
Uliedna qed imutu bil-mod il-mod bil-ġuħ u bil-mard
In-Nazzjon, 11.06.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com
Kont bil-ġuħ u ma tajtnix ikel
Meta naraw it-tbatija indeskrivibbli f’Gaża u l-Palestina—fejn il-ġuħ, il-mard, id-disperazzjoni, in-nuqqas ta’ tama, u l-uġigħ jipprevalu, u d-dinja tibqa’ indifferenti—dan ifakkarni f’diskors li jmisslek qalbek tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih. Huwa qal li f’Jum il-Ġudizzju Alla se jikkonfrontakom u jgħidilkom li:
“Kont marid u inti ma staqsejtx dwar saħħti.” Il-bniedem se jgħid: “O Alla Inti s-Sid tad-dinja kollha, u qatt ma timrad, u ma kellekx bżonn tal-għajnuna tagħna.” Alla se jgħid: “Le, wieħed mill-qaddejja Tiegħi kien marid u kellek tistaqsi dwar saħħtu u kont issibni hemm.”
Imbagħad, wara dan se jkompli jafferma u se jgħid: “Kelli l-ġuħ u ma tajtnix ikel, kelli l-għatx u ma tajtnix ilma, ma kellix libsa u ma libbistnix.” U kull darba l-bniedem se jgħid: “O Alla Inti s-Sid tad-dinja kollha, għandek kollox, u ma kellekx bżonn tal-għajnuna tagħna.” Alla se jgħid: “Wieħed mill-qaddejja Tiegħi kellu bżonn ta’ dak kollu.” U kull darba se jgħid: “Li kieku inti għamilt dan kollu, kont issibni hemm.”
Ftit biss qed jisimgħu s-sejħiet
Bla dubju ta’ xejn, qed naraw din is-sitwazzjoni quddiem għajnejna, kull ġimgħa, kuljum, anke kull mument f’Gaża u l-Palestina, fejn mhux wieħed, tnejn, tlieta, jew xi wħud qaddejja ta’ Alla, iżda eluf kbar ta’ nies, inkluż tfal, nisa, anzjani, u morda qed jitolbu ikel, ilma, mediċina, ħwejjeġ, kenn, u affarijiet oħra, anke l-aktar bżonnijiet bażiċi tal-ħajja. Qed jitolbu, imma ftit biss qed jisimgħu.
Ejjew nimmaġinaw is-sentimenti li aħna—it-tmien biljun ruħ kollha fuq din il-pjaneta—nistgħu nesperjenzaw meta Alla jindirizzana f’Jum il-Ġudizzju. X’tweġiba se nagħtu meta ma nistgħux niċħdu li rajna l-orrur iseħħ quddiem għajnejna stess? Konna xhieda. Ma nistgħux nistqarru li aħna injoranti.
Kif se nħossuna? X’se tkun ir-risposta tagħna?
Ejjew ma nkunux fost dawk li jiffaċċjaw l-umiljazzjoni u l-korla ta’ Alla f’dak il-jum. Illum huwa ż-żmien li nuru xi nsarrfu. Illum huwa l-jum li nqumu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja—mhux biss bil-kliem, iżda bl-azzjoni, bil-fatti u l-kuraġġ morali.
Kont imħasseb ħafna bl-intervista reċenti tal-Ambaxxatriċi Iżraeljana għar-Renju Unit, Tzipi Hotovely, fil-konverżazzjoni tagħha ma’ Piers Morgan. Hija ċaħdet bla dubju l-qtil indisputabbli tat-tfal f’Gaża u l-Palestina. Hija stqarret b’negazzjoni tar-realtà, “Aħna qatt ma nattakkaw in-nies ċivili; Iżrael mhux qed joqtol tfal,” u kompliet tiddeskrivi l-gwerra bħala ġustifikata, billi ddikjarat, “Qed niġġieldu l-aktar gwerra ġustifikata fid-dinja kontra grupp terroristiku.”
Krimini tal-gwerra
Huma n-nies li ma jarawx il-qtil tat-tfal, waqt li d-dinja kollha qed tixhed—u hekk kif il-mexxejja dinjija madwar id-dinja tkellmu kontra dak li qed jiġri. Fosthom hemm Ehud Olmert, eks Prim Ministru ta’ Iżrael, li kkritika pubblikament l-aggressjoni militari ta’ Iżrael f’Gaża, u ddeskrivieha bħala “qrib ħafna ta’ krimini tal-gwerra.”
Bl-istess mod, il-Kanċillier Ġermaniż Friedrich Merz esprima t-tħassib tiegħu, fejn stqarr li “m’għadux jifhem” l-objettivi ta’ Iżrael f’Gaża. Huwa qal, “X’qed tagħmel l-armata Iżraeljana issa fil-Medda ta’ Gaza, żgur ma nifhimx aktar b’liema għan.”
Xi veritajiet jistgħu jidhru biss mill-għajn tal-qalb
Il-mexxejja Iżraeljani ma jistgħux jaraw—għax mhux kollox huwa viżibbli għall-għajnejn, speċjalment meta l-verità hija morra u ta’ wġigħ, u meta tħawwad il-kuxjenza tagħhom fis-skiet tal-lejl. Barra minn hekk, xi veritajiet jistgħu jidhru biss mill-għajn tal-qalb—qalb li hija ratba u ġentili, li tħabbat għat-titjib tal-umanità, u li mhix ikkunsmata minn motivi ulterjuri, aġendi personali, jew interessi personali.
Ftit jiem ilu biss, id-dinja ġiet imwissija mill-kap umanitarju tan-Nazzjonijiet Uniti, Tom Fletcher, li 14,000 tarbija jistgħu jmutu bil-ġuħ f’Gaża fi żmien jumejn. Bl-istess mod, smajna t-talba ddisprata ta’ missier f’Gaża, li kien qed ifittex l-ikel, li qal: “Uliedna qed imutu bil-mod il-mod.”
Nemmen li l-imblukkar tal-għajnuna umanitarja u ċ-ċaħda tal-bżonnijiet bażiċi tal-ħajja huwa assolutament inaċċettabbli. Ħalli dan ma jaqax fuq widnejn torox: f’Jum il-Ġudizzju, Alla se jgħid, “Kont bil-ġuħ, u ma tajtunix ikel; kont bil-għatx, u ma tajtunix ilma; kont marid, u ma ħadtux ħsiebi.”
Kunu umli fl-ispirtu
Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jispjega dan iktar u jgħid li: “Kunu ġenerużi u qalbkom tajba mal-umanità kollha. Kunu umli fl-ispirtu, kunu ġenerużi u ġentili, u aħfru, uru simpatija lejn kulħadd u awguraw lil kulħadd, ħalli tkunu aċċettati.
Hemm ħafna li jippretendu li huma qalbhom tajba, ġentili u li jaħfru lil għajrhom, iżda minn ġewwa huma lpup; hemm ħafna li minn barra jidhru safja, imma f’qalbhom huma sriep. Ma tistgħux tiġu aċċettati fil-preżenza tal-Mulej jekk m’intomx safja, kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra.”
Mument ta’ riflessjoni
Nixtieq nagħlaq bil-kliem tad-deheb tiegħu, li jista’ jservi bħala prinċipju gwida għalina lkoll—speċjalment fil-kuntest tal-gwerra f’Gaża. Huwa qal li,
“Oqogħdu attenti mit-toroq tal-qirda... Kull għodwa għandha tkun xhieda għalikom li qattajtu l-lejl fit-tjubija u kull għaxija għandha tkun xhieda għalikom li qattajtu l-jum bil-biża’ ta’ Alla f’qalbkom.”
Ejjew nirriflettu fuq il-jiem u l-iljieli tagħna—huma xhieda tal-ġustizzja, il-mogħdrija u s-servizz tagħna lejn l-umanità, jew jibqgħu mmarkati bil-ġenoċidji, il-krimini tal-gwerra, il-qtil, u t-tixrid tad-demm?