Replacing greed and envy with love and compassion

Photo: Vlad Antonov | Shutterestock

Nibdlu r-regħba u l-għira bl-imħabba u l-mogħdrija

It-Torċa, 20.04.2025 | IMAM Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Id-dinja tal-lum saret post ta’ problemi kbar. Il-problemi kienu diġà qed jagħmluha diffiċli biex tieħu n-nifs, u issa jidher li qed tibda gwerra kummerċjali ġdida, li tista’ tieħu xejra perikoluża ħafna.

Għalhekk, il-pajjiżi kollha għandhom jeżerċitaw paċenzja, tolleranza u trażżin u jsibu soluzzjonijiet għall-problemi permezz ta’ negozjar u djalogu reċiproku. U minflok jiġu monopolizzati r-riżorsi tad-dinja,  għandna nikkunsidrawhom bħala l-wirt u l-ġid komuni tal-umanità, u nibbenefikaw minnhom billi jinqasmu bejnietna, sabiex kulħadd ikollu riżorsi għall-għajxien tiegħu.

Il-wirt u l-ġid komuni tal-umanità

Dan l-univers u r-riżorsi kollha fih inħolqu minn Alla li Jista’ Kollox, li ħalaqhom għall-umanità kollha, u dawn ma jappartjenux għal xi nazzjon jew pajjiż partikolari, iżda huma għal kulħadd. Alla jgħallem li l-kwistjonijiet ekonomiċi kollha għandhom jitwettqu b’għerf u konsiderazzjoni xierqa.

Alla l-Ħanin jgħid fil-Koran Imqaddes: “Huwa Alla li ħalaq għalikom dak kollu li jinsab fl-art.” (2:30)

Għalhekk, il-Koran jgħallem li kollox fid-dinja nħoloq għall-benefiċċju tal-umanità kollha, u mhux għal xi nazzjon jew pajjiż partikolari. Fuq livell primarju, jekk xi pajjiż ikun imbierek b’riżorsi naturali allura dawn ikunu għall-benefiċċju tan-nies ta’ dak in-nazzjon. Madanakollu, l-Iżlam ikompli jestendi l-iskop ta’ dan u jgħid li għandna nieħdu ħsieb u ngħinu wkoll lill-ġirien tagħna.

Għalhekk, fejn minn naħa nazzjon jaħsad il-frott tar-riżorsi li Alla tah, min-naħa l-oħra għandu juża wkoll dak il-ġid biex jgħin lil dawk il-pajjiżi u nies li huma fil-bżonn. Tali ġid irid jiġi utilizzat b’mod ġust, ugwali u bla egoiżmu mingħajr ebda forma ta’ diskriminazzjoni u mingħajr regħba jew xewqa għall-akkwisti personali.

Il-firxa tar-riżorsi bejn il-pajjiżi

Jekk inħarsu lejn id-dinja naturali, insibu kif Alla firex ir-riżorsi naturali bejn il-pajjiżi, li kull wieħed għandu rwol importanti fil-progress ekonomiku tad-dinja. L-Iżlam jgħallem li dawn ir-riżorsi kollha huma l-proprjetà u l-ġid magħqud tal-umanità kollha.

Għalhekk, dawn il-barkiet kollha huma għan-nies kollha u għalhekk il-bnedmin kollha għandhom jibbenefikaw minnhom. Dawn it-teżori bla għadd li Alla l-Ħanin tagħna, kemm fuq kif ukoll taħt l-art, mhumiex biss għal ftit individwi magħżula, iżda huma għall-benefiċċju ta’ kull persuna, f’kull parti tad-dinja.

Ovvjament, hemm xi pajjiżi li huma mbierka b’riżorsi taż-żejt, hemm li għandhom art agrikola tajba, hemm li għandhom muntanji, hemm li għandhom xmajjar, hemm li għandhom ġebel u minerali prezzjużi li huma siewja ħafna. Hemm insibu firxa kbira tar-riżorsi madwar id-dinja, għalhekk, meta ngħixu flimkien huwa importanti li naqsmu dak li għandna mal-pajjiżi l-oħra u, bl-istess mod, għandhom jaqsmu r-riżorsi tagħhom magħna. Sabiex id-dinja kollha tgawdi mill-barkiet ta’ Alla u ħadd ma jibqa’ lura.

L-ikbar biċċa tal-kejk

Iżda, sfortunatament ħafna naraw li hemm pajjiżi li jixtiequ li jkollhom l-ikbar biċċa tal-kejk minn ħaddieħor, u jekk jaħsbu li hemm xi nuqqasijiet fit-taqsima tar-riżorsi, minflok li jidduskutu bejniethom u jsibu xi soluzzjoni li taqbel lil kulħadd, qed jimponu tariffi ġodda fuq il-pajjiżi l-oħra.

Jidher li n-nazzjonijiet huma impenjati fi gwerra kummerċjali, mhux biss mal-ġirien tagħhom iżda ma’ diversi pajjiżi oħra wkoll. Dawn l-eskalazzjonijiet ekonomiċi li qed jiżdiedu qed jirriżultaw f’kunflitti u diżordnijiet madwar id-dinja.

Minħabba dan l-inkwiet kollu rajna inċertezza kbira fis-suq internazzjonali. Naħseb li dawn l-azzjonijiet mhux biss jheddu u jikkompromettu l-paċi globali iżda wkoll ikollhom impatt kbir fuq l-ekonomija dinjija.

Nibqgħu viġilanti u kawti

Għalhekk, hija s-sejħa taż-żmien li nibqgħu viġilanti u kawti f’dawn is-sitwazzjonijiet fraġli. Il-pajjiżi kbar tad-dinja u l-pajjiżi stabbli għandhom iħossu l-bidla madwar id-dinja u jieħdu ħsieb l-interessi ta’ nazzjonijiet aktar dgħajfa sabiex jiżirgħu ż-żerriegħa tal-paċi u l-armonija fuq din il-pjaneta. In-nazzjonijiet għandhom ifittxu li jistabbilixxu ġustizzja anke jekk ikollhom jissagrifikaw il-kisbiet u l-benesseri nazzjonali tagħhom.

Għandna nifhmu wkoll li jekk dawn il-passi jitfgħu ż-żejt fuq in-nar, allura, kulħadd se jbati. Allura, minflok it-tbatija, huwa għaqli li nagħżlu l-paċi, is-sliem u l-armonija. Għax il-paċi hija l-aħjar.

Photo: Keyframelab | Shutterestock

Ir-regħba u l-għira

Għall-paċi u l-istabbiltà fid-dinja hemm prinċipju ieħor li dwaru aħna tgħallimna biex ma nixxennqux għall-ġid tal-oħrajn. Il-Koran Imqaddes jgħid:

“Ara li ma tmiddx għajnejk (bir-regħba) fuq dak (il-ġid materjali) li tajna lil xi wħud minnhom biex igawdu għal ftit ħin – is-sbuħija ta’ din id-dinja – biex inġarrbuhom bih. Il-ġid ta’ Sidek huwa aħjar u jdum aktar.” (20:132)

Il-Mexxej tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jispjega dan b’mod tajjeb u jgħid: “Ir-regħba u l-għira għall-ġid tal-oħrajn huma l-kawża ta’ aktar inkwiet fid-dinja. Fuq bażi personali, il-fatt li kulħadd jipprova jagħmel bħal ħaddiehor, kif jgħidu, irriżulta f’regħba ma taqta’ xejn u fit-tkissir tal-paċi soċjali. Il-kompetizzjoni ta’ regħba fuq bażi nazzjonali bdiet u ħaditna lejn il-qerda tal-paċi fid-dinja. Dan hu ppruvat bl-istorja u kull bniedem sensibbli jista’ jifhem li x-xenqa għall-ġid tal-oħrajn tkattar l-għira u r-regħba u hija s-sors ta’ telfien.”

Għalhekk, minflok li nippruvaw naħtfu r-riżorsi ta’ ħaddieħor, huwa importanti li r-riżorsi naturali tal-pajjiżi kollha jiġu utilizzati b’mod tajjeb biex id-dinja ssir kenn ta’ paċi u prosperità għall-umanità kollha. Minflok ir-regħba u l-għira, is-sentimenti tal-imħabba u l-kompassjoni jiġu żviluppati bejn l-umanità.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Article, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.