Not different, but unique! Because humans are like a bouquet of flowers and the crown of creation

Photo: Dmitry Demidovich | Shutterestock

Mhux differenti, iżda uniċi! Għax, il-bnedmin huma bħal bukkett fjuri, u l-kuruna tal-ħolqien

It-Torċa, 13.04.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Meta nħarsu lejn il-ħolqien manjifiku tal-univers, insibu li hemm ħafna sinjali u lezzjonijiet li għandna nitgħallmu minnhom. Mingħajr dubju, huwa ħolqien ta’ Ħallieq l-aktar għaqli, li Jaf Kollox u li huwa l-Aktar Infurmat — Alla l-Qawwi.

Waħda mil-lezzjonijiet li nsibu hi li nirriflettu fuq id-diversità fil-ħolqien u nifhmu l-filosofija li hemm fil-forom varji tal-ħolqien fl-univers tagħna. Il-ħolqien tal-qamar, l-istilel u l-galassji differenti juru dan il-kunċett uniku fil-ħolqien ta’ Alla, meta x-xemx waħedha kienet tkun biżżejjed biex tipprovdi dawl, sħana u enerġija.

Verament hemm sinjali u messaġġi li nistgħu nitgħallmu minn kull ħolqien, bħall-bidla bejn il-lejl u l-jum; u d-diversità fl-istaġuni, l-ikel, il-kuluri, eċċ.

Tagħlim mill-ħolqien tal-univers

Alla li Jista’ Kollox jenfasizza dan il-punt fil-Koran Imqaddes u jikkmandana biex nirriflettu u ntejbu l-fehim tagħna. Nixtieq nippreżenta bħala eżempju xi versi mill-Koran Imqaddes  biex nifhmu l-għan u l-ħsieb wara d-diversità fil-ħolqien. Alla jgħid:

“Huwa li għamel ix-xemx sors ta’ dawl brillanti u l-qamar li jagħti dawl, u stabbilixxa għaliha stadji u taqsimiet, biex tkunu tafu l-għadd tas-snin u l-kalkolu taż-żmien. Huwa ma ħalaqx dak kollu jekk mhux bis-sewwa u l-verità. Huwa jfisser bir-reqqa dawn is-sinjali tiegħu fl-univers għal poplu li għandu għerf. Verament, fil-bidla bejn il-lejl u n-nhar, u f’dak kollu li Alla ħalaq fis-smewwiet u fl-art, hemm sinjali għal nies li jibżgħu minn Alla.” (10:6-7)

“Fost is-sinjali tiegħu hemm il-ħolqien tas-smewwiet u l-art, u d-diversità tal-ilsna tagħkom u fi lwienkom. Tabilħaqq li f’dan kollu hemm sinjali għall-persuni li għandhom għerf.” (30:23)

“Mela ma tarax li Alla jniżżel l-ilma mis-sema, u bih noħorġu frott ta’ bosta lwien u kuluri differenti. U fost il-muntanji hemm mogħdijiet bojod u ħomor, ta’ lwien diversi, u oħrajn suwed.” (35:28)

“Huwa ħalaq is-smewwiet u l-art bl-għan etern, u sawwarkom u għamilkom fl-aħjar għamla.” (64:4)

Photo: EssentiallyNomadic | Shutterestock

Il-liġi naturali għaqlija u d-diversità fil-ħolqien

Dawn il-versi jindikaw li hemm liġi naturali għaqlija ħafna, u d-diversifikazzjoni tal-ħolqien u r-rwoli tagħhom li kollha għandhom raġuni u skop, iżda biss dawk li verament jemmnu f’Alla jistgħu jiksbu benefiċċji spiritwali veri minn studju profond tal-ħolqien għaqli. Dan ifisser li dawk li għandhom għerf u li jemmnu u jibżgħu minn Alla se jifhmu l-għan tad-diversità li l-ħolqien isostni.

Fil-fatt, il-progress u l-avvanz tal-bniedem huma marbuta mill-qrib mad-diversità tal-ilsna u l-kuluri li wasslu għal diversi ċiviltajiet u kulturi. Din id-diversità għal darb’oħra tindika li hemm disinn u disinjatur. Dak id-Disinjatur huwa l-Ħallieq tas-smewwiet u l-art.

Il-kuruna u l-qofol tal-ħolqien

Dawn il-versi wkoll juru li l-univers huwa mgħammar u kkontrollat mil-liġijiet naturali stabbiliti, u l-bniedem mhux vittma tal-kumbinazzjoni, imma bħala l-kuruna u l-qofol tal-ħolqien kollu ġie mogħni b’dawk is-setgħat u l-fakultajiet li huma xierqa għall-pożizzjoni tiegħu bħala delegat ta’ Alla fuq l-art: u minħabba dawn is-setgħat ikollu jagħti rendikont lil Alla tal-għemejjel u l-azzjonijiet tiegħu. Minħabba l-barkiet ta’ Alla bla għadd fuq il-bniedem, hu se jkun iwieġeb quddiem Alla għal kull għemil tiegħu.

Fil-qosor, dawn il-versi jinkorporaw l-importanza tad-diversità u l-għan tagħha. Għalhekk, meta ddiskutejna d-diversifikazzjoni tar-razez tal-bnedmin, il-kuluri, in-nazzjonalitajiet, u d-dehra fiżika tagħhom, irridu nifhmu li mhix bla sens. Pjuttost, Alla l-Għaqli ħalaq din id-diversità mill-isbaħ fil-bnedmin biex jitgħallmu minn xulxin u jkabbru l-fehim tagħhom tal-ħajja.

L-umanità hija bħal bukkett fjuri

Aħna l-istess u ugwali bħala bnedmin bid-diversità kollha tagħna. Id-diversità fil-qies, il-kulur, ir-razza, il-lingwa, ir-reliġjon u n-nazzjonalità tagħna ma jagħmluniex inqas minn ħaddieħor, iżda din id-diversità qed tagħmilna uniċi.

Bla dubju ta’ xejn kull bniedem għandu ċertu kwalitajiet li jagħmluh uniku minn ħaddieħor. Kull soċjetà hija magħmula minn nies ta’ klassi, valuri u età differenti; u kulħadd għandu rwol importanti, essenzjali u kruċjali fis-soċjetà.

L-umanità hija bħal bukkett fjuri fejn kull fjura tipparteċipa biex tagħmel bukkett mill-isbaħ, u kull fjura għandha kulur, riħa u daqs differenti imma flimkien huma l-bukkett u għalhekk jidhru isbaħ.

L-uniċità tad-DNA tagħna

Biex nifhmu dan il-kunċett ta’ uniċità b’mod tajjeb ħafna, huwa importanti li naqraw dwar id-DNA tagħna, li ħafna drabi tissejjaħ “blueprint of life—il-pjan tal-ħajja.”

Id-DNA—blueprint of life— hija unika għal kull bniedem. Kull persuna għandha sekwenza tad-DNA unika li tagħmilha distinta u partikolari. Id-DNA tintiret miż-żewġ ġenituri, l-omm u l-missier. Il-kombinazzjoni ta’ dawn il-ġeni u kif jiġu msawra joħolqu d-diversità ġenetika qalb in-nies.

Tassew, id-diversità hija sabiħa, u tkun mill-isbaħ meta ningħaqdu flimkien biex niċċelebraw din id-diversità u l-identità ta’ kull individwu, sabiex inkabbru l-fehim, it-tagħlim u l-esperjenza tal-ħajja tagħna, minflok nikkritikawha.

Immaġina biss għal ftit dinja bl-istess frott, ħaxix, fiżiku tal-bniedem, kuluri u fehim, kemm tkun iebsa, monotona, għajjiena u bla sens. Hija lil hinn mill-immaġinazzjoni.

Il-pizza u l-għerf wara d-diversità

Ftit xhur ilu, waqt attività interreliġjuża fi skola, staqsejt lit-tfal jekk togħġobhomx il-pizza, u kif kien mistenni, kollha wieġbu fl-affermattiv, li iva l-pizza togħġobhom ħafna.

Imbagħad staqsejthom, kif iħossuhom jekk ikollhom l-ikel favorit tagħhom—pizza kuljum? It-tweġiba kienet mill-istint naturali li: “Le, għax tkun ta’ dwejjaq, boring u bla sens.”

Nemmen li r-risposta tagħhom kienet mimlija b’għaqal. Bl-istess mod, id-diversità tal-bnedmin ma tagħmilniex differenti imma tagħmilna lkoll uniċi ġewwa nfusna. M’aħniex differenti minn xulxin, iżda aħna kollha uniċi.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.