Photo: AndriiKoval | Shutterestock
IR-RIKONĊILJAZZJONI, L-ARMONIJA U L-PAĊI HUMA TASSEW L-AĦJAR
It-Torċa, 23.03.2025 | IMAM Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Tal-biki! Forsi l-aktar kliem xieraq biex jiddeskrivi l-qagħda politika globali attwali. Id-dinja tidher dejjem eqreb tat-Tielet Gwerra Dinjija u tinsab fix-xifer ta’ diżastru u qerda li l-umanità qatt ma rat quddiem għajnejha.
Matul dawn l-aħħar snin rajna ħafna gwerer u kunflitti u tensjonijiet qed jiżvolġu quddiem għajnejna. Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, il-kunflitt tal-Ħamas u l-Iżrael, l-inkwiet fil-Lvant Nofsani, is-sitwazzjoni diviżiva fis-Sudan, biex insemmi biss ftit, introduċew episodji orribbli fil-qagħda terribbli globali li qed tiżvolġi quddiem id-dinja.
Minkejja li l-kunflitti jidhru li huma ’l bogħod minn soluzzjonijiet fattibbli, bdiet gwerra oħra u din id-darba hija ekonomika u kummerċjali li tista’ tkun l-aħħar musmar fit-tebut biex il-kunflitti reġjonali jiddawru f’wieħed globali.
Ir-riżultat hu li d-dinja saret post dejjem aktar instabbli, ostili u delikat li n-nies li qabel kienu jaħsbu li gwerra dinjija kienet possibbiltà remota qed jirrealizzaw li hi tista’ tkun eminenti.
Il-bidu ta’ gwerra dinjija
Hekk kif l-aqwa setgħat fid-dinja jidhru li qed ilestu għal aktar tilwim, iċ-ċans li dan kollu jwassal għal gwerra dinjija qiegħed dejjem jikber; il-logħob tal-gwerra li qed jilagħbu qed ipoġġi l-ħajja ta’ miljuni ta’ nies innoċenti f’riskju, li ma jridux jaraw gwerra.
Din m’għandhiex tkun kompetizzjoni ta’ egotiżmu, bil-qawwa ekonomika u militari, iżda dik li titlob lill-mexxejja tad-dinja kollha biex jimxu b’għaqal u attenzjoni kbira flimkien mal-alleati ta’ kull pajjiż biex jimmedjaw bejniethom kif iddikjarat fil-Koran Imqaddes:
“Jekk żewġ gruppi ta’ fidili jiġġieldu kontra xulxin, ippruvaw ġibu l-paċi bejniethom; imbagħad, jekk wara dan kollu wieħed minnhom ikun ħati ta’ trasgressjoni kontra l-ieħor, iġġieldu kontra dak li hu trasgressur sakemm jerġa’ jkun taħt il-kmand ta’ Alla. Imbagħad, jekk dan isir, agħmlu l-paċi bejniethom bl-ekwità u aġixxu b’ġustizzja. Tassew, Alla jħobb lill-ġust.” (Il-Koran, 49:10)
It-tifi tan-nar
Nemmen li jekk il-mexxejja tad-dinja ma jirrealizzawx ir-responsabbiltà tagħhom li jitfu dan in-nar qabel ma jinfirex f’pajjiżi oħra u lil hinn mill-fruntieri, allura l-piż jaqa’ fuq dawk kollha li baqgħu siekta u qagħdu fil-ġenb waqt li d-dinja kienet qed taqbad.
Il-Qdusija Tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, il-kap tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, ħeġġeġ ripetutament lill-qawwiet dinjin kollha biex inaqqsu l-kunflitt billi stqarr: “Sakemm il-mexxejja tad-dinja ma jistinkawx b’kuraġġ għal waqfien mill-ġlied, huma dejjem responsabbli biex jieħdu d-dinja lejn il-qerda.”
Għalhekk hija stramba li n-nies jallegaw li r-reliġjon hija l-kawża tal-inkwiet fid-dinja. Il-Kap tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Qdusija Tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, ilu aktar minn għoxrin sena jwissi dwar gwerra dinjija globali hekk kif ra l-inġustizzja tinfirex u d-drittijiet ordinarji tal-individwi ma jiġux rispettati. Fl-2008, fid-diskors tiegħu ġewwa l-Parlament Britanniku, il-Qdusija Tiegħu qal:
“Hu l-biża’ tiegħi li meta nħarsu lejn id-direzzjoni li fiha mexjin l-affarijiet illum, id-dinamika politika u ekonomika tal-pajjiżi tad-dinja tista’ tressaqna lejn gwerra dinjija. Mhux biss il-pajjiżi foqra tad-dinja, iżda wkoll il-pajjiżi sinjuri li qed jiġu affettwati. Għalhekk, hu d-dmir tas-superpotenzi li joqogħdu bilqiegħda u jsibu soluzzjoni biex isalvaw l-umanità mix-xifer tad-diżastru.”
Inwarrbu d-differenzi għall-ġid tal-umanità
Kif semmejt qabel, huwa ħabrek għal diversi deċennji jenfasizza l-instabbiltà tad-dinja tal-lum, u sejjaħ lill-mexxejja tad-dinja, gvernijiet u nazzjonijiet biex iwarrbu kwalunkwe differenzi li jeżistu għall-ġid akbar tal-umanità, u għall-fini li jistabbilixxu ġustizzja, armonija u paċi fid-dinja.
Bla dubju ta’ xejn, il-ġustizzja u l-paċi huma ta’ importanza kbira għall-progress soċjali, kulturali, politiku u ekonomiku tagħna. L-istorja tal-umanità tagħti xhieda ta’ dan il-fatt li ħafna mill-iżvilupp u l-progress li kisbet id-dinja kien fi żmien il-paċi u s-sigurtà.
Għalhekk, irridu nifhmu l-valur veru tal-paċi u nagħmlu lilna nfusna konxji bis-sħiħ tar-riskji ta’ policies inġusti u ta’ firda li jservu biss biex iqanqlu d-diżgwid u jwasslu għal frustrazzjonijiet li eventwalment jispiċċaw biex jiżbroffaw.
Ejja ngħajtu ħalli jisimgħuna
Irridu nisimgħu s-sejħa taż-żmien u rridu nuru li neżistu, irridu nagħtu sehemna u naqdu r-rwoli tagħna u ma rridu qatt nieqfu nħabirku biex niksbu din il-kawża nobbli ta’ paċi u armonija.
Kull meta jinqalgħu xi differenzi jew kunflitti, irridu nħeġġu lill-mexxejja u lill-politiċi tagħna biex jimpenjaw ruħhom fi djalogu kostruttiv biex isibu soluzzjonijiet vijabbli biex isolvu dawk il-kwistjonijiet, u biex jersqu lura mill-preċipizzju għax m’hemmx dubju li jekk ikun hemm gwerra globali, se tkun differenti minn kull ħaġa li qatt rat id-dinja. Żgur, il-konsegwenzi katastrofiċi u devastanti tagħha huma ferm lil hinn mill-fehim u l-immaġinazzjoni tagħna.
Min hu tassew b’saħħtu?
Il-kliem għaqli tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem fuqu, huma l-prinċipji ta’ gwida f’sitwazzjonijiet bħal dawn fejn qal: “L-aktar b’saħħtu mhux dak li jitfa’ fl-art lill-oħrajn waqt il-ġlied, l-aktar b’saħħtu hu dak li jrażżan lilu nnifsu meta jkun imqanqal, imxewwex jew provokat.”
Nixtieq nikkonkludi bi prinċipju ta’ gwida ta’ dejjem tal-Koran Imqaddes (4:129) li hija: “Ir-rikonċiljazzjoni, l-armonija, it-tolleranza u l-paċi huma tassew l-aħjar.”