The importance of decent and modest clothing in society

Photo: Stock35/Shutterstock.com

L-importanza tal-ilbies diċenti u modest fis-soċjetà

It-Torċa, 27.07.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Alla l-Ħanin jgħid fil-Koran Imqaddes (7:27) li, “Ja wlied Adam! Tabilħaqq niżżilnielkom ilbies jostor l-għera tagħkom, u biex ikunu l-ilbiesi sbieħ (mezzi ta’ sbuħija u eleganza). Iżda l-ilbies tal-ġustizzja, is-safa u l-imħabba ta’ Alla — dak huwa l-aħjar. Dan huwa (wieħed) mis-sinjali ta’ Alla biex forsi jiftakru (fit-tjieba ta’ Alla).”

Dan il-vers jiġbed l-attenzjoni għal żewġ skopijiet essenzjali tal-ilbies: l-ewwel, li jgħatti l-għera fiżika tagħna, u t-tieni, li jservi bħala mezz ta’ tiżjin, u jtejjeb id-dehra tagħna b’eleganza u grazzja.

Madankollu, fid-dawl ta’ dawn l-iskopijiet nobbli, huwa ta’ tħassib kbir li x-xejra globali qed timxi fid-direzzjoni opposta—lejn ilbies dejjem aktar indiċenti u rivelanti, partikolarment fi spazji pubbliċi u destinazzjonijiet turistiċi popolari.

Rapporti ta’ mġiba indiċenti fil-pubbliku

Anke f’pajjiżna rajna rapporti ta’ diżapprovazzjoni pubblika, speċjalment minn komunitajiet lokali u awtoritajiet f’ċerti żoni li jenfasizzaw tħassib dejjem jikber dwar din il-bidla fin-normi tal-ilbies, fejn il-valuri tas-soċjetà qed jiġu sfidati minn tendenzi moderni tal-moda u minn turisti li jżuru dawk il-postijiet.

Madankollu, lil hinn mid-dimensjoni fiżika, il-vers jintroduċi simboliżmu spiritwali ogħla permezz tal-frażi “l-ilbies tas-sewwa”, li jħeġġiġna nirriflettu fuq l-essenza vera tal-eleganza—mhux biss fid-dehra ta’ barra iżda fil-virtù ta’ ġewwa.

Filwaqt li l-ilbies fiżiku jaħbi l-għera tal-ġisem tagħna, l-ilbies tal-pjetà—karatterizzat mill-modestja, l-umiltà, u l-kuxjenza ta’ Alla—jaħbi l-espożizzjoni ferm aktar perikoluża tal-vulnerabbiltajiet morali u spiritwali tagħna.

Konxji dwar li nżejnu ruħna bit-tjieba

Dan il-vers ifakkarna wkoll b’mod qawwi hekk kif b’mod naturali aħna mħeġġa u mġiegħla nlibbsu lil ġisimna b’attenzjoni u sbuħija; meta nqisuha daqshekk neċessarja li jkollna ħwejjeġ tajbin biex ngħattu l-għera fiżika tagħna u nużaw ilbies eleganti biex nidhru grazzjużi u puliti, għandna nħossuna saħansitra aktar konxji dwar li nżejnu ruħna bit-tjieba u s-sewwa, u għandna nkunu aktar konxji li ngħattu l-għera morali u spiritwali tagħna, li tista’ ssir biss bit-talb u billi nitolbu l-maħfra u l-ħniena ta’ Alla.

Fil-qosor, huwa biss permezz ta’ ndiema kontinwa, supplikazzjoni, u sforz konxju biex ngħixu ħajja li togħġob lil Alla li nistgħu nilbsu l-libsa tassew eleganti li ġġib kemm protezzjoni spiritwali kif ukoll unur dejjiemi.

Libsa hija barka

Huwa ferm importanti li dejjem inżommu f’moħħna li l-libsa mhix xi ħaġa tal-mistħija anzi din hija barka kbira ta’ Alla l-Ħanin u hija waħda mill-barkiet li Alla li Jista’ Kollox ta lill-qaddejja Tiegħu u semmieha b’isimha fil-Koran Imqaddes.

Il-libsa tingħata bħala premju għat-tfal ta’ Adam kif ġie msemmi hawn fuq fil-vers tal-Koran. Dan l-unur li jingħata huwa disponibbli biss għall-bniedem, l-ebda ħlejqa oħra fid-dinja ma ġiet onorata b’din il-barka.

Għalhekk, huwa importanti li nilbsu l-libsa fiżika u spiritwali b’mod tajjeb u bi ħsieb profond, għax dawn huma importanti għall-bini tal-karattru tagħna.

Perspettiva Iżlamika

Minn perspettiva Iżlamika, l-ilbies diċenti fil-pubbliku mhuwiex sempliċement kwistjoni ta’ etikett soċjali jew tradizzjoni kulturali, iżda espressjoni profonda ta’ fidi, dinjità, u rispett lejn il-persuna nfisha. L-Iżlam jenfasizza l-modestja bħala valur morali ewlieni, u dan il-prinċipju huwa rifless b’mod ċar fil-mod kif l-individwi huma mgħallma jilbsu. Kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa huma mħeġġa jilbsu ħwejjeġ li jkopru l-partijiet tal-ġisem li jridu jkunu mgħottija b’mod tajjeb u b’hekk jippreservaw id-dinjità tagħhom u jipproteġu l-qdusija tal-ispazju pubbliku.

Din il-gwida mhijiex maħsuba kontra l-għażliet personali tal-individwu, iżda, biex televa d-dinjità umana, u sabiex kulħadd iħoss komdu fil-pubbliku, inkluż it-tfal. Ilbies diċenti jservi biex irawwem ambjent rispettuż, u jfakkar lill-individwu u lis-soċjetà kollha kemm hi fil-valuri tal-umiltà, ir-rażan, u l-kuxjenza spiritwali.

Meta nilbsu b’mod diċenti, inżommu l-konfini morali, u nwettqu kmand divin li jfittex li jissalvagwardja kemm l-integrità personali kif ukoll l-armonija komunali u soċjali.

Għalhekk, huwa importanti ħafna li naħdmu bis-sħiħ biex inwettqu rivoluzzjoni spiritwali u morali fid-djar u s-soċjetajiet tagħna biex inżommu l-ogħla standards ta’ lbies diċenti fid-djar u fil-postijiet pubbliċi.

Il-benefiċċju ta’ din id-dinja

Huwa minnu li qed ngħixu fi żmien ta’ materjaliżmu u konsumiżmu li dejjem qed jiżdiedu. Għalhekk, irridu nżommu f’moħħna wkoll li m’għandniex inħallu l-valuri nazzjonali, kulturali u reliġjużi tagħna sempliċement f’isem il-moda u l-modernizzazzjoni. Pjuttost, irridu nħarsu lilna nfusna u lil uliedna mill-faxxinu tossiku tad-dinja.

Il-pjaċiri tad-dinja huma ta’ żmien qasir, u t-tjieba, il-pjetà u l-għemejjel tajbin huma ta’ benefiċċju fit-tul, u huma ta’ benefiċċju kemm f’din id-dinja kif ukoll fil-ħajja ta’ wara. Kif jgħid Alla li Jista’ Kollox fil-Koran Imqaddes (4:78): ‘Il-benefiċċju ta’ din id-dinja u t-tgawdija ta’ din il-ħajja hija żgħira u ftit u l-ħajja ta’ wara hija aħjar għal dawk li huma konxji tad-dmir tagħhom lejn Alla’.

F’vers ieħor  (43:36) jgħid li, ‘dan kollu huwa biss provvediment temporanju tal-ħajja preżenti; u l-ħajja eterna skont Sidkom hija għall-ġusti u n-nies twajba’.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Article, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.