The Ahmadiyya Muslim Community congratulated Pope Leo XIV and the Catholic Church

Image courtesy of Ahmadiyya Muslim Jamaat Italy

Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana tifraħ lill-Papa Ljun XIV u lill-Knisja Kattolika

Il-Leħen, 25.05.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana Malta testendi l-awguri mill-qalb tagħha lill-Knisja Kattolika u lill-membri tagħha f’Malta u madwar id-dinja għall-elezzjoni tal-Papa Ljun XIV.

Il-mewt tal-Papa Franġisku kien mument ta’ niket kbir għall-Kattoliċi madwar id-dinja. Issa bl-elezzjoni tal-Papa Ljun XIV, il-Kattoliċi huma ferħanin ħafna u jħarsu ’l quddiem b’tama mġedda taħt il-gwida tal-mexxej spiritwali l-ġdid tagħhom—il-Papa Ljun XIV.

Nittamaw u nitolbu li l-Papa Ljun XIV, bħall-predeċessur tiegħu l-Papa Franġisku, jista’ juża l-għerf, l-għarfien, il-kompassjoni u l-influwenza tiegħu biex jippromwovi l-paċi, l-għaqda u l-armonija fost in-nies kollha madwar id-dinja u bejn ir-reliġjonijiet kollha. Nittamaw li jkompli jrawwem il-kollaborazzjoni fost ir-reliġjonijiet kollha—partikolarment fost il-fidi Abrahamika—ibbażata fuq il-valuri kondiviżi tal-imħabba għal Alla u s-servizz lill-umanità.

Il-ħtieġa għall-għaqda globali

Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana tenfasizza l-ħtieġa urġenti għall-għaqda globali, ir-rikonċiljazzjoni, u l-paċi, u tappella għal koperazzjoni akbar fost il-komunitajiet reliġjużi biex jaħdmu flimkien għall-benesseri u l-prosperità tal-umanità kollha, u biex jindirizzaw l-isfidi morali u spiritwali tad-dinja moderna.

Hija l-ħtieġa ta’ dan iż-żmien li naffermaw mill-ġdid l-impenji tagħna għall-paċi, u li niżirgħu ż-żerriegħa tal-għaqda u l-fratellanza, sabiex id-dinja ssir kenn ta’ paċi u sigurtà.

Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana Malta tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha għad-djalogu, il-bini tal-paċi, u l-valuri kondiviżi għat-titjib tal-benesseri tan-nies kollha. Barra minn hekk, testendi id ta’ ħbiberija u koperazzjoni lejn ħidma flimkien għall-ġid tal-umanità kollha.

L-awguri mill-Mexxej tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana

Il-Kap Dinji tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, il-Qdusija Tiegħu Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, feraħ lill-membri tal-Knisja Kattolika għall-elezzjoni tal-Papa Ljun XIV, f’isem il-Komunità Ahmadiyya Musulmana internazzjonali. Il-Qdusija Tiegħu qal:

“F’isem il-Komunità Ahmadiyya Musulmana, nifraħ sinċerament lill-membri tal-Knisja Kattolika għall-elezzjoni tal-Papa Ljun XIV.

Qed ngħaddu minn perjodu kritiku u perikoluż ħafna fl-istorja tal-bniedem, hekk kif gwerer qalila u kunflitti vjolenti qed itebbgħu l-art bid-demm ta’ għadd kbir ta’ erwieħ innoċenti u bla difiża kuljum.

Hekk kif ninsabu fuq ix-xifer tat-Tielet Gwerra Dinjija, nitlob li Alla li Jista’ Kollox jagħti lill-Papa l-abbiltà li jkun vuċi għall-paċi u l-armonija vera fid-dinja u li jiddefendi d-drittijiet tal-persuni innoċenti kollha, irrispettivament mill-kasta, it-twemmin jew il-kulur tagħhom. Ammen.

Bħala l-Kap dinji tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, nafferma li aħna dejjem lesti li nappoġġjaw u nieħdu sehem f’kull sforz u azzjoni magħmula sabiex jiġu stabbiliti l-paċi u s-sigurtà vera fid-dinja u sabiex l-umanità terġa’ lura lejn il-Ħallieq tagħha.”

Il-Papa Ljun XIV

Hawnhekk nixtieq insemmi wkoll il-messaġġ inkoraġġanti tal-Papa Ljun fl-ewwel diskors tiegħu u mbagħad fl-ewwel Quddiesa tiegħu. Il-messaġġ tiegħu ‘biex nibnu pontijiet’ huwa inkoraġġanti ħafna. Huwa beda d-diskors tiegħu bit-tislima “il-paċi tkun magħkom,” u ħeġġeġ lin-nies biex “jibnu pontijiet permezz tad-djalogu, permezz tal-laqgħat, biex jingħaqdu flimkien bħala poplu wieħed, dejjem fil-paċi.” Huwa appella wkoll għad-dawl tal-iljieli mudlama ta’ din id-dinja.

Il-Papa Ljun jitkellem bil-mod ħafna, għandu qalb tajba u għandu esperjenza ta’ ħidma kemm f’żoni żviluppati kif ukoll f’żoni sottożviluppati. Huwa jgawdi reputazzjoni pożittiva ħafna bħala bennej ta’ pontijiet u jitqies bħala moderat fil-Kurja. Il-gazzetta Taljana La Repubblica tqisu bħala “l-inqas Amerikan fost l-Amerikani” minħabba l-manjieri ġentili tiegħu.

Ejjew ningħaqdu lkoll biex naħdmu flimkien biex nagħmlu d-dinja post aħjar għalina u għall-ġenerazzjonijiet futuri tagħna. Jalla Alla jbierek lilna lkoll. Ammen.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article and tagged , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.