Acts of jealousy do not enter Paradise

Photo: iStock.com/Ralwel

L-għemejjel ta’ għira ma jidħlux fil-Ġenna

Il-Leħen, 10.08.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif – amjmalta@gmail.com

Waħda mill-akbar problemi komuni fis-soċjetajiet tagħna llum hija l-għira. Numru ta’ nies ibatu minn din il-marda interna. Xi wħud jgħiru għall-ġid u l-prosperità, oħrajn jgħiru għall-pożizzjonijiet reliġjużi jew dinjin għoljin, u oħrajn jgħiru għall-unur u d-dinjità. Fil-fatt, ħafna nies huma involuti f’dan id-dnub konxjament jew le, u xi kultant lanqas biss ikunu konxji tiegħu.

L-għira hija drawwa tant ħażina li l-fidili huma mgħallma talba minn Alla li Jista’ Kollox fil-Koran Imqaddes għas-sigurtà u l-protezzjoni minn kull tip ta’ għira u ħsieb ħażin. Alla li Jista’ Kollox jgħid li għandek tfittex il-protezzjoni tal-Mulej, ‘Nistkenn f’Alla mill-ħażen tal-għajjur meta jgħir’; u mill-inkwiet ta’ kull persuna li tgħir. (113:6)

Nistkenn f’Alla mill-ħażen tal-għajjur

Il-Kapitlu 113 tal-Koran Imqaddes jittratta n-naħa materjali tal-ħajja tal-bniedem kif jagħmel il-kapitlu li jmiss min-naħa spiritwali tagħha.

Il-bniedem jiffaċċja diversi tipi ta’ perikli u diffikultajiet fil-ħajja. Meta jkun involut f’xogħol ta’ importanza serja, partikolarment meta jieħu fuqu nnifsu li jxerred id-dawl tal-verità, forzi tad-dlam idawruh minn kull naħa; u meta jimxi ’l quddiem, nies bi strateġiji ħżiena jimblukkawlu triqtu u joħolqu kull tip ta’ impedimenti u diffikultajiet.

Dan rajnieh f’kull perjodu tal-istorja umana u għadna naraw li meta xi ħadd jiġbed l-intenzjonijiet lejn xi ħaġa tajba, jiffaċċja oppożizzjoni serja minn kull naħa. Meta xi ħadd jitkellem jew jikteb dwar il-valuri, il-virtujiet u kif is-soċjetà għandha timxi b’mod tajjeb ’il quddiem, isib ostakli fi triqtu.

Meta fl-aħħar is-suċċess jitfaċċa fuqu, persuni ta’ natura għajjura jfittxu li jċaħħduh mill-frott tax-xogħol tiegħu. Bħala protezzjoni kontra dawn id-diffikultajiet, l-ostakli u l-perikli kollha fil-ħajja, min jemmen huwa mħeġġeġ jinvoka l-għajnuna u l-assistenza tal-Mulej għas-sebħ biex jagħtih id-dawl meta jkun hemm id-dlam madwaru; biex jipproteġih mill-istrataġemmi ħżiena ta’ dawk li jagħmlu l-ħsara u l-makkinarji nefarji ta’ persuni għajjurin.

L-attitudni għajjura m’għandhiex l-approvazzjoni ta’ Alla

Barra minn hekk, Alla li Jista’ Kollox ma jħobbx l-attitudni għajjura lejn ħaddieħor u jgħid li, “Jaqaw jgħiru għan-nies minħabba dak li Alla tahom mit-tjieba tiegħu?” (4:55)

Jiġifieri, mhux tajjeb li tgħir għal ħaddieħor, għaliex l-attitudni għajjura m’għandhiex l-approvazzjoni ta’ Alla u għalhekk hija xi ħaġa li qatt m’għandha tiġi pprattikata, u n-nies għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jevitaw din id-drawwa ħażina. Li tkun għajjur huwa att ħażin ħafna u huwa ma jogħġobx ħafna lil Alla li Jista’ Kollox.

L-għemejjel ta’ għajjur ma jidħlux mill-bieb tal-Ġenna

Hemm diskors twil tal-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, li fih iddeskriva xena li tinvolvi l-anġli fil-bibien tal-Ġenna. Dawn l-anġli nħatru biex joqogħdu għassa u ġew ordnati biex iħallu jgħaddu biss l-għemejjel li kienu aċċettati minn Alla.

Darba minnhom, grupp ta’ anġli li jirreġistraw—dawk assenjati biex jissalvagwardjaw u jiktbu l-azzjonijiet tal-bniedem—telgħu l-Ġenna jġorru l-għemejjel ta’ ċertu raġel. Huma ppreżentaw l-azzjonijiet tiegħu b’mod sabiħ ħafna. L-għemejjel dehru puri, pjaċevoli, u denji ta’ aċċettazzjoni.

Madankollu, meta waslu sal-bieb tal-Ġenna, l-anġlu stazzjonat hemmhekk qal:

“Ieqfu. Ħudu dawn l-għemejjel lura u armuhom lura f’wiċċ min wettaqhom. Għidulu li Alla ma jaċċettahomx. Jiena l-anġlu tal-għira. Alla ordnali biex ma nħallix l-għemejjel ta’ xi persuna li tgħir tgħaddi minn dan il-bieb tal-Ġenna. Din il-persuna kienet tgħir għal dawk li kisbu l-għarfien u għal dawk li għamlu għemejjel tajbin. Mhux se nħalli l-għemejjel tiegħu jidħlu.”

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.