Photo: Maria Marganingsih | Shutterestock
Kelma tajba hija karità
Il-Leħen, 23.03.2025 | IMAM Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com
Ħafna drabi nisimgħu li hemm nies li jagħmlu wegħdiet u klejms kbar biex jgħinu lill-oħrajn. Jgħidu li għandhom pjanijiet ambizzjużi li, meta jkollhom flus bil-miljuni, żgur se jiftħu skola għat-tfal li ma jaffordjawx, u li se jibnu l-isptar fil-parti fqira u inqas ixxurtjata tad-dinja, u li se jipprovdu l-ilma safi fil-pajjiżi l-foqra ta’ din il-pjaneta li aħna ngħixu fiha.
Bla dubju ta’ xejn dawn huma kollha pjanijiet sinċiera u importanti, iżda, dawn għandhom ‘jekk’ jew ‘meta’ jkolli l-flus biżżejjed, jiġifieri, sakemm ma jkollix il-miljuni ma nagħmel xejn?
Għeżież ħuti, jekk għandna klejms kbar u pjanijiet ambizzjużi għas-servizz tal-umanità dawn kollha huma tajbin. Iżda, dan hu wkoll importanti ħafna li nħarsu madwarna u ngħinu lin-nies li qed jgħixu fis-soċjetajiet tagħna b’kwalunkwe mod possibbli.
Għaliex ninsew li l-karità ma tfissirx li nagħtu l-flus biss, u nagħtu biss meta jkollna flejjes kbar. Assolutament le. Din hija idea mhix korretta. Il-karità fil-veru sens tagħha hi li l-bniedem jagħti lil ħutu li huma fil-bżonn parti minn dak kollu li għandu—ħin, flus, għerf, simpatija, eċċ.
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, għallimna xi ħaġa tad-deheb għall-karità fejn ma għandniex bżonn miljuni, iżda għandna bżonn qalb tajba u ratba. Huwa għallimna li: “Kelma tajba hija wkoll karità.”
Huwa jispjega iktar li, “Ma tinjora u tiddisprezza xejn fit-tjubija, anke jekk tiltaqa’ ma’ ħuk fidil b’wiċċ jitbissem.” “Persuna li temmen ma tqarraqx jew tisħet jew tabbuża jew titkellem b’mod indiċenti.”
Bla dubju ta’ xejn il-valuri morali huma l-ġojjell tal-bniedem li jagħmlu lill-bniedem jidher mill-isbaħ u attraenti f’għajn in-nies kif ukoll f’għajn il-Mulej.
Għalhekk, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, iggwidana li, “L-indiċenza tisfigura kollox u l-pudur isaħħaħ is-seħer ta’ kollox.” Huwa wissa li, “M’hemm ebda karatteristika oħra agħar għall-bniedem minn persuna bi lsien twil.”
Għeżież ħuti, ejjew naqsmu din il-karità kullimkien—fid-djar, fis-soċjetajiet, fil-komunitajiet, tassew fil-pajjiż kollu tagħna. Għal din il-karità tant sabiħa m’għandniex bżonn il-flejjes kbar li jgħoddu l-miljuni, iżda, għandna bżonn li jkollna qalb tajba, qalb ratba u nkunu sensittivi biżżejjed għal dawk kollha li niltaqgħu magħhom matul il-ġurnata.
Huwa minnu li xi kultant il-bniedem jibża’ meta jonfoq ħafna. Iżda, għeżież ħuti, nassigurakom li din hija karità li m’għandha l-ebda biża’ li tispiċċa. Anzi, iktar ma tonfoq, aktar tikber u tifrex il-fwieħa tagħha kullimkien sakemm il-pajjiż kollu jitfewwaħ bil-fwieħa sabiħa tiegħu.