Photo by Ashwin Vaswani on Unsplash
Il-kondoljanzi tagħna għall-mewt tal-Papa Franġisku
Il-Leħen, 27.04.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com
Il-mewt hija realtà vera daqs il-ħajja fuq din il-pjaneta. Ġurnata jew oħra, kull ruħ għandha t-togħma tal-mewt. Il-mewt hija realtà innegabbli, u ma teħlisha lil ħadd u ma tafx konfini. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes, “Kull ruħ idduq il-mewt, imbagħad lejna titreġġgħu lura.” (29:58)
Kull meta tmut xi persuna, aħna ġejna mgħallma fil-Koran Imqaddes kif għandna nirrispondu għal kwalunkwe aħbar bħal din, billi ngħidu: “Aħna tabilħaqq ta’ Alla, u aħna lejh nerġgħu lura.” (2:157)
Jiġifieri, kull bniedem għandu jitlaq minn din id-dinja f’xi mument fil-ħajja tiegħu u r-ritorn finali huwa lejn il-Mulej tagħna.
Meta persuna tmut tħalli lill-maħbubin tagħha mnikktin għal ġranet sħaħ, iżda hi tibda l-vjaġġ tagħha għal ħajja oħra. Huwa minnu li l-mewt tifred fiżikament lill-persuna mill-familja tagħha, għeżież u maħbubin, iżda dawn jgħixu fil-qlub tal-maħbubin tagħhom u l-wirt tagħhom jipprova l-eżistenza tagħhom fin-nies.
L-aħbar tal-mewt tal-Papa Franġisku nxterdet daqshekk malajr madwar id-dinja kollha, u kulħadd beda jitkellem dwaru; u fi ftit minuti n-nies bdew jiktbu l-messaġġi tagħhom ta’ kondoljanzi.
Il-kondoljanzi
F’isem il-Komunità Ahmadiyya Musulmana Malta, esprimejt il-kondoljanzi tagħna lill-Knisja Kattolika u lill-membri tagħha f’Malta u madwar id-dinja għall-mewt tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku, li ddedika ħajtu għas-servizz tal-paċi, id-dinjità umana, il-kompassjoni, u t-tama.
Il-Kap Dinji tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Qdusija Tiegħu Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, esprima wkoll il-kondoljanzi tiegħu lill-Knisja Kattolika u lill-membri tagħha madwar id-dinja f’isem il-Komunità Ahmadiyya Musulmana internazzjonali. Il-Qdusija Tiegħu qal:
“Kont imdejjaq ħafna meta tgħallimt bil-mewt tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku. Tul ħajtu, il-Papa Franġisku fittex li jaqdi lill-foqra u ’l-vulnerabbli, u wera simpatija immensa għal dawk li qed ibatu taħt il-piż kbir tal-gwerer, il-persekuzzjoni, u l-inġustizzja. Kien bniedem ta’ kompassjoni, umiltà u fidi li stinka biex jibni pontijiet ta’ ideat differenti bejn nies u twemmin.
Waqt il-Papat tiegħu, il-Papa Franġisku rċieva rappreżentanti tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana b’ħeġġa u grazzja fil-Vatikan, li għaliha aħna dejjem inkunu grati. F’isem il-Komunità Ahmadiyya Musulmana, inwassal il-kondoljanzi sinċieri tagħna lill-Knisja Kattolika u lill-membri tagħha madwar id-dinja.”
Il-Papa Franġisku kien bniedem umli u sempliċi
Il-Papa Franġisku kien bniedem umli ħafna li għex ħajtu għall-paċi, l-imħabba, id-dinjità umana u għat-tama. Il-karattru umli u sempliċi tiegħu kien eżempju tajjeb anke għall-mexxejja biex juru umiltà u sempliċità. Matul ħajtu enfasizza ħafna fuq il-paċi u kien dejjem jitkellem dwar il-paċi u l-imħabba kull fejn żar. Tkellem ċar u tond kontra l-gwerer li hawn fid-dinja.
Matul il-papat tiegħu ta’ 12-il sena, Franġisku kien ċampjin vokali tal-foqra u l-marġinalizzati u appella għall-mogħdrija u l-ġenerożità lejn ir-refuġjati u s-sezzjonijiet il-foqra tas-soċjetà. Kien dejjem kritiku tar-regħba korporattiva u l-inugwaljanza soċjali u ekonomika.
Il-Papa Franġisku kien jemmen fil-libertà reliġjuża u dejjem enfasizza fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà reliġjuża. L-isforzi tiegħu biex jippromwovi d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet u l-armonija interreliġjuża huma riflessjoni qawwija tan-natura paċifika, il-ħarsa pożittiva u l-qalb tajba tiegħu.
Il-koperazzjoni għall-paċi
Meta l-Papa Franġisku ġie elett fil-kariga tiegħu fl-2013, il-Kap tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Qdusija Tiegħu Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, kiteb ittra biex joffri l-awgurji tiegħu lill-Papa Franġisku u lill-Kattoliċi madwar id-dinja. Hu kiteb li, “Jalla l-ħatra tal-Papa l-ġdid tkun imbierka mhux biss għall-Insara iżda għan-nies kollha madwar id-dinja. Nittama u nitlob li fl-era li ġejja l-Papa juża l-influwenza tiegħu biex jiżviluppa l-paċi u l-armonija fid-dinja.”
Huwa offra wkoll il-koperazzjoni sħiħa tiegħu biex naħdmu flimkien għat-titjib u l-benesseri tal-umanità, u qal: “Fejn jirrigwarda l-Komunità Ahmadiyya Musulmana, aħna dejjem konna fuq quddiem biex nippromwovu l-armonija interreliġjuża u nħabirku għall-paċi. Aħna dejjem nikkoperaw man-nies u l-għaqdiet kollha li jaħdmu għall-paċi u t-tolleranza u nibqgħu nwettqu dan sal-aħħar.”
Nemmen li din hija s-sejħa ta’ żmienna li naħdmu flimkien u nużaw il-kapaċitajiet u l-abbiltajiet tagħna biex inġibu flimkien in-nies tad-dinja lejn il-paċi, ir-rikonċiljazzjoni u l-fehim reċiproku u nistinkaw biex nipprevjenu lid-dinja mill-qerda. Nemmen li s-saħħa tal-umanità hija li tibqa’ magħquda, għax fl-għaqda hemm dejjem is-saħħa, u fejn hemm l-għaqda, hemm paċi, serenità, armonija, fratellanza u prosperità.