The moral compass in times of spiritual and moral blindness

Photo: Shutterestock

Il-kumpass morali fi żminijiet ta’ għama spiritwali u morali

It-Torċa, 11.05.2025 | IMAM Laiq Ahmed Atif – WhatsApp: +35679655255

Fid-dinja tal-lum hemm diversi kwistjonijiet ewlenin li qed tiffaċċja d-dinja inklużi l-perikli tal-materjaliżmu, il-midja soċjali, u l-kilba għall-flus. Huwa minnu li f’din l-era moderna seħħew ħafna l-avvanzi teknoloġiċi, partikolarment fil-qasam tal-komunikazzjoni tal-massa.

Qed ngħixu fi żmien ta’ materjaliżmu u mondanità li dejjem jiżdiedu fejn, minkejja li l-bnedmin huma intelliġenti u minkejja li għandhom għajnejn biex jaraw bihom, ħafna nies qed jgħixu ħajja ta’ għama spiritwali u morali fejn iqisu kull ħaġa li tleqq jew tidher sabiħa bħala magħmula mid-deheb.

Mhux kulma jleqq huwa deheb

Iżda, għandna nifhmu b’mod tajjeb li, mhux kulma jleqq huwa deheb; mhux kulma naraw madwarna huwa tajjeb. Għandna nifhmu wkoll li mhux kulma toffri d-dinja moderna huwa tajjeb fiżikament, moralment, soċjalment u spiritwalment.

Il-bniedem tal-lum għandu ħafna responsabbiltà fuq spallejh biex jieħu kull pass b’mod attent u jiżen kollox b’mod tajjeb qabel jaċċettah.

Huwa fatt li l-lussu kollu li naraw xi kultant jaffaxxina l-persuna, iżda dawk li verament jemmnu f’Alla huma mistennija li jaħsbu jekk dawk l-affarijiet jeħduhomx ’il bogħod mill-Mulej jew iressquhomx lejn il-Mulej!

Għax, għall-fidil veru, il-ħajja ’l bogħod minn Alla hija bħall-ħajja tal-ħut mingħajr l-ilma. Kif il-ħut ma jistax jibqa’ ħaj mingħajr l-ilma, il-fidil veru ma jistax jgħix mingħajr Alla l-Ħanin.

Falliment morali

Sfortunatament, jidher li s-sbuħija materjalistika qed tirbaħ ammont konsiderevoli ta’ qlub in-nies. Id-dinja se tkun imġiegħla tammetti li l-għana tad-dinja ħalla lil ħafna nies spiritwalment bla flus u moralment falluti. Il-mistoqsija hi li, din hija l-ħajja li aħna mistennija li ngħixu mill-Ħallieq tagħna jew jeżisti xi kumpass morali u spiritwali għalina?

Nemmen li huwa l-kuntrarju mill-attributi tal-Mulej li jħalli l-bnedmin tiegħu mingħajr xi skop ta’ ħajjithom, u mingħajr il-gwida morali u spiritwali. Kif jista’ jkun li l-Mulej li ħalaq ħafna barkiet għalina qabel it-twelid tagħna, bħax-xemx, l-ikel, l-ilma, l-ossiġnu, eċċetra, ma jiħux ħsiebna wara t-twelid tagħna fid-dinja?

Mingħajr l-iċken dubju, Alla dejjem ħa ħsieb lill-umanità tiegħu u wrieha t-triq it-tajba u spjegalha l-virtujiet kollha li huma l-qofol tal-bniedem. Għalhekk, huwa d-dover tal-bniedem li dejjem jgħix ħajja mimlija morali u virtujiet; u qatt ma nitilfu l-kumpass morali.

Definizzjoni tal-morali

L-ewwel u qabel kollox huwa importanti li nifhmu x’inhu l-morali. Dawk l-azzjonijiet umani li jirrigwardjaw lill-bnedmin u jagħmlu parti integrali tal-karattru uman jissejħu morali.

Jiġifieri, it-trattament tajjeb u xieraq tagħna tal-bnedmin l-oħra, u l-azzjonijiet li nwettqu bħala parti mit-tradizzjoni soċjali jew kultura jissejħu morali. Persuna li hija konxja fir-rigward ta’ azzjonijiet bħal dawn tissejjaħ persuna moralment tajba.

L-għemejjel tagħna li noffru lill-Mulej jissejħu spiritwali. Għalhekk l-istati morali u spiritwali huma konnessi mill-qrib. L-unika differenza bejn it-tnejn hija li meta l-attivitajiet tagħna huma marbuta mal-bniedem, jissejħu attivitajiet morali; meta huma diretti lejn Alla, isiru spiritwali. Il-bniedem veru huwa dak li dejjem jieħu ħsieb lill-istat morali u spiritwali tiegħu, għax huma marbuta ma’ xulxin.

L-għemejjel huma ġġudikati bl-intenzjonijiet

Għandna nżommu f’moħħna wkoll li l-intenzjonijiet u l-motivi huma ħafna importanti, kif il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal: “Tassew l-għemejjel huma ġġudikati bl-intenzjonijiet u għal kulħadd huwa premju, skont l-intenzjoni tiegħu.”

Jiġifieri, meta l-azzjonijiet ikunu motivati ​bl-intenzjonijiet tajba u l-bniedem jagħmel dak kollu minħabba r-raġuni li hekk il-Mulej jixtieq minna, imbagħad biss jistgħu jkunu morali vera. Mingħajr il-motivazzjoni tagħhom, l-azzjonijiet tagħna huma eżerċizzji materjalistiċi. M’hemmx dubju li anke dawn l-eżerċizzji huma ta’ xi użu.

Imma jekk il-bnedmin ma jaspirawx li jkunu tajbin u perfetti, u jekk l-approvazzjoni ta’ Alla mhix l-għan tagħhom, kif se jiksbu t-twettiq li għalih huma maħluqa u li għalih għandhom naturalment jaspiraw? L-azzjoni u l-isforz mentali u spiritwali jiddependu ħafna fuq motivi tajbin.

Tpoġġi l-ikel f’ħalq martek

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, spjega dan is-suġġett b’mod meraviljuż u qal li, anke ftit ikel li tpoġġi f’ħalq martek bix-xewqa li taqla’ mertu quddiem Alla huwa att virtuż u morali, u se jġib il-premju tiegħu.

Barra minn hekk, jekk l-imħabba bejn il-koppja hija mmexxija mill-emozzjonijiet tagħhom biss, huwa biss att ta’ mħabba, imma jekk ir-relazzjoni tagħhom hija mmexxija taħt il-kmand divin li Alla kkmandahom juru rispett u mħabba lejn xulxin, allura dan l-att isir att virtuż.

Jiġifieri, dak li nagħmlu bl-intenzjonijiet u l-motivi li nirbħu l-pjaċir ta’ Alla, huwa jsir virtù u morali.

Ir-responsabbiltà morali tagħna

Għalhekk, hija r-responsabbiltà tagħna li ngħixu ħajjitna bil-virtujiet u l-morali skont il-gwida divina, u nsiru konxji u ġenerużi man-nies kollha ta’ madwarna. Għandna dejjem nimxu mal-kumpass morali u mhux sempliċement nimxu wara l-emozzjonijiet tagħna bħal ħlejjaq oħra. Għandna noffru xaqq dawl u tama f’dinja li llum inħakmet minn kull tip ta’ tentazzjonijiet moderni, biex ngħixu l-ħajja ta’ kuljum b’mod tajjeb, ġenwin u b’mod uman.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.