
IL-ĠLIEDA KONTRA L-AĦBARIJIET FOLOZ U D-DIŻINFORMAZZJONI
Intom li temmnu, ibżgħu minn Alla u dejjem għidu kliem sewwa. Jekk tisimgħu xi aħbar, iflu sew, ħalli ma tagħmlux ħsara lin-nies fl-għama. Dejjem kunu konxji, responsabbli u ġusti, għax, il-fidil veru huwa dak li minn idejh u minn ilsienu l-oħrajn kollha jkunu protetti u jkunu fil-paċi.
It-Torċa, 30.03.2025 | IMAM Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com
Fid-dinja diġitali, kemm-il darba niltaqgħu ma’ artikli u video clips b’titli jew thumbnails sensazzjonali li jġagħluna nagħfsu fuqhom. Madanakollu ħafna minn dawn it-titli u viżwali li jiġbdulna l-attenzjoni huma foloz u qarrieqa. Din il-moda, magħrufa bħala “click-bait”, qed issir aktar komuni fuq il-midja soċjali u qed tippreżenta sfidi ġodda dwar il-mod kif nistgħu nifhmu d-dinja.
Ironikament, dawn it-titli manipulattivi jinħolqu biex jiġbdu l-attenzjoni madanakollu jnaqqsu l-fiduċja u jgħawġu r-realtà. Tiffany Hsu, korrispondenta dwar it-teknoloġija ma’ The New York Times, tikteb, “Il-periklu tal-midja manipulata jinsab fil-mod kif issir aktar ħsara fl-abbiltà ta’ ħafna utenti tal-midja soċjali li jiddependu fuq kunċetti bħall-verità u l-evidenza… Ħafna espożizzjoni ta’ midja falza tista’ żżid il-polarizzazzjoni u therri l-abbiltà u r-rieda tan-nies biex jiddistingwu bejn il-verità u l-finzjoni.”
Għajdut u stejjer mhux ivverifikati
Sfida oħra bl-informazzjoni falza mhix biss minħabba l-eżistenza tal-għajdut iżda wkoll dwar kif in-nies jirrispondu għalih.
Ħafna stejjer mhux ivverifikati jiġu aċċettati minnufih, u n-nies jibnu l-opinjonijiet tagħhom ibbażati fuqhom mingħajr ma jippruvaw jivverifikawhom. Dawn l-opinjonijiet imbagħad mhux biss jiġu aċċettati, iżda jixterdu aktar malajr, biex b’hekk l-informazzjoni falza tkompli titkattar.
Nikkumbattu l-aħbarijiet foloz
Hemm proverbju antik, daqsxejn aħrax, li jgħid: “Il-qlajjiet jibdew minn dawk li jobogħdu, jixterdu mill-boloh, u jiġu aċċettati mill-boloh.”
B’ħasra, dan kollu jinstema’ veru fid-dinja li ngħixu fiha. Ftit snin ilu fil-Pakistan, sid ta’ restorant ġie akkużat b’mod qarrieqi mir-rivali tiegħu li kien qed iservi l-laħam tal-klieb. Inxtered video falz biex juri dan kollu, li wassal għall-arrest tiegħu. Għalkemm il-pulizija aktar tard ikkonfermaw li l-akkużi kienu foloz, il-ħsara li saret lir-reputazzjoni u lin-negozju tiegħu kienet irriparabbli.
Madwarna qed iseħħu episodji simili kważi kuljum, fejn ir-reputazzjoni tan-nies tiġi mħassra permezz ta’ aħbarijiet foloz, informazzjoni ħażina jew diżinformazzjoni.
Kif nistgħu nikkumbattu ż-żieda ta’ aħbarijiet u informazzjoni foloz?
Biex nikkjarifikaw, il-midja soċjali mhijiex fiha nnifisha negattiva; il-problema tinsab fl-użu ħażin tagħha minn dawk li jxerrdu l-istejjer foloz u joħolqu l-firda. It-tixrid ta’ aħbarijiet foloz u qlajjiet jagħmel ħafna ħsara lis-soċjetà, il-għaliex ikattar in-nuqqas ta’ fiduċja u l-inkwiet. Irridu nindirizzaw dan billi ma nittolleraw qatt it-tixrid ta’ informazzjoni falza u qarrieqa, u ninkoraġġixxu l-użu responsabbli tal-midja soċjali.
Il-fidili veri, jew dawk li għandhom l-integrità, huma mistennija li jikkomunikaw biċ-ċarezza u bil-ġenwinità. Fil-Koran Imqaddes (33:71), Alla jgħid, “Intom li temmnu, agħrfu d-dmir tagħkom lejn Alla, u għidu l-kelma onesta u ġusta.” Din l-onestà hija essenzjali biex inrażżnu l-informazzjoni falza u l-qlajjiet.
Kif aħna nirreaġixxu għal xi aħbar?
Alla wkoll jipprovdi gwida dwar kif aħna nirreaġixxu għal xi aħbar li nistgħu nirċievu: “Intom li temmnu, meta xi ħadd li mhux affidabbli u qarrieqi jwasslilkom xi aħbar, investigawha u aċċertaw irwieħkom sewwa mill-korrettezza tar-rapport, ħalli ma tagħmlux ħsara lin-nies fl-għama, u mbagħad tindmu minn dak li tkunu wettaqtu.” (Il-Koran, 49:7)
Dan il-prinċipju li wieħed jivverifika l-informazzjoni qabel ma tinxtered hija kruċjali biex wieħed iwaqqaf it-tixrid ta’ aħbarijiet bla bażi li jagħmlu ħafna ħsara.
Is-suspettar, l-ispijar u l-kliem malizzjuż
Barra minn hekk, il-Koran Imqaddes iwissi kontra “s-suspettar, l-ispijar u l-kliem malizzjuż”, il-għaliex jagħraf lil dawn l-imġibiet bħala l-għeruq tal-qlajjiet u l-aħbarijiet malafamanti.
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, enfasizza dan bil-parir, “Li tisma’ mhux bħal meta tara,” fejn ħeġġeġ investigazzjoni bir-reqqa qabel ma wieħed jaċċetta jew ixerred l-informazzjoni, tkun xi tkun. Profeta Muħammad qal ukoll, “Tkun gidba wkoll għal dak li jirrakkonta kulma jisma’,” fejn saħaq li t-tixrid ta’ informazzjoni mhux verifikata huwa diżonestà.
L-Iżlam jippromovi l-valuri pożittivi fl-interazzjonijiet u l-komunikazzjoni. Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, għallem, “Il-Musulman jew il-fidil veru huwa dak li minn idejh u minn ilsienu l-oħrajn kollha jkunu protetti u jkunu fil-paċi.” Dan il-prinċipju ta’ ħarsien u rispett jenfasizza l-bżonn biex ma nferrxux qlajjiet jew li nagħmlu l-ħsara bi kliemna.
Saffu rwieħkom
Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jkompli jisħaq fuq dawn il-valuri, billi jħeġġiġna biex inkattru l-ġenerożità u l-integrità. Huwa jgħid, “Uru ħniena u mogħdrija mal-umanità, għaliex kollha huma ħolqien ta’ Alla: tjassruhomx bi lsienkom, jew b’idejkom, jew b’xi mod ieħor. Dejjem ħabirku għall-ġid tal-bniedem… Wara li tkunu naddaftu lil qlubkom, u saffejtu lil ilsienkom, u lil għajnejkom u lil widnejkom, ejjew għand il-Mulej, u Huwa jaċċettakom.”
Din id-direzzjoni hija kruċjali fil-klima tal-lum. Il-midja soċjali u l-komunikazzjoni veloċi jitfgħu responsabbiltà fuqna lkoll biex inkunu attenti u responsabbli bi kliemna. Il-ħsara li ssir bl-informazzjoni falza ħafna drabi hija irreparabbli, u aħna rridu nkunu responsabbli u naraw li l-kontribuzzjonijiet tagħna lejn id-diskussjonijiet ikunu onesti, ġenwini, ġenerużi u kostruttivi.