Recognizing and Celebrating our Everyday Heroes

Nirrikonoxxu u niċċelebraw l-eroj tagħna ta’ kuljum

In-Nazzjon, 02.07.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Il-gratitudni hija waħda mill-aktar valuri umani profondi. Kif qal b’mod sabiħ il-Qaddis Profeta Muħammad (il-paċi tkun miegħu), “Min ma jiżżix ħajr lin-nies, lanqas ma jiżżi ħajr lil Alla.” Dan il-kliem ifakkarna li, biex nuru apprezzament lejn dawk ta’ madwarna mhux biżżejjed li jkollna manjieri tajbin, iżda, li din hija wkoll responsabbiltà spiritwali u morali.

Ħafna drabi, meta naħsbu f’nies biex niċċelebraw jew nonorawhom, l-attenzjoni tagħna tmur lejn dawk li huma fl-għajn tal-pubbliku, bħal ċelebritajiet, mexxejja, jew influencers.

Iżda hemm ħafna individwi li jaħdmu bil-kwiet u b’mod konsistenti wara l-kwinti, u jagħmlu differenza reali fil-komunitajiet tagħhom. Jistgħu ma jfittxux rikonoxximent, iżda l-kontribut tagħhom huwa essenzjali għall-benesseri tas-soċjetà tagħna.

Il-qawwa tal-gratitudni u r-rikonoxximent

Li nirrikonoxxu individwi bħal dawn huwa importanti għal diversi raġunijiet. L-ewwel, jafferma l-valur tal-isforzi tagħhom. Meta xi ħadd iħossu meqjus u apprezzat, dan isaħħaħ il-moral tiegħu u jinkoraġġih ikompli x-xogħol pożittiv tiegħu.

It-tieni, ir-rikonoxximent pubbliku jista’ jservi ta’ ispirazzjoni għal oħrajn. Dawk li m’għadhomx lesti jew deċiżi li jekk jistgħu jew le jagħmlu l-kontribut tagħhom lejn is-soċjetà u n-nazzjon.

Dan juri wkoll li m’għandekx għalfejn tkun famuż biex tagħmel impatt, iżda, sempliċement għandek bżonn dedikazzjoni, kompassjoni, u xewqa li taqdi.

L-apprezzament għall-inizjattiva ispiranti

F’dan il-kuntest, nixtieq nesprimi l-apprezzament profond tiegħi għall-inizjattiva ispiranti mmexxija mill-ħabib tagħna, l-Onorevoli Ivan Bartolo, li għal darb’oħra organizza l-attività mill-isbaħ ‘Premju Formidabbli’ biex jiġu premjati wħud minn dawk li jagħtu u joffru fis-skiet mill-aħjar li jistgħu lis-soċjetà.

Issa fit-tielet sena tagħha, din iċ-ċerimonja tal-premjazzjoni hija ddedikata biex tirrikonoxxi u tiċċelebra lil dawk li qed jagħtu lura lis-soċjetà bil-kwiet iżda b’mod qawwi bil-modi tagħhom stess.

Din is-sena, sitt attivisti u persuni b’diżabilità kienu r-rebbieħa tal-Premju Formidabbli 2025, u rċevew midalji għas-servizz eċċellenti tagħhom. Ir-rebbieħa kienu Anatole Baldacchino, Adrian Casha, Tony Cachia, Mary Jane Cutajar, Erika Ferrante u Nicole Muscat.

Kull wieħed u waħda minnhom huwa eżempju brillanti ta’ kif id-determinazzjoni, ir-reżiljenza, u t-tjubija jistgħu jegħlbu anke l-akbar sfidi. L-istejjer tagħhom iservu bħala tfakkira li kull persuna għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi b’mod sinifikanti, irrispettivament mill-ostakli li tista’ tiffaċċja.

Storja li serqet il-qlub

Fost dawk li rċevew il-premjijiet kien hemm is-Sinjura Mary Jane Cutajar, li l-istorja tagħha messet il-qlub b’mod profond lil kulħadd preżenti. Mary nieqsa mid-dawl, kundizzjoni li tista’ faċilment tagħmel il-kompiti ta’ kuljum diffiċli.

Madankollu, tagħżel li ma tħallihiex tiddefinixxi l-limiti tagħha. Minflok, hija tagħmel volontarjat bħala receptionist fil-Millennium Chapel, fejn tqatta’ sigħat twal tappoġġja u tiggwida lin-nies fi żminijiet ta’ bżonn.

Mary hi bniedma li dejjem lesta tisma’ u tgħin lil kull min iħabbat il-bieb, bla ebda ġudizzju. Il-preżenza, il-paċenzja u l-kompassjoni tagħha jġibu faraġ u tama lil ħafna.

Stejjer bħal ta’ Mary mhumiex rari, sempliċement mhux ta’ spiss jiġu fil-pubbliku. Bla dubju ta’ xejn hemm ħafna bħalha li jagħtu sehemhom lis-soċjetà: persuni b’diżabilità u voluntiera li jikkontribwixxu bil-kwiet, mingħajr ma jistennew xi ħaġa lura; lanqas viżibilità. Dawn huma l-eroj mhux magħrufa tal-komunitajiet tagħna, iżda huma l-eroj vera li għandna nkunu kburin bihom.

It-tama u l-ispirazzjoni

Fi kliem l-Onorevoli Ivan Bartolo dawn “huma ta’ eżempju għalina lkoll li tlifna kull tama u li qtajna qalbna” u qal li “minn hawn se nieħdu tama.”

Huwa ħeġġeġ “ejjew inkomplu naħdmu biex nibnu l-mentalità, nisfidaw l-ostakli u noħolqu soċjetà fejn, iva nistgħu ngħixu fl-aħjar possibbli. Quddiemna għandna impenn kontinwu li nibnu soċjetà inklussiva u l-missjoni tagħna hija li f’dan is-settur nibqgħu ntejbu inizjattivi u miżuri, anki jekk il-progress f’das-settur baqa’ għaddej.”

Id-dmir soċjali tagħna

Huwa d-dmir tagħna — bħala individwi u bħala soċjetà — li ​​nirrikonoxxuhom u nifirħulhom. Kelma sempliċi ta’ ringrazzjament, rikonoxximent pubbliku, jew saħansitra ġest żgħir ta’ apprezzament jista’ jgħin ħafna. Billi nagħmlu dan, nibnu kultura li tapprezza t-tjieba, il-perseveranza, id-determinazzjoni, is-simpatija u s-sens ta’ responsabbiltà soċjali.

Ejjew inkomplu nappoġġjaw inizjattivi bħall-Premju Formidabbli u, aktar importanti minn hekk, ejjew naħdmu biex inġorru dan l-ispirtu ta’ rikonoxximent fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Jalla nkunu dejjem grati, mhux biss bil-kliem iżda bl-azzjoni — billi ngħollu lil dawk li jgħollu lil ħaddieħor, u billi niċċelebraw l-eroj kwieti li jagħmlu d-dinja tagħna post aħjar.

Għalhekk, tassew jistħoqqilhom li napprezzawhom u nonorawhom b’mod tajjeb ħafna, u nkunu grati lejhom għax-xogħol siewi ħafna tagħhom, għax “min ma jiżżix ħajr lin-nies, lanqas ma jiżżi ħajr lil Alla”.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Article and tagged , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.