Overcoming addiction through faith and positive action

Negħlbu d-dipendenza fuq id-droga permezz tal-fidi u l-għemejjel tajba

It-Torċa, 15.06.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif http://www.ahmadiyya.mt

It-tajjeb għandu saħħa li jneħħi l-ħażen. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes li: “Għid it-talb fiż-żewġt itruf tan-nhar, u fil-bidu tal-lejl. L-għemejjel tajba tabilħaqq ibiegħdu lil dawk ħżiena. Żgur li t-tajjeb ineħħi l-ħażin. Din hija tifkira għal dawk li jiftakru f’Alla.” (11:115)

Dan il-vers juri biċ-ċar li jekk il-bniedem għandu xi nuqqasijiet iżda jibqa’ jagħmel l-għemejjel tajba, allura żgur se jiġi l-mument meta jirbaħ it-tajjeb fuq il-ħażin.

Jistgħu ċ-ċirasa u l-frawli jikbru fuq l-arbuxelli?

It-tjubija qiegħda hemm biex tirnexxi u biex tirbaħ. Fuq in-naħa l-oħra, il-ħażen naturalment għandu jiġi megħlub; il-ħażen dejjem jitlef għax il-ħażen qatt ma jista’ jirbaħ fuq it-tajjeb. Iżda l-kundizzjoni hi li persuna għandha tippersisti fit-tjubija u twettaq għemejjel tajba b’sinċerità u lealtà sħiħa.

Huwa ċert li meta l-għemejjel tajba jsiru b’sinċerità u konsistenza sħiħa, dawn żgur jegħlbu l-ħażen. Is-suċċess tal-bniedem jinsab f’li ma jiġix megħlub mill-ħażen, iżda f’li jegħleb il-ħażen u jirnexxi fil-qasam tat-tjubija.

Tabilħaqq, it-tmiem tal-ħażen huwa dejjem il-ħażen; u l-ħażen qatt ma jista’ jkun sinjal ta’ suċċess. Jekk mhux illum, allura għada, il-ħażen naturalment jitlef u t-tjubija dejjem tagħti frott pożittiv. Qatt ra xi ħadd tuffieħ ħelu u bnin jikber fuq arbuxelli? Xi ħadd qatt ra ċ-ċirasa u l-frawli jikbru fuq l-arbuxelli?

Frott delizzjuż, tajjeb, u fragranti jikber biss fuq siġar tajbin u produttivi. Il-larinġ jikber biss fuq is-siġar tal-larinġ. It-tuffieħ jikber biss fuq is-siġar tat-tuffieħ u l-ħawħ jikber biss fuq is-siġar tal-ħawħ.

Il-ħażen ma jwellidx it-tjubija

Din is-sistema tan-natura għallmitna li l-ħażen ma jwellidx it-tjubija, iżda pjuttost iwelled id-dnub u t-telf, u t-tjubija twelled is-suċċess u l-grazzja.

Bl-istess mod, l-użu ħażin tad-drogi qatt mhu garanzija ta’ ferħ, kuntentizza, suċċess u saħħa. Xi drabi l-bniedem jaħseb li jekk ibigħ id-drogi se jsir għani u se jgħix ħajja kuntenta, prospera u dinjituża. Xi drabi l-bniedem jaħseb li l-użu tad-drogi se jkun mezz ta’ faraġ veru, konsolazzjoni u evitar tat-tbatija u d-diffikultajiet tal-ħajja.

Fiż-żewġ każijiet, id-drogi huma destinati li jaqgħu u jintilfu. Bl-istess mod, bħalma arbuxell ma jistax jagħti ħawħ ħelu, id-drogi ma jistgħux jagħtu frott ta’ prosperità u lanqas ta’ paċi u serħan il-moħħ.

Nedukaw lil uliedna minn tfulithom

Għalhekk, irridu nifhmu din ir-realtà b’mod tajjeb ħafna u ngħallmu u nedukaw lil uliedna minn tfulithom li dejjem irridu nsegwu l-mezzi t-tajba biex naqilgħu l-għajxien tagħna, u nimxu fit-triq tas-sewwa biex insibu l-paċi u l-faraġ veru f’ħajjitna.

Madankollu, jekk xi ħadd jaqa’ vittma tal-użu illeċitu tad-drogi jew tas-suq iswed tal-bejgħ tad-drogi, allura għandu jipprova jagħti lilu nnifsu t-tieni ċans u jitgħallem mill-vers tal-Koran Imqaddes li, “żgur li t-tajjeb ineħħi l-ħażen”, u jipprova li jiżdied fit-tjieba sabiex jirbaħ fuq dan il-vizzju.

Xi prattiki sinifikanti li jistgħu jgħinu lill-individwi jegħlbu l-vizzju

Nixtieq nenfasizza xi prattiki sinifikanti li jistgħu jgħinu lill-individwi jegħlbu l-vizzju ta’ ħsara tad-dipendenza fuq id-droga. Wieħed mill-aktar passi importanti lejn ir-riforma u t-trasformazzjoni huwa l-iżvilupp ta’ relazzjoni mill-qrib mal-Mulej u t-tfittxija tas-saħħa u l-gwida Mingħandu.

Il-vers imsemmi fil-bidu jħeġġiġna nfittxu l-għajnuna Divina permezz ta’ talb regolari u t-tifkira ta’ Alla. Permezz ta’ dawn l-atti, wieħed jista’ jikseb l-imħabba u l-appoġġ tal-Omnipotenti. Kif jgħid il-Koran Imqaddes:

“Dawk li jemmnu, u qlubhom isibu serħan fit-tifkira ta’ Alla. Tabilħaqq li fit-tfakkir ta’ Alla jsibu s-serħan tagħhom il-qlub.” (Il-Koran, 13:29) Dan huwa elaborat aktar billi, “it-tifkira ta’ Alla tassew hija l-akbar virtù.” (29:46)

L-involviment f’attivitajiet pożittivi

Flimkien mal-konnessjoni spiritwali, l-involviment f’attivitajiet pożittivi jista’ jkun mod tajjeb ħafna biex neliminaw id-drawwiet distruttivi. Il-volontarjat, li tqatta’ ħin ta’ kwalità mal-familja—speċjalment mat-tfal u l-ġenituri—il-qari, l-eżerċizzju regolari, il-mixi, u li tħares u taħseb dwar in-natura huma kollha alternattivi kostruttivi u pożittivi li jappoġġjaw il-benesseri emozzjonali u mentali; u jfasslu t-triq lejn it-titjib personali ’l bogħod mill-vizzji.

Ix-xogħol fil-ġnien mal-ħamrija huwa attività oħra fundamentali u trasformattiva. Il-konnessjoni mal-art tista’ toffri esperjenza kalma, kważi terapewtika li tgħin biex tqawwi l-attenzjoni u l-enerġija lejn attivitajiet li jaffermaw il-ħajja.

L-għażla bir-reqqa tal-ħbieb

Bl-istess mod kruċjali hija l-għażla bir-reqqa tal-ħbieb. Il-kumpanija għandha rwol ewlieni fil-vjaġġ ta’ persuna lejn l-irkupru. Jingħad b’mod ġust, “A man is known by the company he keeps.” Il-Koran Imqaddes jiġbed l-attenzjoni għal dan ukoll u jgħid: “Intom li temmnu! Kunu konxji tad-dmir tagħkom lejn Alla u żommu kumpanija mal-ġusti u mal-verità.” (9:119)

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, enfasizza dan il-punt b’mod sabiħ meta qal: “L-eżempju ta’ ħabib ġenwin u ħabib ħażin huwa bħal dak ta’ bejjiegħ tal-fwieħa u dak li jonfoħ l-imniefaħ tal-ħaddied. Il-bejjiegħ tal-fwieħa jista’ jagħtik ftit fwieħa, inti tista’ tixtri wkoll, jew għall-inqas tgawdi fwieħa pjaċevoli. Min-naħa l-oħra l-ħaddied, jista’ jaħraqlek ħwejġek, jew inti tkun espost għal riħa li ddejqek.”

Bħala konklużjoni, il-fidi, il-konnessjoni spiritwali ma’ Alla, l-azzjoni pożittiva, l-għemejjel tajba, u ambjent ta’ appoġġ huma pilastri ewlenin fil-vjaġġ mill-vizzju għal ħajja bilanċjata u sinifikanti.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.