Photo: MIA Studio / Shutterstock.com
Flimkien kontra l-mibegħda u r-razziżmu; filwaqt li nibnu pontijiet, u mhux ostakli
It-Torċa, 06.07.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
F’dinja li qed titħabat mal-firda, ir-razziżmu, u l-intolleranza reliġjuża, il-prinċipji tal-Iżlam joffru messaġġ ċar u qawwi: il-bnedmin kollha huma ugwali fil-valur u d-dinjità. L-Iżlam jirrifjuta kull forma ta’ superjorità razzjali u mibegħda bbażata fuq il-fidi, u minflok jippromwovi l-għaqda, il-ġustizzja, il-ħbiberija, u l-kompassjoni.
Ir-razziżmu: Kunċett mhux aċċettabbli fl-Iżlam
Ir-razziżmu huwa t-twemmin li ċerti razez huma intrinsikament superjuri jew inferjuri għal oħrajn. Dan iwassal għal inġustizzja, mibegħda, u kunflitt. L-Iżlam iżomm sod kontra din l-ideoloġija.
Il-Koran jenfasizza l-għaqda tal-umanità jgħid: “Ja bnedmin, aħna ħloqniekom minn raġel u mara; u qassamniekom fi tribujiet u fi tribujiet iċken ħalli ssiru tafu lil xulxin. Tabilħaqq, l-aktar nobbli minnkom quddiem Alla huwa dak l-aktar devot fostkom.” (Il-Koran, 49:14)
Dan il-vers jenfasizza żewġ punti ewlenin: id-diversità hija sinjal tal-ħolqien ta’ Alla — mhux bażi għad-diskriminazzjoni; it-tieni, is-superjorità hija bbażata biss fuq it-tjieba u l-karattru, mhux fuq ir-razza, l-etniċità, jew in-nazzjonalità.
Il-ħsara tal-mibegħda u r-razziżmu
Ir-razziżmu mhux biss huwa ħażin iżda huwa att diżgustanti ħafna, moqżież u kundannabbli f’kull forma u minn min jitwettaq. Mhux biss għax ikażbar lill-bnedmin sħabna u jġiegħel lir-razzist iħossu aħjar, tal-klassi għolja u tabilħaqq arroganti, iżda wkoll għax idgħajjef id-dinjità tal-bniedem, jirriskja l-paċi u s-sigurtà tas-soċjetà u barra minn hekk iwassal għall-ħolqien ta’ għadwa, firdiet u rivalitajiet, minflok kompassjoni, ħbiberija u għaqda.
Allura meta soċjetà tkun nieqsa mill-paċi, it-tolleranza u l-armonija, il-vojt jimtela bi ħsibijiet u ideoloġiji radikali. Sitwazzjoni bħal din mhux biss tpoġġi lis-soċjetà kollha f’biża’ mill-konsegwenzi mhux magħrufa, iżda wkoll tiddestabbilizza l-ordni fil-pajjiż u ddgħajjef it-tkabbir ekonomiku.
Għalhekk, bħala bnedmin, aħna mgħallma nkunu simpatetiċi, ġenerużi u kkonċernati lejn il-bnedmin sħabna kollha mingħajr ebda distinzjoni jew diskriminazzjoni. Fuq kollox, aħna lkoll bnedmin u għandna l-istess kulur tad-demm u l-istess ċelloli—ħomor u bojod. Għalhekk, il-forom ta’ barra mhumiex importanti daqs ir-ruħ ġewwiena tagħna.
Alla jħares lejn qlubkom
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, spjega dan il-punt b’mod sabiħ u fil-qosor billi qal li, “Tassew, Allah ma jħarisx lejn is-suriet u l-uċuħ tagħkom u l-ġid u r-rikkezzi tagħkom imma Hu tabilħaqq iħares lejn qlubkom u l-azzjonijiet tagħkom.”
Bl-istess mod, mhux importanti kif nittrattaw lil ħaddieħor jekk qlubna ma jikkumplimentawx l-azzjonijiet u l-espressjonijiet tagħna. Il-qoxra ta’ barra tagħna għandha tirrifletti għalkollox il-persuna interna tagħna. L-imħabba tagħna għall-bnedmin sħabna għandha tkun ħierġa mill-empatija u l-kompassjoni sinċieri u profondi tagħna għall-umanità, inkella, ma sservi l-ebda skop jekk tkun ibbażata fuq l-ipokresija u l-pretensjoni, kif spjega l-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana meta qal:
“Kunu ġenerużi u qalbkom tajba mal-umanità kollha. Kunu umli fl-ispirtu, kunu ġenerużi u ġentili, u aħfru, uru simpatija lejn kulħadd u awguraw lil kulħadd, ħalli tkunu aċċettati.
Hemm ħafna li jippretendu li huma qalbhom tajba, ġentili u li jaħfru lil għajrhom, iżda minn ġewwa huma lpup; hemm ħafna li minn barra jidhru safja, imma f’qalbhom huma sriep. Ma tistgħux tiġu aċċettati fil-preżenza tal-Mulej jekk m’intomx safja, kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra.”
Il-proġett ‘SKIN’ tal-NCPE
Biex nifhmu s-saħta tar-razziżmu huwa importanti li npoġġu lilna nfusna fil-post ta’ min esperjenza diskriminazzjoni u razziżmu, jew mibegħda minħabba l-isfond reliġjuż tiegħu. Huwa biss dakinhar li nistgħu nifhmu kif inħossuna meta nkunu fuq in-naħa li nirċevuha.
Ftit jiem ilu, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) organizzat il-konferenza tal-għeluq tal-proġett SKIN – ‘Tisħiħ tal-għarfien dwar l-integrazzjoni u n-non-diskriminazzjoni’ biex tenfasizza l-importanza tal-armonija razzjali u l-paċi u l-fehim interreliġjuż. F’din il-konferenza smajna wkoll xi esperjenzi, stejjer, kummenti u stqarrijiet mimlija wġigħ u dwejjaq.
Dinja: Sala tal-eżamijiet
Nemmen li din id-dinja hija bħal sala tal-eżamijiet fejn irridu naħdmu ħafna biex ngħaddu mill-eżamijiet tagħna. Huwa eżami ta’ żewġ responsabbiltajiet fundamentali li kull bniedem iġorr, u dan huwa l-iskop u l-objettiv tal-ħolqien tal-umanità — id-drittijiet ta’ Alla li Jista’ Kollox u d-drittijiet li għandna lejn sħabna l-bnedmin. Fil-qosor, din id-dinja hija post ta’ eżami dwar kif nittrattaw lil sħabna l-bnedmin.
Sejħa għall-għaqda u l-kompassjoni
Tqum il-mistoqsija: kif nistgħu nibnu soċjetà ta’ armonija razzjali u reliġjuża? Jista’ dan il-ħolm isir realtà?
Nemmen tassew li iva, huwa kompitu possibbli ħafna u li jista’ jsir; u nistgħu nagħmlu dan il-ħolm realtà. It-trasformazzjoni tal-karattru u l-imġiba hija bħal maratona twila; jekk titkompla b’determinazzjoni, żelu u viżjoni u objettiv ċari, żgur li se tkun ta’ suċċess. Irridu naħdmu bis-sħiħ u bl-akbar kooperazzjoni, sħubija u fehim reċiproku lejn il-bini ta’ soċjetà armonjuża, paċifika u b’saħħitha.
Irridu nibnu narrattiva inklużiva ta’ armonija u ugwaljanza razzjali, tolleranza u fehim reliġjuż, imħabba u rispett reċiproku, ibbażat fuq il-prinċipju—Imħabba għal kulħadd, mibegħda għal ħadd— lejn il-ħolqien ta’ soċjetà aħjar għalina u għal uliedna.