
EKONOMIJA LI TIFFJORIXXI, SENSITTIVA U KKUNSIDRATA
It-Torċa, 08.06.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif – http://www.ahmadiyya.mt
Ir-reliġjon tgħallimna li l-bnedmin huma l-ifjen kreazzjonijiet ta’ Alla, mogħnija b’għan ogħla. Skont din il-perspettiva, il-kreaturi u r-riżorsi l-oħra kollha nħolqu biex jappoġġjaw lill-umanità fit-twettiq tal-objettivi nobbli tagħha. Għalhekk, kull sistema u riżorsa pprovduta minn Alla li Jista’ Kollox hija maħsuba biex jinħoloq ambjent fejn il-bnedmin jistgħu jirnexxu, jikbru fit-tjieba, u jaqdu lil xulxin b’kompassjoni u sinċerità.
L-ekonomija għandha rwol sinifikanti fil-ħajja tal-bniedem, u huwa għalhekk li ta’ spiss nisimgħu l-frażi: “L-ekonomija għandha taqdi lin-nies, u mhux bil-maqlub.”
Dan jirrifletti l-idea li l-ekonomija hija mezz biex tippromwovi d-dinjità u l-benesseri tal-bniedem—mhux forza li għandha tiġi servuta għad-detriment tad-drittijiet, il-benesseri, jew il-valuri morali tan-nies.
Ekonomija bbażata fuq l-individwu
Filosofija ekonomika ċċentrata fuq il-bniedem bħal din tqarreb lejn il-prinċipji ekonomiċi Iżlamiċi, li jenfasizzaw il-ġustizzja soċjali, id-distribuzzjoni ugwali tal-ġid, il-kompassjoni, il-benevolenza, u li nagħtu l-prijorità lill-benesseri tas-soċjetà fuq sempliċi profitt jew tkabbir ekonomiku.
Meta nħarsu lejn ix-xenarju ekonomiku globali attwali, nosservaw sfidi kbar f’dinja li qed tevolvi b’rata mgħaġġla. Pereżempju, l-impożizzjoni ta’ tariffi mill-amministrazzjoni tal-President Donald Trump—imfissra minnu bħala “rivoluzzjoni ekonomika”—ikkontribwiet għall-instabbiltà fl-ordni ekonomiku globali, u għamlitu inqas reżiljenti. Dan juri wkoll il-fraġilità tas-sistemi ekonomiċi attwali u jżid it-tħassib dwar gwerra emerġenti fil-kummerċ, kif jiġi diskuss fi ċrieki politiċi influwenti madwar id-dinja.
B’kuntrast, rajna wkoll lill-President Trump jappoġġja pubblikament il-kumpanija tal-karozzi elettriċi ta’ Elon Musk, Tesla, avveniment irrappurtat b’mod wiesa’ mill-midja internazzjonali. Dawn l-avvenimenti kuntrastanti juru l-kumplessitajiet u l-inkonsistenzi fil-prattiki ekonomiċi kontemporanji.
Mill-perspettiva Iżlamika, imġiba ekonomika bħal din tikkuntrasta bil-qawwa mal-ideali ta’ sistema ekonomika Iżlamika. L-Iżlam isostni li għandu jappoġġja lill-foqra, jevita piżijiet inġusti, jippromwovi l-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, u t-tkabbir ekonomiku ġust. Huwa favur distribuzzjoni ġusta tal-ġid u r-riżorsi madwar l-umanità kollha.
Bħas-sistema soċjali rrakkomandata mill-Iżlam, is-sistema ekonomika Iżlamika tibda bl-iskop li dak kollu li hemm fis-smewwiet u fl-art inħoloq minn Alla, li ta lill-bniedem diversi provvedimenti taħt fiduċja. Bħala depożitarji, in-nies huma responsabbli għal kif jimmaniġġjaw u jqassmu dawn ir-riżorsi.
Il-ġid kemm ħafna kif ukoll ftit huwa test
Il-ġid, kemm jekk ikun abbundanti kif ukoll jekk ikun ftit, fl-Iżlam jitqies bħala test—opportunità biex wieħed jiddistingwi lil dawk li huma konxji tar-responsabbiltajiet tagħhom u juru kompassjoni lejn ħaddieħor minn dawk li huma indifferenti għat-tbatija umana u l-benesseri tas-soċjetà.
L-għan tas-sistema ekonomika Iżlamika huwa li tiżgura l-aktar distribuzzjoni wiesgħa u ta’ benefiċċju tal-ġid fis-soċjetà. Il-ġid għandu jiċċirkola kontinwament fost is-segmenti kollha tal-komunità u m’għandux jikkonċentra f’idejn il-ftit. Kif jgħid il-Koran: “… sabiex ma jiċċirkolax biss fost l-għonja fostkom.” (59:7)
Il-ġenerazzjoni tal-ġid mhijiex mertu tal-individwi
Il-ġenerazzjoni tal-ġid mhijiex biss ir-riżultat ta’ talent individwali jew investiment kapitali. Għalhekk, l-ebda individwu jew grupp m’għandu jkollu kontroll esklussiv fuqu.
Is-sorsi oriġinali kollha tal-ġid—bħax-xemx, il-qamar, il-kwiekeb, l-art, is-sħab li jġibu x-xita, ir-riħ li jċaqlaq is-sħab u jferrex il-polline, u l-fenomeni naturali l-oħra kollha—huma rigali divini mingħand Alla, mogħtija lill-umanità kollha, għall-ġid tal-bnedmin kollha.
Il-ġid jiġi prodott permezz tal-applikazzjoni tal-isforz u l-ħila tal-bniedem għar-riżorsi naturali pprovduti minn Alla għas-sostenn u l-kumdità tal-bniedem. Filwaqt li l-Iżlam jirrikonoxxi li wieħed jista’ jkollu dritt ta’ possessjoni, jagħmel dan fi ħdan qafas ta’ responsabbiltà u obbligu ta’ rendikont soċjali, filwaqt li jiżgura li dawn id-drittijiet ma jmorrux kontra l-ġid pubbliku wiesa’.
Iċ-ċħid tal-esplojtazzjoni u t-tiġmigħ
Waħda mill-karatteristiċi distintivi u tajbin tas-sistema ekonomika Iżlamika hija ċ-ċaħda tagħha ta’ kull forma ta’ esplojtazzjoni u prattiki inġusti, bħat-tiġmigħ tal-ġid, il-kapital, jew komoditajiet essenzjali. Dawn il-prattiki spiss iwasslu għal inflazzjoni tal-prezzijiet u instabbiltà ekonomika wiesgħa. Il-Koran Imqaddes iwissi kontra mġiba bħal din: “U dawk li jġemmgħu d-deheb u l-fidda u jonfquhom mhux kif jixtieq Alla—agħtuhom l-aħbar ta’ kastig aħrax.” (9:34–35)
Fl-istess ħin, l-Iżlam jagħti lill-individwi l-libertà li jaqilgħu l-ġid permezz ta’ kwalunkwe mezz legali, sakemm jibqgħu fil-limiti tal-prinċipji etiċi u legali. L-individwi għandhom id-dritt li jippossjedu proprjetà u jinvolvu ruħhom f’intrapriża privata.
Enfasi dwar id-dħul kif ukoll l-infiq tal-ġid
Madankollu, għall-kuntrarju ta’ ħafna sistemi ekonomiċi moderni li primarjament jiffokaw fuq kif jiġi ġġenerat id-dħul, l-ekonomija Iżlamika tpoġġi wkoll enfasi qawwija fuq kif jintefaq il-ġid. F’ħafna stati, it-tħassib tal-politika nazzjonali huwa fil-biċċa l-kbira limitat għas-sorsi tad-dħul; kif l-individwi jużaw id-dħul tagħhom—kemm jekk miksub kif ukoll jekk maħżun—ħafna drabi jitħalla mhux regolat. Hawnhekk fejn ir-reliġjon għandha rwol kritiku.
L-Iżlam mhux biss jipprovdi gwida morali u spiritwali dwar kif għandu jinkiseb id-dħul iżda joffri wkoll direzzjonijiet ċari dwar kif għandu u m’għandux jintefaq.
L-Iżlam jipprojbixxi l-infiq u t-tberbiq bl-addoċċ. Li wieħed jadotta stil ta’ ħajja sempliċi, l-infiq modest fuq ċerimonji taż-żwieġ, il-prattika tal-moderazzjoni fl-ikel, u l-issodisfar ta’ bżonnijiet bażiċi oħra b’attenzjoni huma kollha prattiki tajbin li jikkontribwixxu għal ekonomija li tiffjorixxi, sensittiva, u kkunsidrata.