
Il-ġenna tinsab taħt saqajn l-omm
Meta naħseb dwar l-imħabba tal-omm, insib li l-imħabba ta’ omm hija aktar profonda mill-fond tal-oċean, ogħla mill-għoli tas-smewwiet, u aktar ħelwa mill-għasel. L-omm hija persuna u bniedma bla paragun.
In-Nazzjon, 10.05.2025 | IMAM Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com
L-omm hija persuna u bniedma bla paragun. L-omm huwa l-isem ta’ torri tal-kobor, is-sbuħija, ir-rispett u d-dinjità. Il-pożizzjoni ta’ omm hija kbira ħafna u ħafna. M’hemm l-ebda bniedem ieħor bħall-omm, li hija eżempju eċċellenti ta’ mħabba u kompassjoni.
Meta naħseb dwar l-imħabba tal-omm, insib li l-imħabba ta’ omm hija aktar profonda mill-fond tal-oċean, ogħla mill-għoli tas-smewwiet, u aktar ħelwa mill-għasel.
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, iddeskriva l-persuna tal-omm b’mod meraviljuż u qal li, “Il-ġenna tagħkom tinsab taħt saqajn ommkom.” Jiġifieri li aħna nistgħu niksbu l-ġenna billi naqdu lil ommijietna u nkunu ġentili u ubbidjenti lejhom. Fil-fatt l-omm hija waħda mill-bibien tal-ġenna.
Żomm ma’ saqajn l-omm
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, wera l-importanza tal-imħabba tal-omm f’diversi okkażjonijiet. Darba xi ħadd ġie għand il-Qaddis Profeta Muħammad biex jitlob il-permess tiegħu biex imur għall-gwerra kontra l-għadu. Il-Profeta staqsieh jekk ommu kinitx ħajja. Huwa wieġeb fil-pożittiv. Il-Profeta qallu biex jibqa’ ma’ ommu u jaqdiha. Ir-raġel reġa’ staqsa u l-Qaddis Profeta tah l-istess parir. Meta staqsa għat-tielet darba, il-Profeta qallu, “Żomm ma’ saqajha għax hemm tinsab il-ġenna.”
Kemm hu sabiħ! Tabilħaqq l-omm hija persuna li tassew jistħoqqilha t-trattament tagħna ta’ qalb tajba, ġentili, ħanina u b’kompassjoni. Meta nisimgħu l-kliem sabiħ bħal li semmejt hawn fuq, wieħed malajr jista’ jikkonkludi li l-omm hija persuna tal-glorja u ta’ pożizzjoni għolja ħafna; u bla dubju ta’ xejn l-ommijiet huma parti importanti u integrali tas-soċjetà li jridu jiġu moqdija u rispettati ħafna u mingħajr limiti.
Il-premju tat-tieba għaxar darbiet aktar
Għax, ir-rispons tat-tjubija għandu jkun tjubija simili, pjuttost aħjar minn hekk, kif jgħid Alla li Jista’ Kollox fil-Koran Imqaddes li, “Min jagħmel għemil tajjeb ikollu premju aħjar minn hekk” (28:85); “Min jagħmel it-tajjeb ikollu għaxar darbiet aktar” (6:161).
Jiġifieri, għemil tajjeb huwa bħal żerriegħa tajba li tipproduċi prodott għaxar darbiet aktar minnu. Għalhekk, għandna biex inkunu bħaż-żerriegħa tajba u nroddu l-imħabba tal-omm għaxar darbiet aktar minnha; jekk dan mhux possibbli minħabba l-limiti tagħna, għall-inqas għandna nroddu l-istess, u nuru mogħdrija ġenwina lejha u nħobbuha minn qiegħ il-qalb.
L-imħabba u l-ġustizzja
Kull sena f’Mejju niċċelebraw “Jum l-Omm”, li jiġi jfakkarna dwar l-importanza u d-dinjità tal-omm. Meta jibda x-xahar ta’ Mejju, naraw xi ċaqliq fl-iskejjel u fil-ħwienet dwar il-bejgħ ta’ rigali għall-omm.
Meta jasal “Jum l-Omm”, ħafna mit-tfal jagħtu rigal lil ommhom biex jasserixxu l-imħabba tagħhom. L-iskejjel ukoll jenfasizzaw fuq l-imħabba għall-omm u jgħallmu l-istudenti biex ipinġu xi ħaġa, jiktbu xi messaġġ u jixtru xi rigal għal ommhom bħala turija tar-rispett lejhom.
Iżda għandna nżommu quddiem għajnejna li “l-imħabba ta’ ġurnata” mhijiex biżżejjed li tista’ tagħmel ġustizzja mal-maestà tal-omm, il-glorja u l-pożizzjoni tagħha. Għalhekk, għandna nuru l-imħabba lejn ommijietna s-sena kollha.
Photo: Inna Kot | Shutterestock
‘Jum l-Omm’ is-sena kollha
Għandna niċċelebraw “Jum l-Omm” is-sena kollha, 365 ġurnata matul is-sena. Kif diġà ktibt li t-tweġiba tat-tjubija għandha tkun xejn ħlief it-tjubija. Meta konna żgħar kif ommijietna kienu jittrattawna? Kienu jiċċelebraw xi ġurnata partikolari għat-turija tal-imħabba tagħhom għalina?
Din mhix mistoqsija tal-ġurnata, iżda, l-omm tħobb lil uliedha kull mument, 365 ġurnata fis-sena, 24 siegħa kuljum, u 60 sekonda f’kull minuta. Allura, jista’ jum ta’ ċelebrazzjoni ta’ Jum l-Omm jagħmel xi ġustizzja lil dik l-imħabba u l-kompassjoni bla kundizzjonijiet?
Meta nħarsu lejn ir-reliġjonijiet u s-soċjetajiet ċivili, nindunaw li kull waħda minnhom tat importanza kbira għar-rispett lejn l-omm. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes:
“L-amar tagħna lill-bniedem huwa li juri tjubija mal-ġenituri tiegħu (għaliex jeħtieġlu jiftakar li) ommu ġġorru (f’ġufha) bi dgħufija fuq dgħufija, u jinfatam fi żmien sentejn. (Mela ftakar u) iżżi ħajr lili u lill-ġenituri tiegħek! (La tinsiex li) lejja t-tmiem.” (31:15)
Dan u l-vers li jmiss jiffurmaw klawsola parentetika u jirreferu għat-tieni l-aktar dmir importanti tal-bniedem, wara d-dmir tiegħu lejn Alla—l-obbligi tiegħu lejn l-umanità, li jibdew bl-obbligi tiegħu lejn il-ġenituri tiegħu. Jingħadlu li jrid ikun tajjeb u ġentili mal-ġenituri tiegħu.
Sidi ħenn għall-ġenituri tagħna
Alla jiggwida lill-bniedem lejn id-dmir tiegħu lejn il-ġenituri tiegħu u jagħti wkoll ir-raġuni għal dan, jiġifieri li l-ġenituri jagħmlu kull xorta ta’ sagrifiċċju għal uliedhom, partikolarment l-omm.
Nixtieq nagħlaq bit-talb li Alla għallimna għall-ġenituri tagħna. Alla jgħid li għandna biex nuru l-ħniena lejn il-ġenituri tagħna u nitolbu għalihom: “Sidi, ħenn għalihom bħalma rabbewni meta kont żgħir.” Ammen.
Nawgura lill-ommijiet kollha ‘Jum l-Omm’ hieni u mbierek.