Photo: Khanchit Khirisutchalual/iStockphoto
Il-bilanċ bejn il-mogħdrija u s-sigurtà: il-kwistjoni tat-tlib u s-sigurtà pubblika
It-Torċa, 22.06.2025 | IMAM Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Ftit jiem ilu, tnax-il persuna u aktar tard erba’ persuni oħra ġew arrestati u mressqa l-qorti fuq ir-rapporti dwarhom li kienu involuti fi tlib aggressiv u li kienu qed jorqdu fi rkejjen improvvizzati jew f’xi postijiet wara l-kontejners.
Naħseb li din hija sitwazzjoni kumplessa ħafna, u għandha tiġi indirizzata b’mod tajjeb, b’kompassjoni u ħniena, kif qalet mara waħda meta tressqet il-qorti, “Mhux għall-pjaċir li norqod barra. M’għandkom l-ebda idea minn xiex irrid ngħaddi kull lejl.”
Stejjer ta’ wġigħ ta’ nies bla dar
Huwa ta’ wġigħ kbir li tisma’ l-istejjer ta’ nies bla dar, bla xogħol u foqra fis-soċjetajiet tagħna. Dan jiġbed l-attenzjoni tagħna biex inkunu aktar ġenerużi, b’qalb tajba u ta’ għajnuna għal dawk fil-bżonn. Iżda biex tinżamm il-paċi tas-soċjetà u sabiex in-nies jimxu fil-paċi u s-sigurtà fit-toroq mingħajr ebda biża’, sa ċertu punt, huwa inevitabbli għall-awtoritajiet biex jindirizzaw il-kwistjoni tat-tallaba.
Meta tressqu dawn il-persuni fil-qorti, dan qanqal dibattitu li nies vulnerabbli għandhom bżonn l-appoġġ, mhux l-akkużi. Mingħajr ma nidħol fil-mertu tal-każ, nixtieq nikteb kelmtejn dwar dan is-suġġett b’mod bilanċjat u mimli b’kompassjoni, mingħajr ma niġġudika.
Il-benesseri tal-umanità
Nemmen li l-iskop ta’ kull reliġjon, stat u gvern huwa li jipprovdi serħan lin-nies u jtejbilhom ħajjithom f’kull qasam tal-ħajja, kemm jekk ekonomikament, finanzjarjament, soċjalment, moralment u spiritwalment.
Bl-istess mod, l-Iżlam jippromwovi wkoll il-benesseri tal-umanità. L-Iżlam huwa reliġjon li għandha għeruq fondi fil-kompassjoni, il-ġustizzja u r-responsabbiltà soċjali. Jagħmel enfasi qawwija fuq il-benesseri kollettiv tas-soċjetà, u jiżgura li l-bżonnijiet bażiċi tal-individwi kollha—bħall-ikel, il-ħwejjeġ, il-kenn u d-dinjità—jiġu sodisfatti.
Id-dmirijiet soċjali tagħna
L-Iżlam jemmen f’soċjetà bħal din fejn ir-riżorsi huma mqassma b’mod ġust, u ħadd ma jitħalla jbati fil-faqar jew fl-umiljazzjoni. F’qafas bħal dan, it-tlib ma jitqiesx bħala prattika ideali jew imħeġġa, iżda pjuttost sintomu soċjali li għandu jiġi indirizzat mill-għeruq permezz ta’ sistemi ta’ appoġġ effettivi u responsabbiltà komunitarja.
Il-Koran Imqaddes jiggwidana lejn ir-responsabbiltajiet tagħna lejn ħutna fis-soċjetajiet b’mod bilanċjat u matur ħafna u jgħallem il-benesseri ta’ kull sezzjoni tas-soċjetà tagħna li ngħixu fiha; u li rridu nkunu ġenerużi ma’ dawn in-nies; u dejjem nuru ħniena magħhom. Dawn huma l-linji gwida li ġejna mgħallma f’dak li għandu x’jaqsam mat-tbatijiet ekonomiċi.
Mhux sew li wieħed ikollu jittallab
Madankollu, fl-istess ħin l-Iżlam ifakkar li meta wieħed jittallab żgur li mhuwiex it-triq ’il quddiem. Il-Qaddis Profeta Muhammad, is-sliem għalih, skoraġġixxa t-tlib b’kull mod, iżda fl-istess ħin poġġa l-enfasi fuq l-għajnuna lil dawk in-nies li huma fil-bżonn. Is-servizz lejn l-umanità hija parti integrali mid-dmirijiet tagħna lejn ħutna.
Il-Koran Imqaddes f’għadd ta’ versi jitkellem dwar l-obbligu tagħna li nieħdu ħsieb ta’ persuni fil-bżonn u l-foqra. Il-foqra għandhom sehem mill-ġid tal-għonja. Għalhekk, meta nonfqu għall-persuni fil-bżonn, niftakru li għandna nkunu nafu li m’aħniex qed nagħmlu favur lilhom iżda dan huwa d-dritt tagħhom, u obbligu fuqna li ngħinu lill-persuni fil-bżonn.
Dan jispjega l-kunċett sħiħ ta’ soċjetà li temmen fl-għajnuna soċjali. L-istat għandu d-dmir li jgħin lil dawk fil-bżonn. Madankollu, xi kultant in-nies isibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn ma jkunux jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom u jirrikorru għall-karità.
Dak li jagħti hu aħjar minn dak li jirċievi
L-Iżlam jippromwovi x-xogħol u l-qligħ tal-għajxien permezz ta’ mezzi legali. Sieħeb tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, jirrakkonta li sema’ lill-Profeta Muħammad waqt li kien fuq pjattaforma jitkellem dwar il-karità, l-għajnuna lil dawk fil-bżonn, li wieħed m’għandux joqgħod jittallab għall-flus u ħwejjeġ oħra, “Dak li jagħti hu aħjar minn dak li jirċievi.” L-id ta’ fuq hi dik ta’ dak li jagħti u l-id ta’ taħt hija dik tat-tallab; jiġifieri aħjar tagħti milli tirċievi. L-id ta’ fuq hija aħjar minn dik ta’ taħt, ta’ fuq tagħti u tonfoq u ta’ taħt tittallab u tirċievi.
Id-dinjità tax-xogħol
It-tlib żgur li mhux inkoraġġit; l-Iżlam jiskoraġġixxi t-tlib fit-tul u jippromwovi l-indipendenza u d-dinjità. Il-Qaddis Profeta Muħammad kien qal: huwa ferm aħjar għal xi ħadd fostkom li jieħu ħabel u jaqta’ l-injam mill-foresta u jġorru fuq dahru u jbigħu bħala mezz kif jaqla’ l-għajxien tiegħu, u jiekol minn dan id-dħul u jagħti karità minnu, milli jittallab lin-nies li jistgħu jagħtuh jew le.
Dan jerġa’ jenfasizza li tridu tagħmlu dak kollu li tistgħu biex tippruvaw taqilgħu l-għajxien tagħkom b’idejkom stess, aktar milli tirrikorru għat-tlib fit-toroq.
L-Iżlam jipprovdi approċ komprensiv għall-benesseri tal-bniedem li jsostni d-dinjità, jinkoraġġixxi x-xogħol, u jenfasizza r-responsabbiltà fuq is-soċjetà. Filwaqt li t-tlib huwa skoraġġut, ir-rispons lejh m’għandux ikun il-kundanna iżda l-appoġġ strutturat. Għandu jkollna soċjetà li verament tieħu ħsieb tħabrek, mhux biss biex ittaffi l-faqar, iżda biex tipprevenih għalkollox, filwaqt li tiżgura li kull individwu jgħix fis-sigurtà u l-unur.
Dawn in-nies għandhom bżonn l-għajnuna tagħna bħala nazzjon. Ejjew ngħinuhom iqumu fuq saqajhom stess u, kif issuġġeriet il-Pulizija, noħolqu ‘care plan’ għalihom flimkien ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi. Ikun tassew pass pożittiv ’il quddiem jekk ngħinuhom isibu kenn u impjieg, filwaqt li jinżammu l-paċi u s-sigurtà fit-toroq.