Faith and True Certainty

Photo: Shutterstock

Il-fidi u ċ-ċertezza vera

In-Nazzjon, 26.03.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Il-fidi tagħmel ġid lill-bniedem meta jemmen b’ġismu u b’ruħu kollha, u għandu l-fiduċja u ċ-ċertezza sħiħa f’dak li jemmen. Fidi b’nofs qalb ma tagħmilx sens, u din ma tistaxtittrasforma u tippurifika lill-bniedem.

Tista’ persuna tgawdi kejk nofsu moħmi, jew ikel nofsu msajjar? Assolutament le! Allura, kif tista’ persuna tikseb il-benefiċċju massimu jekk il-fidi tagħha ma tkunx ċerta; jekk ma temminx b’konvinzjoni sħiħa?

Għalhekk, il-bniedem għandu jemmen bis-sħiħ sabiex il-fidi tkun il-qawwa tiegħu, il-mezz importanti tar-riformazzjoni u t-trasformazzjoni.

Ir-rabta tissaħħaħ bil-mod

Meta nitkellmu dwar il-fidi f’Alla u fit-tagħlim Tiegħu, anke jekk il-bniedem ma jifhimx kollox fil-bidu, għandu jkollu fidi b’ċertezza sħiħa. Għax fil-bidu l-bniedem jimxi fit-triq tas-sewwa iżda ċ-ċertezza ma waslitx f’ċertu livell; għalhekk, xi darba jitlef id-direzzjoni, iżda jqum u jsib triqtu, bħal dak it-tifel żgħir li jimxi u jaqa’, imbagħad jerġa’ jqum u jerġa’ jibda jimxi.

Kif bil-mod il-mod it-tifel isir aħjar fil-mixi, bl-istess mod meta l-bniedem jibda l-mixja lejn il-fidi jew lejn il-Mulej, din ir-rabta u r-relazzjoni tissaħħaħ bil-mod il-mod u fl-aħħar il-persuna tasal sal-istat fejn tesperjenza lil Alla b’ċertezza assoluta.

Il-fidi tfisser aċċettazzjoni fi stadju meta l-għarfien għadu mhux komplut, u l-ġlieda mad-dubji u s-suspetti għadha għaddejja. Min jemmen, jiġifieri għandu l-fidi, fuq il-bażi tal-probabbiltà u minkejja d-dgħufija u n-nuqqas ta’ mezzi perfetti ta’ ċertezza, jitqies ġust quddiem il-Mulej. Minn hemm ’il quddiem, għarfien perfett jingħatalu bħala għotja, u jingħata l-fehim wara li jemmen bis-sħiħ fil-fidi.

Il-bibien ta’ fehim perfett

Meta wieħed jemmen b’mod sempliċi u sinċerament, allura Alla li Jista’ Kollox isir kuntent bil-fidi tiegħu u jiftaħlu l-bibien ta’ fehim perfett għalih u jwassal lill-bniedem għal ċertezza perfetta permezz ta’ viżjonijiet, rivelazzjoni, ħolm u sinjali divini.

Għalhekk, il-bniedem għandu dejjem ikollu natura safja u dejjem ikun lest biex jemmen purament fuq il-bażi ta’ rieda tajba, mingħajr ma jistenna prova perfetta u konklużiva. Għax iċ-ċertezza tinkiseb biss b’grazzja ta’ Alla, allura, meta l-bniedem jemmen b’mod ġenwin, Alla żgur jiggwidah, jagħtihid-dwal ta’ gwida, jilluminah b’kull mod possibbli, u jikxef is-sbuħija Tiegħu bħala l-Maħbub Veru lid-devoti kollha.

Il-bniedem jimxi pass pass

Huwa prinċipju naturali li ħadd ma jista’ jsir perfett f’kwalunkwe ħaġa fl-ewwel jum, iżda, huwa naturali li bniedem jimxi pass pass.

Meta persuna tibda l-vjaġġ tagħha lejn il-fidi u Alla, issib lil Alla hemmhekk. Il-Qaddis Profeta Qaddis Muħammad, is-sliem għalih, qal li Alla l-Qawwi u l-Għoli jgħid:

“‘Jiena nġib ruħi mal-qaddej tiegħi skont dak li jifhem dwari u dak li jistenna minni, u Jiena nkun miegħu kull fejn jiftakarni.’ Alla jifraħ aktar bl-indiema tal-qaddej tiegħu milli jifraħ xi ħadd minnkom li kieku kellu jitlef il-ġemel tiegħu fid-deżert, imbagħad isibu. All jgħid: ‘Min joqrob lejja b’xiber, noqrob lejh b’tul ta’ driegħ, u min joqrob lejja b’tul ta’ driegħ, noqrob lejh b’tul ta’qama. Jekk jiġi lejja bil-mixi, arani nersaq lejh mgħaġġel.’”

Nitilgħu fuq it-taraġ tarġa tarġa

Persuna tilħaq l-aħħar skaluna tas-sellum f’nifs wieħed, jew titla’ tarġa tarġa? Tabilħaqq, titlaʼ fuq it-taraġ tarġa tarġa sakemm tasal fid-destinazzjoni tagħha.

Bl-istess mod, dan huwa wkoll il-każ tad-dinja spiritwali. Dan huwa l-każ ta’ progress fil-fidi u li tintlaħaq iċ-ċertezza. Meta persuna temmen, imbagħad gradwalment timxi ’l quddiem u tavvanza fil-fidi u tilħaq il-post ta’ fidi soda u b’saħħitha.

Fl-aħħar, meta persuna tikseb ċertezza vera, allura dik il-fidi hija aċċettabbli f’għajnejn Alla, u allura nies bħal dawn isiru l-werrieta tal-ġenna eterna ta’ Alla li Jista’ Kollox. Imbagħad l-ebda qawwa tad-dinja, diżastri u maltempati ma jistgħu jħawduhom fil-fidi tagħhom.

L-eżempju eċċellenti

Meta persuna tikseb iċ-ċertezza vera, ħadd ma jista’ jagħmel il-ħsara lilu, u hu jsib lil Alla maġenbu f’kull mument. Ħa nirrakkonta storja vera tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, kif kellu fidi vera u ċertezza f’Alla.

Jabir (kumpann tal-Profeta) jirrakkonta li konna mal-Qaddis Profeta Muħammad fil-kampanja. Wasalna f’wied ta’ siġar tax-xewk fejn il-Qaddis Profeta għamel waqfa taħt siġra dellija u ħallenieh jistrieħu, u sħabu mxerrda fit-tfittxija tad-dell.

Ġie pagan Għarbi tad-deżert li kien għadu tal-Iżlam, u meta ra x-xabla tal-Profeta Muħammad li kien imdendel mas-siġra, ġibdu u resaq lejh biex joqtluh u qallu: Muħammad, issa min se jeħlisek minni?

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, li kellu fidi f’Alla b’ċertezza sħiħa wieġeb: ‘Alla’. Huwa wieġeb b’tali ċertezza u fidi li, meta l-pagan sema’ isem ta’ Alla, beża’ u s-sejf waqa’ minn idejh.

Iċ-ċertezza vera

Dan huwa l-post li huwa l-livell taċ-ċertezza vera. Dan huwa l-post li għandna dejjem nistinkaw biex niksbu. Dan huwa l-ogħla pożizzjoni li huwa l-pożizzjoni tal-imħabba u l-affezzjoni eterna ta’ Alla, il-Ħanin.

Jalla Alla li Jista’ Kollox jagħtina lkoll il-fidi perfetta, b’ċertezza soda u vera. Ammen.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.