
Il-Moralità: Il-pedament taċ-ċiviltà umana
In-Nazzjon, 28.05.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif Malta – amjmalta@gmail.com
Darba xi ħadd staqsa lill-Qaddis Profeta Muħammad dwar it-tieba u d-dnub u hu wieġeb: “It-tieba hija karattru tajjeb; il-virtù hija morali tajba, u d-dnub huwa dak li jdur f’qalbek, u li tobgħod, li n-nies ikunu jafu bih.”
Huwa qal ukoll li, “L-aqwa fostkom huma dawk li għandhom l-aqwa manjieri, morali u karattru.” “Xejn ma jiżen iktar fil-miżien tal-fidil f’Jum il-Ġudizzju minn karattru tajjeb. Tabilħaqq, Alla ma jħobbx lil dawk li jużaw lingwaġġ ħażin u diskors vulgari.”
Il-fidil veru u l-moralità
Dan il-kliem juri biċ-ċar kemm huma importanti l-morali u l-virtujiet fil-ħajja tal-fidil veru. Naħseb, il-valuri u l-virtujiet huma l-bażi u l-pedament tal-fidil veru. Il-bniedem ma jistax ikun fidil tajjeb jekk jonqos mill-valuri morali u l-virtujiet.
Għax il-fidil jipprova li jkun bħall-maħbub tiegħu li huwa Alla l-Ħanin, allura, meta Alla għandu l-aqwa attributi kif jista’ jkun li dak li jemmen fih u jissejjaħ fidil veru ma jkollux il-karattru tajjeb.
Meta naqraw dwar l-istorja umana nsibu li l-bniedem ta’ kull żmien kien imħasseb dwar il-moralità u l-kunċett tal-moralità kien il-pedament taċ-ċivilizzazzjoni umana, li jirregola l-imġiba, ir-relazzjonijiet u s-sens ta’ ġustizzja tagħna.
Minn fejn ġejja il-moralità?
Dan juri kemm hija importanti l-moralità, iżda, il-punt hu jekk il-moralità hijiex riżultat ta’ gwida divina jew sempliċement idea soċjali umana jew il-bnedmin imġarrba permezz tal-esperjenzi tagħhom.
Mingħajr l-iċken dubju, nemmen li l-bniedem ma jistax jitgħallem kollox miż-żmien u l-esperjenzi tiegħu jekk ma jkunx hemm il-gwida divina. Ir-raġuni hija li l-fehim u l-esperjenzi tal-bnedmin huma limitati u anke jiddependu fuq iċ-ċirkostanzi ta’ dak iż-żmien meta xi ħadd jesperjenza xi ħaġa partikolari. Iżda, il-fehim u l-għarfien divin huma mingħajr limiti, u ħielsa mir-restrizzjonijiet tal-ħin, u ħielsa mill-jasar taż-żmien.
Mill-perspettiva Iżlamika, il-moralità ġejja mit-tagħlim divin, Alla huwa għalliem tal-moralità u jgħallem lill-bnedmin permezz tal-profeti u t-tagħlim tiegħu. Il-moralità hija msejsa fuq ir-rivelazzjoni divina, u toffri qafas etern għall-kondotta etika li tittraxxendi l-bidliet kulturali u storiċi.
Il-limitazzjonijiet tal-għerf u l-intellett uman
Huwa importanti li wieħed jiftakar li l-għerf u l-intellett uman mhumiex perfetti, iżda huma fil-fatt limitati. Għalhekk, waqt il-formazzjoni tal-ideat, jew it-tħassib dwar il-morali u l-virtujiet, ċirkostanzi ta’ madwar u fatturi oħra jistgħu jtappnu biex naslu għall-konklużjoni perfetta fir-rigward il-valuri morali.
Madankollu, kif diġà semmejt, l-għerf ta’ Alla u l-liġi ta’ Alla huma perfetti u għalhekk jistgħu jiggwidawna bl-aħjar mod possibbli. Dan għaliex Alla jixtieq biss it-tajjeb u t-titjib tal-ħolqien Tiegħu u, għalhekk, it-tagħlim Tiegħu hu bbażat kompletament fuq il-ġustizzja u t-tieba.
Xi punti għal riflessjoni
Meta ngħixu fis-soċjetà huwa importanti li dejjem inkunu responsabbli u nuru l-imġiba tajba ma’ kulħadd u dejjem nibqgħu konxji lejn dmirijietna lejn kulħadd fis-soċjetà. Nixtieq insemmi xi punti jew valuri li għandna nżommu f’moħħna.
L-ewwel u qabel kollox għandna nittrattaw lill-oħrajn kif nixtiequ li niġu trattati aħna stess. Aħna kollha kemm aħna nixtiequ li niġu trattati bl-imħabba, bir-rispett u d-dinjità.
Allura huwa importanti li minflok nistennew trattament tajjeb mingħand ħaddieħor, għandna nkunu l-ewwel li nuru valuri morali għoljin lejn ħaddieħor.
Għax jekk nixtiequ nibnu soċjetajiet b’valuri morali u virtujiet, għandna naħdmu għalihom fi spirtu ta’ mħabba, kompassjoni u fratellanza.
L-imġiba tajba
Barra minn hekk, għandna nibqgħu umli, diċenti, ġusti, grati u kuntenti b’dak li għandna; inġibu ruħna tajjeb mal-ġirien, il-ħbieb, il-kollegi tal-iskola u tax-xogħol tagħna.
Huwa wkoll valur mill-isbaħ li ngħidu tislim ta’ paċi—is-sliem għalikom—lil kulħadd li niltaqgħu magħhom matul il-ġurnata. L-imġiba tal-gratitudni lejn il-Mulej u n-nies hija wkoll valur li jista’ jibni soċjetajiet paċifiċi u armonjużi.
Il-kompassjoni u l-ħniena lejn il-ġenituri, ir-rispett lejn l-għalliema u n-nies li huma ikbar minna, ir-relazzjonijiet tajbin mal-ġirien tagħna, u d-dħulija mad-dgħajfin huma wkoll valuri ferm importanti.
Kunu umli fl-ispirtu, u qalbkom tajba mal-umanità
Nixtieq nagħlaq bi kliem il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana li jispjega dan b’mod tajjeb u jgħid li:
“Kunu ġenerużi u qalbkom tajba mal-umanità, il-għaliex aħna kollha ħolqien Tiegħu; tkażbru lil ħadd la bi lsienkom, la b’idejkom, u lanqas b’modi oħra. Dejjem ħabirku għall-ġid tal-umanità.
Qatt taġixxu b’arroganza mal-oħrajn, saħansitra ma’ dawk li jkunu taħt ir-responsabbiltà tagħkom. Qatt tużaw lingwaġġ dispreġjattiv ma’ ħadd, anki ma’ min jgħajjarkom.
Kunu umli fl-ispirtu, kunu ġenerużi u ġentili, u aħfru, uru simpatija lejn kulħadd u awguraw lil kulħadd, ħalli tkunu aċċettati.”