Photo by Игорь Антипов on Unsplash
Il-mewt tal-Papa Franġisku u r-rispett u d-dinjità għall-mejtin
L-Orizzont, 26.04.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com
L-Iżlam jiggwidana biex nuru rispett kbir u dinjità għall-mejtin, għalhekk, kull meta tmut xi persuna, aħna ġejna mgħallma fil-Koran Imqaddes (2:157) li ngħidu: “Aħna tabilħaqq ta’ Alla, u aħna lejh nerġgħu lura.” Jiġifieri li aħna lkoll jappartjenu għal Alla, ilkoll għandna nerġgħu lura lejh.
Barra minn hekk, il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal li, dejjem nitkellmu tajjeb dwar il-mejtin u nuru rispett u nattendu l-funeral tagħhom u nitolbu għalihom.
Nixtieq ukoll nirrakkonta storja tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, fejn wera rispett kbir lejn funeral. Darba l-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, kien ma’ sħabu, meta għadda l-funeral ta’ Lhudi. Il-Profeta Muħammad qam malajr b’turija ta’ rispett u baqa’ wieqaf sakemm il-funeral kien għadda minn ħdejhom. Meta għaddiet il-purċissjoni tal-funeral, il-kumpanni qalu, “O Profeta, din kienet il-purċissjoni tal-funeral ta’ Lhudi, għalfejn qomt?” Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal, “Jekk kien Lhudi, ma kienx hu wkoll bniedem?” U qal, “Kull meta taraw funeral, qumu u uru rispett.”
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, għallimna wkoll li nirrispettaw lill-kapijiet rispettabbli ta’ nies oħra u nuruhom ir-rispett dovut.
Il-legat tal-Papa Franġisku
Bħala Musulmani, huwa dmirna li nuru rispett lejn il-mexxejja tan-nazzjonijiet u r-reliġjonijiet. Għalhekk, f’isem il-Komunità Ahmadiyya Musulmana Malta, nesprimi l-kondoljanzi tagħna lill-Knisja Kattolika u lill-membri tagħha f’Malta u madwar id-dinja għall-mewt tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku, li ddedika ħajtu għas-servizz tal-paċi, id-dinjità umana, il-kompassjoni, u t-tama.
Matul il-papat tiegħu ta’ 12-il sena, il-Papa Franġisku wera kuraġġ kbir biex jgħolli leħnu għall-foqra, l-immigranti u l-marġinalizzati; u għal dawk li ġew ippersegwitati minħabba l-fidi tagħhom u anke għal dawk li għaddew minn żminijiet diffiċli minħabba gwerer u kunflitti. In-natura sempliċi u umli tiegħu kienet prinċipju ta’ gwida kif ried imexxi.
Nammira wkoll il-ħidma tiegħu lejn il-libertà reliġjuża u l-bini ta’ pontijiet bejn komunitajiet u reliġjonijiet differenti. Huwa dejjem kien favur id-djalogu interreliġjuż u l-armonija interreliġjuża.
Hekk kif qed ngħixu f’dinja mifnija b’ħafna problemi, gwerer u kunflitti, nixtieq li l-Papa l-ġdid jaħdem u juża l-influwenza tiegħu biex iġib l-għaqda fir-reliġjonijiet tad-dinja, u għalhekk, minflok kunflitti reliġjużi, inkunu magħqudin għall-ġid tal-umanità.
Fl-għaqda hemm is-saħħa
Nemmen bis-sħiħ li fl-għaqda hemm is-saħħa. Għalhekk, ir-reliġjonijiet kollha għandhom ikunu magħqudin f’ġieħ l-umanità. Huwa importanti li noqorbu lejn xulxin, inħobbu lil xulxin, ngħidu kelma tajba favur xulxin, u niffukaw fuq dak li jgħaqqadna. Sabiex flimkien niġbdu ħabel wieħed tal-ġid tal-umanità; u flimkien nippruvaw nistabbilixxu l-paċi dejjiema fid-dinja.