
ID-DINJA TINSAB FUQ XIFER IL-QERDA U T-TRIQ LEJN IL-PAĊI!
It-Torċa, 18.05.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif – WhatsApp+356 79 655 255
Fl-aħħar jiem, it-tensjoni dejjem tikber bejn iż-żewġ potenzi nukleari tad-dinja, l-Indja u l-Pakistan, kienet tabilħaqq kwistjoni ta’ tħassib għad-dinja kollha. Is-sitwazzjoni kienet tassew inkwetanti. Iż-żewġ pajjiżi, minflok ma mxew lejn it-tnaqqis tat-tensjoni u wrew trażżin, kienu involuti f’azzjonijiet militari.
Xi kliem ta’ gwida
Naħseb li, il-kliem ewlieni li għandu dejjem ikun prinċipju gwida f’sitwazzjonijiet bħal dawn huwa paċenzja, trażżin, għerf, għaqal, dehen, raġunament, rikonċiljazzjoni u paċi.
Jien inkwetat ħafna dwar il-fatt li hemm tant gwerer u kunflitti fid-dinja li qed jikkawżaw it-telf ta’ mijiet ta’ ħajjiet umani innoċenti, ħsara lill-infrastruttura u l-ekonomija nazzjonali, u jdgħajfu l-paċi u l-prosperità tal-umanità.
Atti kontra d-dinjità tal-bniedem
Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, l-aggressjoni Iżraeljana f’Gaża, il-kunflitt Sudaniż, biex insemmi biss ftit, huma kollha aspetti inkwetanti għall-umanità kollha, fejn intilfu għadd kbir ta’ ħajjiet innoċenti u jidher li m’hemm l-ebda tmiem għal dan.
X’inhu l-benefiċċju tat-tixrid tad-demm innoċenti ta’ bnedmin sħabhom? Dan mhux kontra d-dinjità tal-bniedem?
Xi tfisser l-umanità?
Bl-Għarbi, persuna tissejjaħ ‘insan’, li jfisser li fin-natura tal-bniedem, hemm żewġ imħabbiet, jiġifieri, l-imħabba ta’ Alla, l-Aktar Grazzjuż, u l-imħabba tal-umanità. Dan in-nom ifisser tnejn, kif ngħidu bil-Malti ‘l-għadd imtenni’ li jfisser li dawn iż-żewġ elementi jew żewġ imħabbiet dejjem jindikaw dawn iż-żewġ attributi fin-natura tal-bniedem.
Fil-qosor dan ifisser li n-natura umana hija mogħnija b’żewġ tipi ta’ mħabbiet. U sakemm dawn iż-żewġ imħabbiet ma jilħqux il-quċċata tagħhom, persuna ma tistax verament tissejjaħ bniedem.
Għatxan għad-demm ta’ bnedmin
L-imħabba għall-Ħallieq hija obbligatorja għall-bniedem minħabba l-barkiet u t-tjubija infiniti Tiegħu fuqna. Li turi gratitudni għall-barkiet, il-grazzji u l-benedizzjonijiet bla għadd tal-Ħallieq huwa att ta’ korteżija. Iżda Alla li Jista’ Kollox poġġieha wkoll fin-natura umana li tħobb lil ħaddieħor.
Alla ħalaq ukoll imħabba għall-ħolqien u l-umanità fil-bniedem sabiex, filwaqt li jista’ jtejjeb il-kundizzjoni spiritwali tiegħu billi jesprimi mħabba għal Alla li Jista’ Kollox, jista’ wkoll itejjeb il-ħajja soċjali tiegħu, il-virtujiet, il-morali u l-valuri tiegħu billi jħobb u jaqdi l-ħolqien ta’ Alla, u l-umanità skont l-abbiltajiet u l-kapaċitajiet tiegħu.
Billi nżommu f’moħħna t-tifsira msemmija hawn fuq li tkun bniedem, kif jista’ wieħed isir għatxan għad-demm ta’ bnedmin oħra? Dak l-istatus huwa ċaħda tal-attributi umani, u dan huwa kontra d-dinjità tal-bniedem.
L-imħabba għall-Ħallieq u l-ħolqien: L-unika triq għall-paċi
Għalhekk, wasal iż-żmien li nuru l-ogħla standards taż-żewġ imħabbiet—l-imħabba ta’ Alla, u l-imħabba tal-umanità. U dik hija l-unika triq li twassal għal paċi sostenibbli u dejjiema fis-soċjetajiet tagħna u tabilħaqq fid-dinja kollha.
Għalhekk, minħabba din ix-xewqa profonda u sinċiera li d-dinja timtela bl-imħabba, bl-għożża, u bil-ħbiberija, u biex tikber l-imħabba ta’ Alla fil-qlub tal-bnedmin ħalli jerġgħu jitgħallmu mill-ġdid it-toroq li jwasslu għall-paċi u jevitaw id-distruzzjoni, il-Komunità Ahmadiyya Musulmana dejjem taħdem bil-ħerqa għall-ġid komuni.
Aħna nemmnu u nispjegaw il-fehma tagħna li hemm mod wieħed biss li jista’ jsalva lid-dinja mill-qerda u l-ħerba li riesqa lejhom, u dan huwa li lkoll kemm aħna rridu nistinkaw biex inxerrdu l-imħabba, l-affezzjoni, u sens ta’ komunità.
Aktar importanti minn hekk, id-dinja għandha bżonn tagħraf il-Ħallieq tagħha, li huwa Alla l-Waħdieni. Huwa dan l-għarfien tal-Ħallieq li jwassalna għall-imħabba u l-mogħdrija lejn il-Ħolqien Tiegħu, u meta dan isir parti mill-karattru tagħna, inkunu wasalna fi stat fejn inkunu nistgħu nirċievu l-imħabba tiegħu, li żgur se twassalna għall-paċi dejjiema u sostenibbli.
Id-dinja tinsab fuq xifer il-qerda
Il-Kap tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, ħeġġeġ talb kontinwu għall-paċi globali, partikolarment rigward is-sitwazzjoni tensa bejn ċerti pajjiżi, appoġġja d-diplomazija fuq il-kunflitt, enfasizza t-tbatija tal-innoċenti fil-gwerra, esprima tħassib serju dwar id-dinja li tinsab fuq xifer ta’ kunflitt mifrux.
Huwa enfasizza li, meta sseħħ gwerra, iż-żewġ naħat isofru telf. Barra minn hekk, mhux biss is-suldati, iżda ċ-ċivili u l-vulnerabbli li jinqatlu bla sens. Dan huwa preċiżament dak li naraw fil-gwerer tal-lum; dan qed jiġri kullimkien. Fi kwalunkwe każ, itolbu għall-popli oppressi kollha madwar id-dinja.
Filwaqt li ħeġġeġ għal sforzi kontinwi għall-bini tal-paċi, huwa enfasizza wkoll l-importanza tat-talb u qal: “Komplu itolbu għall-istat ġenerali tad-dinja, kif insemmi b’mod konsistenti. Itolbu speċjalment għas-sitwazzjoni attwali li qed tiddomina bejn il-Pakistan u l-Indja. Jalla Alla li Jista’ Kollox iġib tmiem għall-oppressjoni, jipproteġi lill-magħkusin, u jagħti l-għerf lill-gvernijiet, sabiex minflok ma javvanzaw lejn il-gwerra, isolvu l-kwistjonijiet permezz tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni, u jkunu parteċipi fi ftehimiet internazzjonali.”
Waqt li spjega s-sitwazzjoni fraġli tad-dinja, il-Qdusija Tiegħu qal: “Jidher li d-dinja tinsab fuq xifer il-qerda. Jalla Alla li Jista’ Kollox biss isalvaha minn katastrofi. Dan jista’ jiġri biss jekk in-nies jersqu lejn Alla li Jista’ Kollox. Jalla Alla li Jista’ Kollox jagħtihom il-ħila għal dan, u jalla jagħtina wkoll il-ħila għat-talb.” Ammen.