Faith and Sensitivity: Respecting Religious Sentiments

FIDI U SENSITTIVITÀ: IR-RISPETT GĦAS-SENTIMENTI RELIĠJUŻI

Fid-dinja li saret bħal raħal globali ma nistgħux niżirgħu ż-żerriegħa tal-paċi mingħajr ma niżirgħu ż-żerriegħa tar-rispett reċiproku bejnietna. Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li nuru rispett għas-sentimenti reliġjużi ta’ xulxin. Dan is-sens ta’ rispett reċiproku se jistabbilixxi l-pedament għall-fratellanza universali, l-armonija, it-tolleranza u l-paċi, xi ħaġa li qed tisparixxi malajr mid-dinja.

It-Torċa, 04.05.2012 | Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

F’dan iż-żmien meta d-dinja litteralment saret bħal raħal globali b’mod li ma setax jiġi immaġinat qabel, irridu nirrealizzaw ir-responsabbiltajiet tagħna bħala bnedmin u għandna nippruvaw nagħtu kas lit-tixrid tal-paċi, l-imħabba u l-fratellanza fost xulxin. Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li nuru rispett għas-sentimenti reliġjużi ta’ xulxin.

Meta xi ħadd iweġġa’ s-sentimenti ta’ ħaddieħor billi jgħid kliem bla rispett kontra r-reliġjon tiegħu jew kontra l-personaġġi qaddisin tiegħu, dan iwassal għall-ħolqien ta’ tensjonijiet u kunflitti bejn in-nies. Dan id-diskors ma jibbenefika lill-umanità bl-ebda mod. X’jista’ jkun il-benefiċċju li tweġġa’ sensittivitajiet ta’ ħaddieħor li jżidu biss il-mibegħda u n-nuqqas ta’ rispett bejn in-nies?

Niżirgħu ż-żerriegħa tal-paċi

Għalhekk irridu nifhmu li ma nistgħux niżirgħu ż-żerriegħa tal-paċi mingħajr ma niżirgħu ż-żerriegħa tar-rispett reċiproku bejnietna. Flimkien, ejjew nibnu l-ambjent reċiproku biex dejjem nuru rispett għal xulxin, għar-reliġjonijiet ta’ xulxin kif ukoll għall-personaġġi qaddisin, il-messaġġiera ta’ Alla u għall-Fundaturi tar-reliġjonijiet kollha.

Il-Koran Imqaddes jiddikjara li Alla bagħat il-Messaġġiera Tiegħu lil kull nazzjon biex jurihom it-triq it-tajba — it-triq li twassal Għandu. Barra minn hekk, il-Koran Imqaddes jiddikjara l-pjetà u l-verità ta’ kull profeta. Il-Koran Imqaddes jgħid:

“Lil kull ġens (intbagħat) Messaġġier, u meta jiġi l-Messaġġier tagħhom, isir ħaqq minnhom kif jixraq, u ma jiġux trattati ħażin.” (10:48)

“M’hemmx poplu (fid-dinja) li għalih ma bgħatniex il-Widdieb.” (35:25)

Fid-dawl ta’ dawn il-versi mill-Koran Imqaddes, huwa ċar li l-Iżlam jiddikjara u jenfasizza kategorikament li matul l-istorja tal-bniedem, f’kull żmien u f’kull parti tad-dinja, Alla kien qed jieħu ħsieb il-bżonnijiet reliġjużi u spiritwali tal-bnedmin billi bagħat il-messaġġiera tiegħu biex iwasslu l-messaġġ divin lill-poplu rispettiv tagħhom.

Il-pedament għall-fratellanza universali

Dan is-sens ta’ rispett u unur reċiproku għall-messaġġiera u l-Fundaturi kollha tar-reliġjonijiet tad-dinja jistabbilixxi l-pedament għall-fratellanza universali, l-armonija, it-tolleranza u l-paċi, xi ħaġa li qed tisparixxi malajr mid-dinja.

Bħala Musulmani, aħna nirrispettaw u nonoraw il-profeti u l-messaġġiera kollha (il-paċi tkun fuqhom ilkoll). Aħna nemmnu li huma kollha l-messaġġiera mibgħuta minn Alla li Jista’ Kollox u ma ngħidu xejn ta’ tmaqdir kontrihom.

Alla li Jista’ Kollox jibgħat il-messaġġiera Tiegħu lin-nies sabiex ikunu jistgħu juruhom il-modi li jressqu lin-nies eqreb lejn Alla u eqreb lejn l-umanità. Meta naqraw it-tagħlim tar-reliġjonijiet ewlenin tad-dinja nsibu li l-objettivi ewlenin ta’ kull reliġjon dejjem kienu li jressqu lin-nies eqreb lejn Alla u li jistabbilixxu valuri umani.

L-ebda fundatur ta’ xi reliġjon ma għallem lid-dixxipli tiegħu biex jiċħdu d-drittijiet ta’ ħaddieħor jew biex jaġixxu b’mod krudili lejn bnedmin oħra.

Ir-rispett lejn il-profeti u l-messaġġiera

L-Iżlam jgħallimna nuru rispett inkondizzjonat lejn il-profeti u l-messaġġiera kollha ta’ Alla, jagħmilha imperattiv fuq il-Musulmani biex jemmnu fil-profeti u l-messaġġiera kollha li ġew imsemmija fil-Bibbja Mqaddsa jew fil-Koran Imqaddes, u biex ma jagħmlu l-ebda distinzjoni bejn il-messaġġiera ta’ Alla.

“Il-Mibgħut emmen f’dak li tniżżel lilu minn Sidu, u (hekk ukoll) dawk li jemmnu. Kollha emmnu f’Alla, fl-anġli tiegħu, fil-kotba tiegħu, u fil-Messaġġiera tiegħu. Huma jgħidu: ‘Ma nagħmlu distinzjoni bejn ħadd mill-Mibgħutin tiegħu.’”(Koran, 2:286)

Noħolqu atmosfera ta’ mħabba u affezzjoni

Għalhekk, sabiex tinżamm il-paċi fis-soċjetà, huwa meħtieġ li kulħadd jelimina s-sentimenti kollha ta’ ostilità minn qalbu u jżid il-livelli ta’ tolleranza tiegħu. Hemm bżonn li niddefendu r-rispett u r-riverenza tal-Profeti ta’ xulxin.

Jekk nanalizzaw is-sitwazzjoni internazzjonali attwali, nirrealizzaw li d-dinja għaddejja minn żminijiet ta’ inċertezza u taqlib kbir. Dan jirrikjedi li noħolqu atmosfera ta’ mħabba u affezzjoni sabiex inkunu nistgħu nneħħu t-tensjoni u l-biża’, inwasslu messaġġ ta’ mħabba u paċi lil dawk kollha ta’ madwarna, nitgħallmu ngħixu f’armonija ferm akbar minn qatt qabel u għalhekk noħolqu ħajja aħjar u nsiru nafu l-valuri veri tal-umanità.

Nibnu soċjetajiet armonjużi u koeżivi

Tabilħaqq, ir-rispett huwa prinċipju ewlieni biex nibnu soċjetajiet armonjużi u koeżivi. Għalhekk, ejjew ilkoll nibnu dinja ġdida, dinja li tieħu ħsieb u tħobb, billi niżirgħu ż-żerriegħa tal-paċi u l-armonija permezz ta’ mħabba u rispett reċiproku.

Huwa t-talba ferventi tiegħi li aħna kollha nifhmu r-responsabbiltajiet tagħna u flimkien naqdu r-rwoli effettivi tagħna fit-tixrid tal-paċi, l-imħabba, il-fratellanza u r-rispett fost in-nies kollha u biex insaħħu r-relazzjoni tagħna mal-Ħallieq tagħna. Ammen.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.