fatt, flimkien mas-sawm, Alla li Jista’ Kollox jikkmanda li nġibu bidla radikali virtuża fina nfusna. Alla l-Ħanin ta diversi kmandamenti fir-rigward tas-sawm u tana l-aħbar tajba li meta naġixxu fuq dawn il-kmandamenti, Hu jagħtina l-qrubija tiegħu u jaċċetta t-talb tagħna.
Barra minn hekk, is-sawm huwa mezz ta’ taħriġ spiritwali, li naġixxu fuq il-kmandamenti ta’ Alla, li nsaħħu l-fidi tagħna, kif ukoll mezz biex insaħħu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla tal-Ħniena.

Għaliex insumu?
Insumu b’ubbidjenza għall-kmandament ta’ Alla li Jista’ Kollox. Alla huwa l-Ħallieq u aħna l-ħolqien ta’ Alla, allura, biex inkunu nies ubbidjenti u fidili lejn il-Ħallieq huwa importanti li nemmnu, nobdu u nipprattikaw il-kmandamenti tiegħu.
Is-sawm mhux jibbenifika lil Alla, iżda, huwa għall-benifiċċju tagħna stess. Is-sawm jgħallimna nagħmlu kontroll fuqna nfusna u jikkultiva d-dixxiplina fil-ħajja tagħna. Huwa xahar ta’ riflessjoni u biex nifhmu xi jfisser li tkun bniedem veru. Kif nistgħu niżviluppaw il-valuri morali.
Huwa wkoll importanti li nifhmu li, is-sawm mhuwiex sempliċiment astensjoni mill-ikel, imma minn kull ħażen u kull għemil ħażin. Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li, Alla m’għandux bżonn persuna li tastjeni mill-ikel u x-xorb jekk ma tabbandunax il-falsità matul ir-Ramadan. Jiġifieri, il-bniedem għandu jastjeni minn kull tip ta’ ħażen u ma jagħmel xejn ħlief dak li hu tajjeb u ta’ ġid għalih u għas-soċjetà.
L-iżvilupp tad-dispożizzjoni tal-għoti
Is-sawm jgħin biex nifhmu t-tbatijiet u l-privazzjoni ta’ bnedmin oħra sħabna; u jiżviluppa d-dispożizzjoni tal-għoti, l-għajnuna lill-oħrajn, il-ġenerożità, l-empatija u s-simpatija għall-persuni fil-bżonn.
Is-sawm jagħtina opportunità biex nirriflettu fuq il-barkiet bla għadd ta’ Alla li Jista’ Kollox fuqna; jgħinna wkoll biex naħsbu jekk insiru tassew grati u nuru l-gratitudni tagħna lejn Sidna.
Huwa żmien ta’ sagrifiċċju għall-fini tal-Mulej biex nogħġbu lilu. Huwa żmien biex tinkiseb qrubija lejn Alla. Ir-Ramadan jipprovdi atmosfera li tiffaċilita l-kisba ta’ pjetà, tieba, purità, elevazzjoni spiritwali u tisħiħ morali. Alla l-Ħanin jaċċetta t-talbiet tal-qaddejja Tiegħu.
Il-bibien għall-Ġenna
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li matul ir-Ramadan Alla jiftaħ il-bibien kollha għall-Ġenna u jagħlaq il-bibien li jwasslu għall-Infern u jrażżan lix-Xitan.
Dan ifisser li, atmosfera spiritwali hija stabbilita għal dawk kollha li verament jixtiequ jibbenefikaw mill-grazzja ta’ Alla l-Ħanin u l-Grazzjuż, ikollhom dnubiethom maħfura u jimlew ħajjithom b’barkiet bla għadd mingħand Sidhom.
Għalhekk, dawk li jemmnu huma mistennija li jippruvaw jiksbu benefiċċji massimi minn dawn il-barkiet speċjali tar-Ramadan, u jilħqu livell għoli ta’ spiritwalità u moralità.
Fil-qosor, is-sawm għandu benefiċċji ta’ żewġ dimensjonijiet, fuq naħa jipprovdi tarka kontra l-ħażen u l-għemejjel ħżiena, u fuq naħa oħra jipprovdi atmosfera ta’ elevazzjoni spiritwali, ta’ tisħiħ morali u jagħmel kull sforz possibbli biex insiru persuni aħjar – li nduru għalkollox u għal Alla biss, u li jkollna xewqa kbira li naqdu lil ħutna l-bnedmin kollha.
Jalla dan ir-Ramadan ikun iż-żmien fejn nistgħu nġibu trasformazzjoni straordinarja fir-relazzjoni tagħna mal-Ħallieq, inġeddu l-fidi u l-ispiritwalità tagħna u ngħollu l-livell ta’ tjubija, pjetà, ġustizzja, onestà u spiritwalità tagħna. Ammen.