Help both the oppressor and the oppressed

Għinu lill-oppressi kif ukoll lill-oppressur

It-Torċa, 01.06.2025 | IMAM Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Is-sitwazzjoni tal-gwerra, jew aħjar ngħidu l-ħruxijiet Iżraeliti f’Gaża, il-Palestina, qabżu l-limiti kollha u laħqu punt fejn l-ebda ġustifikazzjoni mhi possibbli. Fi kliem ieħor, enough is enough. Għalhekk, irridu mmorru lil hinn minn sempliċi kundanna u protesta vokali — id-dinja trid tieħu azzjoni deċiżiva biex twaqqaf dan il-barbariżmu, illum qabel għada. Huwa importanti anzi sar kruċjali li dan il-barbariżmu għandu jieqaf darba għal dejjem.

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, għallimna l-prinċipju prezzjuż li verament jgħodd ħafna għal din is-sitwazzjoni. Huwa għallimna li għandna ngħollu leħinna kontra inġustizzji bħal dawn u ngħinu kemm lill-oppressi kif ukoll lill-oppressur. Huwa qal li, għinu kemm lil dawk li qed ibatu kif ukoll lil dawk li qed joħolqu t-tbatija.

L-Imsieħba tal-Profeta Muħammad staqsew li, waqt li jifhmu li tista’ tingħata għajnuna lil dawk li huma mweġġgħin, kif jistgħu jgħinu bniedem li jkollu qalbu ħadra? Setgħu jgħinu biex isalvaw lill-oppressi minn idejn l-oppressuri, kif setgħu jgħinu lill-oppressuri?

Il-Profeta Muħammad wieġeb billi qal li l-għajnuna lill-oppressuri kienet tfisser li twaqqfuhom milli jwettqu l-inġustizzji tagħhom, billi żżommulhom idejhom milli jikkommettu aktar krudeltà għaliex, jekk jimxu ’l quddiem fil-krudeltajiet, il-ħruxijiet u l-inġustizzji tagħhom, isiru soġġetti għad-diżapprovazzjoni ta’ Alla li Jista’ Kollox u l-kastig Tiegħu, u b’hekk jeqirdu ħajjithom f’din id-dinja u fil-ħajja ta’ wara. Għalhekk, f’ġieħ il-ħniena, ippruvaw salvawhom.

Dan il-prinċipju jgħodd għall-iżgħar ħjut tas-soċjetà sal-livell internazzjonali. Għalhekk, fil-kuntest tal-ħruxijiet Iżraeljani f’Gaża, huwa minnu li d-dinja għandha żżomm idejhom mill-krudeltajiet, il-brutalitajiet, id-diżumanità, u l-qtil orribbli ta’ nies ċivili innoċenti inklużi tfal u nisa.

Nero fiddled while Rome burned

Meta naraw l-inġustizzji u l-għemejjel ħżiena madwarna huwa obbligu tagħna li nirranġawhom bl-aħjar mod possibbli. Li sempliċement nibqgħu siekta u passivi mhijiex għażla għal xi ħadd li verament jemmen f’Alla u jieħu ħsieb il-ħolqien Tiegħu.

Ma nistgħux sempliċement nibqgħu maqbudin bħal “Nero fiddled while Rome burned.” Minflok, irridu nqumu għall-okkażjoni, sabiex l-aggressuri jkunu mġiegħla jtemmu r-reati tagħhom kontra l-umanità.

Għalhekk, kull wieħed u waħda minna għandu rwol x’jaqdi bi kwalunkwe mod li jista’, fil-limiti tiegħu. Il-Profeta Muħammad kompla jiggwidana f’dan billi qal: “Kull min fostkom jilmaħ il-ħażen, ħalluh ibiddlu, ineħħih, b’idu. Jekk ma jirnexxilux, mela juża lsienu u jgħolli leħnu. Jekk ma jirnexxilux, mela juża qalbu u jħoss diqa ġo qalbu, u dak huwa l-aktar livell baxx tal-fidi.”

Hawnhekk, ħa nagħmilha ċara li dan ma jfissirx li l-individwi għandhom jieħdu l-liġi f’idejhom u jikkontribwixxu għal aktar kaos fid-dinja. Pjuttost, hija r-responsabbiltà tal-gvernijiet li jadottaw dan il-prinċipju bħala qafas ta’ gwida biex jiġġieldu l-aggressjoni u l-invażjoni Iżraeljana. Mill-ġdid nagħmilha ċara li dan il-punt mhux kontra xi pajjiż jew ieħor, iżda, kontra l-inġustizzji u l-ħruxijiet.

Is-sebħ tal-paċi u d-dawl tal-prosperità

Jekk id-dinja tħaddan dan il-prinċipju, in-nies tal-Palestina u ta’ Gaża se jaraw is-sebħ tal-paċi u d-dawl tal-prosperità jidħlu fi djarhom.

Dawn il-prinċipji mhux biss huma favur il-Palestina u Gaża — huma jservu wkoll lil Iżrael b’mod aktar profond: għax meta jsostnu l-umanità, Alla, min-naħa tiegħu, jipproteġihom.

Għalhekk, nappella biex ngħożżu l-umanità, minflok neqirduha. Ejjew inħobbu lil xulxin, minflok li nobogħdu lil xulxin. Ejjew naqsmu l-barkiet u r-riżorsi tad-dinja ma’ kulħadd, minflok ma jinħatfu u jinżammu minn grupp partikolari ta’ nies.

Ir-regħba ġġib il-mibegħda

Huwa fatt stabbilit li r-regħba ġġiegħel il-mibegħda tikber. Kultant timmanifesta ruħha f’espansjoni territorjali jew fil-ħtif ta’ riżorsi naturali jew ċertament fl-impożizzjoni tas-superjorità ta’ xi wħud fuq oħrajn. Din twassal għall-krudeltà.

Għalhekk, Iżrael, minflok ix-xewqa li jkollu l-art kollha Palestinjana taħt idejh, għandu  jħalli lill-Palestinjani jgħixu u jgawdu r-riżorsi tagħhom. Għax għall-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun hemm prinċipju bażiku li dwaru aħna tgħallimna biex ma nixxennqux għall-ġid tal-oħrajn. Il-Koran Imqaddes jgħid: “Ara li ma tmiddx għajnejk (bir-regħba) fuq dak (il-ġid materjali) li tajna lil xi wħud minnhom.” (20:132)

Tħallix il-paċi tiġi kompromessa

Ir-regħba u l-għira għall-ġid tal-Palestina huma l-kawża ta’ aktar inkwiet fir-reġjun, u Iżrael għandu juri trażżin u ma jħallix li l-paċi tar-reġjun kollu tiġi kompromessa. Din l-attitudni kattiva u bla ħanina, anzi bla qalb, twassal għal regħba ma taqta’ xejn u fit-tkissir tal-paċi soċjali.

Din ir-regħba Iżraeljana qerdet il-paċi ta’ miljuni ta’ nies u art twelidhom. Dan hu ppruvat bl-istorja u kull bniedem sensibbli jista’ jifhem li x-xenqa għall-ġid tal-oħrajn tkattar l-għira u r-regħba u hija s-sors ta’ telfien.

Għandhom jitgħallmu mill-passat

Nappella bl-akbar sinċerità lill-mexxejja Iżraeljani biex jitgħallmu mill-passat tagħhom u jirriflettu kemm hi ta’ wġigħ il-vjolenza. Kif ħassewhom meta brutalitajiet bħal dawn seħħew kontrihom fil-passat. Dan huwa tassew tal-biża’ li, minflok ma tgħallmu lezzjoni mill-esperjenzi tal-passat tagħhom u mxew it-triq għall-paċi u ta’ qalb tajba, imħabba, kompassjoni, empatija, u bnew karattru nazzjonali mhux vjolenti, marru ferm lil hinn minn hekk u qed jikkaġunaw uġigħ u tbatija lin-nies ta’ Gaża u l-Palestina.

Jaħasra! Meta se jintefa l-għatx tagħhom għad-demm uman?

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.