Photo: Kharaim Pavlo | Shutterestock
IL-VERU SENS U L-FILOSOFIJA TAL-UMANITÀ
It-Torċa, 06.04.2025 | IMAM Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com
Xi jagħmilna l-aħjar mill-ħlejjaq oħra?
Alla li Jista’ Kollox jgħid fil-Koran Imqaddes (17:71): “Aħna tajna ġieħ lil ulied Adam, ġarrejniehom fuq l-art u l-baħar, u tajniehom mill-ħwejjeġ tajbin (għall-għajxien tagħhom), kif ukoll għażilniehom fuq ħafna ħlejjaq oħra li ħlaqna.”
Allah li Jista’ Kollox ħoloq il-bniedem fl-aħjar forma meta mqabbel mal-ħlejjaq ħajjin kollha fl-univers, tah intellett u sensi għolja, għanieh bil-ħila ta’ diskors eċċellenti u loġika, tah barkiet bla għadd, għallmu l-prinċipju li dejjem “kellem tajjeb lin-nies” u tah il-kapaċità li jagħmel l-aħjar użu mill-abbiltajiet tiegħu u jagħmel progress f’ħajtu. Dawn l-affarijiet saru l-kawża ta’ unur u rispett lejn il-bniedem u, għal din ir-raġuni, il-bniedem kien imsejjaħ l-iktar ħlejqa nobbli.
L-għemejjel tajbin jiddistingwu min hu aħjar
Fil-qosor, l-użu mill-aħjar tal-ħiliet, it-talenti u l-abbiltajiet tal-bniedem għall-ġid u l-benesseri tal-umanità u l-ħlejjaq kollha jagħmel lill-bniedem l-aħjar mill-ħolqien kollu. Fi kliem ieħor, jekk il-bniedem ma jibqax iċ-ċentru u l-qofol tat-tjubija, allura, ma jistax jissejjaħ l-aħjar u ma jibqax l-aħjar tal-ħolqien kollu. Jiġifieri, mhux id-dehra jew il-fiżiku jagħmilna magħżulin, iżda, l-għemejjel tajba tagħna.
Fl-istorja umana naraw li Alla l-Ħanin bagħat ħafna Profeti fid-dinja sabiex jgħallmuna l-veru sens u l-filosofija tal-umanità u jdawlu lid-dinja bid-dawl tal-Mulej, u kif nistgħu nsiru l-aħjar mill-ħlejjaq l-oħra.
Alla l-Ħanin jispjega fil-Koran Imqaddes il-karatteristiċi li jagħmluna uniċi fil-ħolqien. Alla jgħid li, “Intom l-aħjar nazzjon li nħareġ għall-fejda tal-umanità, għax tordnaw u tħeġġu t-tajjeb, u tipprojbixxu u tevitaw il-ħażen, u temmnu f’Alla.” (3:111)
Photo: art4all | Shutterestock
Mingħajr kompassjoni wieħed isir bħall-bhejjem
Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, filwaqt li jsemmi l-kompassjoni tal-ħolqien u l-umanità tal-bniedem, jgħid li l-kompassjoni tal-ħolqien hija tali ħaġa li jekk bniedem jabbandunaha u jitbiegħed minnha, allura gradwalment isir bħall-annimali u bħall-bhejjem. Din hija l-ħtieġa tal-umanità ta’ persuna u hija umana sa dak iż-żmien, sakemm tittratta lil ħuha b’qalb tajba, mogħdrija u rispett, u m’hemm l-ebda diskriminazzjoni f’dan. Tabilħaqq, il-bnedmin huma membri ta’ xulxin.
Ftakru, għalija l-ambitu tal-kompassjoni huwa wiesa’ ħafna. Tiddiskriminawx bejn xi nazzjon jew individwu. Ma rridx ngħid, bħan-nies injoranti tal-lum, li għandek tillimita s-simpatija tiegħek biss għall-Musulmani. Assolutament le. Iżda, jien ngħid li inti għandu jkollok mogħdrija għall-ħlejjaq kollha ta’ Alla, huma min huma. Kemm jekk Ħindu jew Musulman jew Nisrani jew xi ħadd ieħor. Qatt ma jogħġobni l-kliem ta’ nies li jridu jillimitaw is-simpatija biss għan-nies tagħhom stess.
Jekk inħarsu lejn il-kundizzjonijiet ġenerali tad-dinja llum, f’ċerti postijiet in-nies qed jiġu soġġetti għal moħqrija u krudeltà fuq il-bażi tar-reliġjon u n-nazzjonalità, f’xi postijiet in-nies, kemm ħajjin jew mejtin, qed jiġu suġġetti għal eżempji ta’ brutalità, u f’xi postijiet qed isiru massakri minħabba mibegħda, ħdura jew minħabba diskriminazzjoni razzjali.
Nixtieq nippreżenta xi eżempji tajbin li jiggwidawna kif nistgħu nuru rispett għall-umanità u kif nistgħu nibnu soċjetajiet armonjużi mibnija fuq il-valuri tar-rispett, l-imħabba u l- mogħdrija.
Eżempji eċċellenti tar-rispett għall-umanità
Darba l-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, kien ma’ sħabu, meta għadda l-funeral ta’ Lhudi. Il-Profeta Muħammad qam malajr b’turija ta’ rispett u baqa’ wieqaf sakemm il-funeral kien għadda minn ħdejhom. Meta għaddiet il-purċissjoni tal-funeral, il-kumpanni qalu, “O Profeta, din kienet il-purċissjoni tal-funeral ta’ Lhudi, għalfejn qomt?” Il-Profeta Muħammad qal, “Jekk kien Lhudi, ma kienx hu wkoll bniedem?” U qal, “Kull meta taraw funeral, qumu u uru rispett.”
Dan l-inċident jgħallimna lezzjoni mill-aqwa li dejjem inpoġġu r-rispett tal-bniedem fuq il-kulur, ir-razza, ir-reliġjon, u n-nazzjon. Il-għaliex kull bniedem huwa ugwali fir-rispett u d-dinjità.
Il-Qaddis Profeta Muħammad enfasizza ħafna fuq l-ugwaljanza tal-bnedmin sa tali punt li anke neħħa d-distinzjoni tal-kulur u r-razza u stabbilixxa d-drittijiet tal-iskjavi, stabbilixxa l-ugwaljenza bejn it-tfal—subien u bniet u għolla d-dinjità tal-mara fis-soċjetà. Huwa ordna li l-priġunieri tal-gwerra, li kienu eżempji ta’ brutalità, jiġu trattati b’rispett u qalb tajba.
Kien hemm mara b’ġilda skura li kienet tiknes l-art tal-moskea. Ġurnata waħda hi mietet. Meta l-Profeta Muħammad ma rahiex għal diversi jiem, staqsa dwarha, u fuqha l-kumpanni infurmawh li kienet mietet. Meta sema’ dan, huwa saqsa, għaliex ma għedtulix li ħallietna? Imbagħad il-Qaddis Profeta żar il-qabar tagħha u mexxa t-talb tal-funeral tagħha.
Ir-rispett lejn l-għedewwa
Huwa enfasizza ħafna biex jiġu stabbiliti r-rispett u d-dinjità umana fid-dinja, sa tali punt li qal li anke jekk ikun hemm battalja jew gwerra, id-dinjità tal-bniedem m’għandha qatt tiġi kompromessa. Għalhekk, qal li, it-tfal, in-nisa, ix-xjuħ, ir-refuġjati, il-persuni reliġjużi u n-nies ċivili m’għandhomx jiġu attakkati, u r-rispett tagħhom għandu dejjem jiġi protett u salvagwardjat. Huwa saħaq li l-ebda persuna ma tingħata n-nar; għall-kuntrarju tal-għadu, l-ebda persuna m’għandha tiġi mċaħħda mill-imnieħer jew il-widnejn. Huwa pprojbixxa b’mod strett il-ħruq tal-mejtin li kien prattika ta’ dak iż-żmien, u żamm id-dinjità umana.
Ir-rispett hu l-aqwa virtù
Biex jenfasizza l-importanza tad-dinjità u r-rispett tal-bniedem, hu ta xi istruzzjonijiet ċari li, “Wieħed li m’għandux mogħdrija għaż-żgħażagħ tagħna u li ma jagħrafx id-drittijiet u d-dinjità tal-anzjani tagħna mhuwiex minna.”
Barra minn hekk, huwa ta attenzjoni speċjali lill-kura tat-tfal orfni. Huwa qal, “L-aqwa dar hija dik li fiha orfni jiġi ttrattat b’qalb tajba, u l-agħar hija dik li fiha l-orfni jiġi ttrattat b’mod żbaljat.”
Tabilħaqq, ir-rispett hu l-aqwa virtù. Għalhekk, għandna biex dejjem inkunu rispettużi lejn kulħadd. Jalla Alla jagħtina l-abbiltà li nkunu xempju eċċellenti ta’ rispett għall-umanità.