
Tikber it-theddida għall-paċi globali
Il-Mument 15.06.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Qed ngħixu fi żminijiet prekarji u perikolużi ħafna. Id-dinja qed tintilef dejjem aktar f’kunflitt, firda, u diżordni, li qed jheddu l-paċi u s-sigurtà globali.
Kull jum iġib miegħu aħbarijiet ġodda li huma ta’ diqa kbira u jkissru l-qalb—storji ta’ gwerra, kriżijiet umanitarji, inġustizzji bla preċedent, u inugwaljanza dejjem tikber. L-aħħar eskalazzjoni tal-Iżrael fuq l-Iran hi biss l-aktar eżempju reċenti ta’ kemm saret fraġli d-dinja tagħna.
Maqbudin bejn żewġ estremi
Jidher li ninsabu maqbudin bejn żewġ estremi. Min-naħa waħda, qed naraw avvanzi bla preċedent fis-saħħa militari, bin-nazzjonijiet jaħżnu armi qawwija kapaċi għal qerda massiva.
Min-naħa l-oħra, naraw faqar mifrux, ġuħ, mard, u privazzjoni—miljuni qed jitħabtu biss biex jgħixu u li qed jittalbu għal biċċa ħobż u qatra ilma safi. Filwaqt li xi nazzjonijiet jkollhom ġid u influwenza kbira, oħrajn jibqgħu marġinalizzati, minsija, u bla vuċi.
Dan l-iżbilanċ qawwi bejn il-privileġġ u l-faqar, il-poter u l-vulnerabbiltà, jinsab fil-qalba tal-instabbiltà globali. Hekk kif il-pajjiżi jikkompetu għad-dominanza, ifittxu li jagħmlu pressjoni fuq oħrajn biex jissottomettu ruħhom, id-dinja ssir inqas sigura u aktar frammentata u mifruda. Din it-tfittxija għas-superjorità kompliet biss tkabbar l-għadwa u esponiet l-umanità għal theddid akbar.
L-inġustizzja, l-inugwaljanza u l-arroganza
Il-paċi ma tistax tiffjorixxi f’dinja fejn jipprevalu l-inġustizzja, l-inugwaljanza u l-arroganza. It-tfittxija aggressiva għall-qawwa, flimkien ma’ nuqqas ta’ rispett għall-benesseri ta’ ħaddieħor, toħloq ostakli allarmanti għar-rikonċiljazzjoni u l-armonija.
Fid-dawl ta’ din ir-realtà inkwetanti, irridu nerġgħu nikkunsidraw id-direzzjoni tal-affarijiet globali. Minflok ma nuru s-saħħa permezz tal-armi u d-dominanza, irridu nadottaw approċċ aktar uman u rikonċiljatorju, wieħed bażat fuq l-empatija, ir-rispett, u l-fehim reċiproku. Wasal iż-żmien li nibdlu l-attenzjoni u d-direzzjoni tagħna milli noħolqu għedewwa għal li nagħmlu ħbieb.
Li tagħmel ħabib veru huwa ħafna aktar ta’ sfida milli tagħmel għadu. Jeħtieġ fiduċja, kompassjoni, u sinċerità. Madankollu huwa preċiżament dan l-isforz—dan l-impenn għal konnessjoni ġenwina—li għandu ċ-ċavetta għal paċi dejjiema. Irridu nibdew niżirgħu ż-żerriegħa tal-ħbiberija, il-fratellanza, u l-kooperazzjoni, aktar milli dawk tal-kunflitt, id-diviżjoni, u l-mibegħda.
Nixtiequ għall-oħrajn dak li nixtiequ għalina nfusna
Prinċipju eċċellenti mgħallem mill-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, joffri pedament qawwi għall-paċi, huwa qal: “Ixtiequ għall-oħrajn dak li tixtiequ għalikom infuskom.”
Dan it-tagħlim sempliċi iżda profond ifakkarna li l-ebda bniedem ma jixtieq gwerra, ostilità, għadwa, jew vjolenza għalih innifsu, u għalhekk, m’għandniex nixtiequha fuq ħaddieħor. Huwa permezz ta’ dan il-prinċipju ta’ umanità li nistgħu nibdew nittrasformaw id-dinja tagħna.
Hemm diskors ieħor tiegħu li tigwidana f’dan ir-rigward. Huwa qal li, kun ġust, u tkun l-aħjar fost dawk li jqimu; kun kuntent b’li għandek, u b’hekk tkun l-aħjar fost dawk li jiżżu ħajr. Ara li tixtieq għal ħaddieħor dak li tixtieq għalik innifsek u b’hekk tkun tassew temmen. Ġib ruħek tajjeb ma’ ġarek, u b’hekk tkun tassew bniedem. Naqqas id-daħk, għaliex ħafna daħk joqtol lill-qalb.
Kemm hu prinċipju sabiħ li nixtiequ għal ħutna dak li nixtiequ għalina nfusna. X’nixtiequ għalina? Bla dubju ta’ xejn kull bniedem jixtieq li jkollu ħajja dinjituża, mimlija ferħ, paċi u sliem; u li jkollu l-bżonnijiet neċessarji kollha biex jgħix ħajja tajba. Allura, għaliex ma nixtiqux l-istess lil ħutna?
Ejjew nibdlu l-firda bl-għaqda, u l-mibegħda bil-ħbiberija
Għalhekk, irridu naħdmu b’mod attiv biex nibdlu d-diviżjoni bl-għaqda, l-ostilità bid-djalogu, is-suspett bil-fiduċja, u l-mibegħda bil-ħbiberija. Punt tat-tluq huwa t-trawwim ta’ relazzjonijiet sinċieri u ta’ ħbiberija partikolarment mal-ġirien tagħna, u ġeneralment ma’ kulħadd.
Ejjew ngħixu bil-motto: “Imħabba għal kulħadd, mibegħda għal ħadd.”
Din hi t-triq għall-paċi u l-prosperità. Għalhekk, ejjew nikbru fil-ħbiberija bejnietna, u qatt ma nħallu l-ostilitajiet jikbru bejnietna, iżda pjuttost, inneħħu l-ostilitajiet u l-mibegħda bejnietna darba għal dejjem.