Nirringrazzja anke lill-ġebel

Photo: Caritas Malta

NIRRINGRAZZJA ANKE LILL-ĠEBEL…

It-Torċa, 13.07.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

“Nirringrazzja anke lill-ġebel ta’ madwar, aħseb u ara ’l-Caritas Malta u n-nies li jaħdmu fi ħdan il-Caritas, kemm jien grata lejhom ilkoll li għamlu sforz biex ibni joħroġ minn dan l-episodju mudlam ta’ ħajtu.” Dan kien il-kliem ta’ waħda omm li rat lil binha jiggradwa mill-Caritas Malta wara mixja ta’ suċċess li għenitu biex jegħleb il-vizzju tad-dipendenza. Dan il-kliem tal-apprezzament u l-gratitudni lejn kull min ħadem għal binha huwa bla dubju ta’ xejn kliem li għandna nirriflettu fuqu. Il-gratitudni tagħha ma kinitx għall-ħaddiema biss, iżda anke għall-ambjent, inkluż il-ġebel ta’ madwar, li għen lil binha.

L-imħabba bla kundizzjoni

Bla dubju ta’ xejn dan il-kliem huwa tad-deheb il-għaliex juri l-imħabba bla kundizzjoni tal-omm lejn uliedha. Dan juri wkoll li meta t-tfal jirnexxu f’ħajjithom dan inissel ħafna ferħ, kuntentizza u sodisfazzjon lill-ġenituri li dejjem joħolmu bil-ġid, il-prosperità u s-saħħa għal uliedhom.

Barra minn hekk, dan ifisser li meta t-tfal jaqgħu f’xi vizzju dan iweġġa’ ħafna lill-ġenituri tagħhom; u nista’ ngħid li l-iktar li jħossu l-uġigħ tat-telfa tal-bniedem huma l-ġenituri tiegħu. U għaliex le, għax huma dawn il-ġenituri li għallmu lil uliedhom jimxu billi jżommulhom subgħajhom, li kienu jżommuhom meta jibdew jaqgħu, li kkunsidraw l-uġigħ tagħhom bħala l-uġigħ tagħhom stess, u li l-faraġ tagħhom kien l-aktar għażiż għal dawn il-ġenituri.

Tassew, il-ġenituri huma dak ir-rigal kbir ta’ Alla li Jista’ Kollox li jissagrifikaw kollox għall-paċi, il-kuntentizza, il-faraġ, il-progress, il-prosperità, l-unur, id-dinjità, u s-suċċess ta’ wliedhom u, jekk ikun meħtieġ, ma joqogħdux lura milli jissagrifikaw ħajjithom.

Ma nweġġgħux lill-imħabba bla paragun

Allura, għandna nweġġgħu lil dawk li jħobbuna b’tant altruwiżmu? M’għandniex napprezzaw is-sentimenti ta’ dawk li jixtiqulna l-ġid?

Tabilħaqq, dawk li jixtiequ l-ġid b’mod altruwista u bla paragun m’għandhomx biss jiġu onorati u rispettati, iżda kull pass għandu jittieħed b’attenzjoni u kawtela kbira sabiex l-ebda azzjoni tagħna ma tikkawżalhom xi wġigħ.

Minn perspettiva oħra, il-kliem ta’ din l-omm huwa xhieda tal-fatt li kemm id-drogi u l-vizzji jagħmlu ħsara lill-bniedem u lil dawk kollha ta’ madwaru. Meta l-bniedem jiddependi fuq is-sustanza, mhux biss isir l-iskjav tad-dipendenza, u jitlef l-indipendenza tiegħu u jagħmel ħsara lilu nnifsu, iżda jikkawża ħsara kbira anke lill-familja, ’il-ġenituri, ’il-qraba, ’il-ħbieb u lil dawk kollha li huma madwaru.

Il-vizzju mhux biss ikisser lill-persuna, iżda anke r-relazzjonijiet kollha tiegħu. In-nies ta’ madwaru u l-kollegi tax-xogħol inaqqsu ħafna mill-fiduċja fih.

Il-ħabs tal-vizzju

Għalhekk, irridu nagħmlu dak kollu possibbli biex inkissru din ix-xibka tal-vizzju u nsalvaw liż-żgħażagħ tagħna minn dan il-ħabs tal-vizzju, il-ħabs tal-qerda. L-Iżlam jgħallimna li ġisimna u moħħna huma fiduċja mingħand Alla, u se nkunu responsabbli għal kif nittrattawhom. Huwa obbligu kollettiv fuq is-soċjetà li tipproteġi liż-żgħażagħ tagħna milli jaqgħu fil-ħsara, inkluż il-qabda ta’ kwalunkwe forma ta’ vizzju, kemm jekk ikunu drogi, alkoħol, jew imġiba distruttiva u mhux xierqa.

Irridu naħdmu b’għaqda, kompassjoni, u dedikazzjoni biex inżommu liż-żgħażagħ tagħna ħafna u ħafna ’l bogħod minn dipendenzi bħal dawn. Tabilħaqq, iż-żgħażagħ mhux biss huma s-sinsla tan-nazzjon tagħna iżda wkoll it-tama futura. Għandhom jiġu mrawma bi trobbija morali u spiritwali, protetti, u ggwidati sabiex qatt ma jaqgħu fin-nassa qarrieqa tal-vizzju.

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, qal: “Kull wieħed minnkom huwa ragħaj, u kull wieħed minnkom huwa responsabbli għall-merħla tiegħu”, u enfasizza r-responsabbiltà tal-ġenituri u l-komunità biex jissalvagwardjaw il-ġenerazzjonijiet futuri.

Rodd lura lejn is-soċjetà

Kien appell li jmisslek qalbek minn omm li qalet lil binha li, “Agħti lura lis-soċjetà u lin-nazzjon li rċevejt mingħandhom.” F’termini Iżlamiċi, dan jirrifletti l-kunċett ta’ gratitudni mhux biss lejn in-nies iżda l-ewwel u qabel kollox lejn Alla l-Ħanin talli jagħtina l-irkupru, is-saħħa, u ċans ieħor fil-ħajja. Issa, isir id-dmir tiegħek—mhux biss li tibqa’ impenjat għall-fejqan u t-tkabbir tiegħek stess—iżda wkoll li tgħin lil ħaddieħor.

Alla jgħid fil-Koran Imqaddes: “Għinu lil xulxin fit-tjieba u l-pjetà; imma tgħinux lil xulxin f’affarijiet ħżiena, id-dnub u t-trasgressjoni.” (5:3)

Għandi seba’ mitt sena biex naraha hekk

Omm waħda, mimlija bil-gratitudni, esprimiet kemm stenniet żmien twil biex tara lil bintha teħles mill-vizzju u qalet, “Għandi seba’ mitt sena biex naraha hekk.” Messaġġ ieħor ta’ kuraġġ kien li, “Kont tlift lilek innifsek u llum sibt lilek innifsek mill-ġdid.” Dan huwa simili għall-kunċett Iżlamiku tal-indiema, fejn min jemmen jirritorna fit-triq tat-tjieba wara li jitbiegħed.

Alla huwa l-Aktar Ħanin, u Huwa jgħid fil-Koran: “Għid, ‘O qaddejja Tiegħi li wettqu eċċessi kontra ruħhom stess! Taqtgħux qalbkom mill-ħniena ta’ Alla, żgur Alla jaħfer id-dnubiet kollha. Tassew Hu l-Aktar li Jaħfer u l-Ħanin.’” (39:54)

Għalhekk, qatt ma tħarsu lura ħlief biex tirriflettu u tkunu grati. Imxu ’l quddiem fit-triq tas-saħħa, it-tjieba, u l-iskop. Ħalli kull pass ikun forma ta’ qima, gratitudni u kontribut għall-bini ta’ soċjetà paċifika, ħielsa mid-droga u moralment u spiritwalment b’saħħitha.

Dawn mhumiex biss appelli emozzjonali—huma tfakkiriet ibbażati kemm fuq l-imħabba tal-ġenituri kif ukoll fuq il-gwida divina. Konversazzjonijiet bħal dawn huma essenzjali f’kull dar. Il-ġenituri għandhom jiggwidaw liż-żgħażagħ tagħhom bi mħabba, jedukawhom dwar il-konsegwenzi spiritwali, fiżiċi u soċjali tal-vizzju, u jagħtuhom is-setgħa li jgħidu “le” għal kull ħaġa li tbegħedhom minn Alla u mill-potenzjal li Hu poġġa fihom.

Jalla Alla jipproteġi liż-żgħażagħ tagħna, isaħħaħ il-komunitajiet tagħna, u jiggwida lil dawk kollha li qed jitħabtu mal-vizzju lejn irkupru sħiħ u paċi vera. Ammen.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.