Why is man not happy and satisfied?

Għaliex il-bniedem mhuwiex kuntent u sodisfatt?

It-Torċa, 27.04.2025| Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Ir-reliġjon hija t-triq li twassal lill-bniedem lejn il-kuntentizza u s-sodisfazzjon vera. Għalhekk, il-fidil veru dejjem iħoss ferħ meta jissodisfa r-rekwiżiti tar-reliġjon u jobdi l- kmandamenti tagħha b’mod tajjeb u ma jsib l-ebda obbligu tagħha bħala piż. Anzi, jieħu pjaċir u jsir grat lejn il-Mulej li tah l-opportunità biex jipprattika l-kmandamenti tal-fidi kemm jista’.

Il-fidi vera hija fejn il-qima ta’ Alla hija biss sors ta’ ferħ u kuntentizza. Il-fidi vera hija fejn bil-ferħ tagħmel is-sagrifiċċji kollha meħtieġa għall-ġid ta’ Alla, għall-ġid ta’ ħaddieħor u għall-ġid tal-komunità tiegħek. Il-bnedmin li jgħixu ħajjithom b’dan il-mod, ħajjithom issir mimlija kuntentizza vera u jħossu dan kull jum ta’ ħajjithom.

Attrazzjoni tal-materjaliżmu

Iżda, fid-dinja tal-lum naraw li n-nies qed isiru aktar attratti lejn il-mezzi tad-dinja, minflok il-benesseri reliġjuż u spiritwali. Barra minn hekk, f’termini ta’ mezzi tad-dinja, flok bżonnijiet, in-nies qed isiru l-iskjavi tax-xewqat tagħhom. In-nies rari jagħmlu xi differenza bejn “need” u “want”. Kulħadd donnu jixtieq u jiġri wara l-qligħ materjalistiku, u jixtiequ li jkollhom flejjes kbar, anke jekk ma jistgħux igawduhom jew m’għandhomx bżonnhom.

Huwa minnu li, iktar ma jiġi l-ġid, aktar tikber ir-regħba. Ix-xewqa għall-ġid żdiedet tant li l-bniedem jipprova jaqla’ l-ġid akkost ta’ kollox u b’kull mezz. Xi drabi din ir-regħba tiżdied tant li n-nies ma joqogħdux lura milli jadottaw anke mezzi illegali u inġusti biex jaqilgħu l-flus.

Ferħ, prosperità, kuntentizza u moderazzjoni

Minkejja dawn il-ħafna sforzi u l-ġiri kollu, il-bniedem ma jidhirx kuntent u sodisfatt. Għaliex il-bniedem mhuwiex sodisfatt u bla kwiet minkejja l-oġġetti, il-kumdità, u l-konvenjenzi kollha tad-dinja? X’inhi l-kawża tal-ansjetà umana u l-qalb maqsuma?

Alla jgħid fil-Koran Imqaddes: “Iżżejnet lin-nies l-imħabba tax-xewqat (imqanqla) min-nisa, l-ulied, il-qnatar fuq qnatar ta’ deheb u fidda, iż-żwiemel immarkati, il-frat u l-għelieqi. Din hija t-tgawdija (fiergħa) tal-ħajja ta’ din id-dinja. Għand Alla l-aħjar wasla u ħlas (għat-tajbin).” (3:15)

In-nies tad-dinja jixtiequ l-ġid materjali biss b’hekk jinħolqu spirali ta’ regħba u pjaċiri personali. Kif jindika l-vers ta’ hawn fuq, dawn kollha huma miżuri temporanji ta’ din id-dinja u huma kuntrarji għad-dinjità ta’ fidi li l-għan tiegħu għandu jkun il-qima ta’ Alla u s-servizz tal-ħolqien Tiegħu. Sfortunatament il-bnedmin illum daħlu fix-xibka materjalistika li qed teqred il-virtujiet u l-morali.

Inkunu responsabbli f’din il-klima negattiva

F’din il-klima negattiva r-responsabbiltà fuqna hija dejjem akbar biex nadottaw modi ta’ kuntentizza u sempliċità sabiex nersqu aktar u nkunu aktar inklinati lejn Alla l-Ħanin aktar milli nordmu lilna nfusna fl-affarijiet tad-dinja.

Tabilħaqq il-barkiet ta’ Alla qegħdin hemm sabiex jitgawdew u nibbenefikaw minnhom, madankollu huwa l-element ta’ regħba u materjaliżmu żejjed li jħammġu l-ħsibijiet tagħna.

Għalhekk, f’dan l-ambjent materjalistiku, huwa importanti li nagħżlu t-tieba fuq il-ġid dinji. Għandna nagħmlu l-prijoritajiet tagħna tajbin u dejjem nagħtu preċedenza lill-fidi tagħna u lil Alla li Jista’ Kollox, fuq kull xewqa tad-dinja.

Jekk m’hemmx Alla, m’hemmx kuntentizza

Jekk m’hemmx Alla, m’hemmx paċi, kuntentizza u sodisfazzjon. Mhux il-kisbiet materjalistiċi li jipprovdulna paċi, serħan tal-moħħ u sodisfazzjon, anzi, hija l-imħabba ta’ Alla u tal-umanità li twitti t-triq biex ittaffi l-uġigħ u t-tbatijiet tagħna; u jinfetħu l-bibien tal-paċi u s-sliem dejjiema.

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, ordna li jekk wieħed ikun ġust jikseb qrubija Divina u jekk ikun kuntent jikseb l-ogħla livell ta’ ringrazzjament. Huwa għallem prinċipju tad-deheb u qal li, il-moderazzjoni fin-nefqa hija nofs ekonomija u min hu ubbidjenti fi żminijiet diffiċli u jibqa’ kuntent isib kenn f’Alla.

Nemmen li dan il-prinċipju huwa l-bżonn ta’ żminijietna. Illum il-ġurnata naraw li nonfqu aktar minn dak li għandna, u ħafna drabi minħabba li l-kumpanji kbar joffru loan sabiex inkunu nistgħu nixtru dar, karozza, għamara, u ħafna affarijiet. Ħafna minna ma jaħsbuhiex darbtejn u jieħdu din il-loan u jixtru l-affarijiet u ma jaħsbux li, dan qisu jissellfu mill-gwadann tagħhom tal-futur. Dan iżid id-drawwa li ngħixu b’mod li ma nkunux nifilħu għalih. U b’hekk nispiċċaw nonfqu aktar milli naqilgħu.  

Minħabba dan in-nies mhux biss ma jgawdux il-preżent tagħhom, iżda, anke l-futur tagħhom ma jistax jibqa’ tagħhom. Minflok li jgawdu ħajjithom illum, huma dejjem ikunu mħassba kif u meta se jħallsu s-self tagħhom.

Il-Qaddis Profeta Muħammad wissa li l-bniedem m’għandux jgħix lil hinn mir-riżorsi tiegħu u ma jikbirx f’regħba għax b’dan il-mod ma jistax igawdi ħajtu. Barra minn hekk, huwa qal li jekk raġel għandu anki wied mimli deheb, ikun jixtieq għal wied ieħor. Għalhekk, għallem li nkunu dejjem konxji ta’ dawk li huma inqas ixxurtjati minna aktar milli nixtiequ l-ġid ta’ dawk li huma f’qagħda aħjar minna.

Fil-qosor, nemmen bis-sħiħ li inqas ma persuna ma tkun okkupata bl-isforzi u x-xewqat tad-dinja iktar tkun sodisfatta u kuntenta.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.