Il-karba u l-biki tal-art tal-Palestina

Photo by Mohammed Abubakr on Pexels

Il-Mument, 17.08.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Meta naraw is-sitwazzjoni f’Gaża ma jidhirx li ngħixu fl-2025, f’dinja moderna u ċivilizzata, għax id-dinja tista’ tara l-ħruxijiet kollha li qed isiru quddiem għajnejn kulħadd u, madankollu, idejn l-aggressur mhumiex qed jiġu mrażżna milli jwettqu brutalitajiet u jikkaġunaw uġigħ indeskrivibbli lin-nies ta’ Gaża.

Fejn qiegħda d-dinja waqt li Gaża qed tinħaraq?

Tqum il-mistoqsija: Għaliex id-dinja mhix qed timxi lil hinn minn sempliċi dikjarazzjonijiet? Għaliex il-komunità globali falliet fit-twettiq tar-responsabbiltajiet u d-dmirijiet ċiviċi u internazzjonali tagħha? Fejn hi d-dinja Għarbija?

L-insensittività tad-dinja hija lil hinn mill-komprensjoni.

Id-dinja qed titmellaħ waqt li Gaża qed tinħaraq.

Alla li Jista’ Kollox irrakkonta l-istorja taż-żewġ ulied ta’ Adam fil-Koran Imqaddes (Kapitlu 5, Versi 28–33) bħala tfakkira eterna għall-umanità: qatt ma ssegwi t-triq tal-vjolenza, l-aggressjoni, it-tixrid tad-demm, jew il-qtil, iżda dejjem issegwi t-triq tal-pjetà u t-tjieba — għax Alla jaċċetta biss mingħand it-tajbin u l-ġusti.

Madankollu, meta Kajjin qatel lil ħuh Abel, il-Koran jiddikjara: “… hekk sar wieħed mit-telliefa.”

Dan il-vers ifakkarna li l-qtil mhuwiex triq għas-suċċess — hija triq ta’ rovina.

Il-qtil huwa telf, mhux biss għall-vittma iżda wkoll għar-ruħ ta’ min wettaq id-delitt.

Il-mument ta’ rimors

Il-Koran imbagħad jippreżenta mument profondament simboliku, li jinvolvi ċawla mibgħuta minn Alla biex tgħallem lil Kajjin kif jidfen il-ġisem ta’ ħuh maqtul. Meta ra dan, Kajjin għajjat: “Ħażin għalija! Ma stajtx inkun bħal din iċ-ċawla u naħbi l-ġisem għeri ta’ ħija?” Imbagħad beda jiddispjaċih u sar min-nedmin.

Din l-istorja hija lezzjoni profonda għall-umanità. Il-mistoqsija li rridu nistaqsu lilna nfusna llum hija: Meta se nħossu aħna, bħala komunità globali, dak il-mument ta’ rimors? Meta se nsiru nindmu waqt li naraw il-qtil ta’ Palestinjani innoċenti?

Għal kważi sentejn — 22 xahar — dan il-ġenoċidju kompla, jevolvi b’tattiċi ġodda u inumani, inkluż l-użu tal-ġuħ bħala arma.

Krudeltà intenzjonata bħal din tmur kontra l-prinċipji morali aċċettati universalment u tikser l-etika l-aktar bażika tal-umanità.

Il-Koran Imqaddes (5:33) jafferma l-qdusija tal-ħajja umana: “Kull min joqtol bniedem, jekk mhux bi tpattija għall-qtil ta’ xi ħaddieħor, jew minħabba inġustizzja u diżordni fuq l-art, ikun bħallikieku qatel il-bnedmin kollha.”

Persuna innoċenti waħda ġġorr il-piż tal-umanità kollha

Dan il-vers ifakkarna li l-ħajja ta’ persuna innoċenti waħda ġġorr il-piż tal-umanità kollha. Il-vjolenza li għaddejja f’Gaża — mhux ikkontrollata, mhux ikkastigata, u apparentement normalizzata — hija katastrofi morali, u falliment spiritwali ta’ komunità globali.

Għalhekk, ma nistgħux sempliċement nibqgħu maqbudin bħal “Nero fiddled while Rome burned”. Minflok, irridu nqumu għall-okkażjoni, sabiex l-aggressuri jkunu mġiegħla jtemmu r-reati tagħhom kontra l-umanità. Kif ifakkarna l-Koran, il-qtil ta’ ħajja innoċenti waħda huwa bħallikieku l-qtil tal-umanità kollha — u b’dak il-kejl, l-umanità nnifisha nqatlet eluf ta’ drabi f’Gaża mis-7 ta’ Ottubru 2023.

Għandna nżommu f’moħħna l-parir u t-twissija tal-Qaddis Profeta Muħammad li qal: “Kulħadd għassies u jrid iwieġeb lil Alla għall-azzjonijiet u l-għemejjel kollha tiegħu.”

Bla dubju ta’ xejn, il-mexxejja Iżraeljani jridu jwieġbu lil Alla għall-moħqrijiet, l-atroċitajiet u l-ħniżrijiet kollha li wettqu kontra l-poplu Palestinjan. It-tmexxija Iżraeljana ma tistax tinsa li fil-jum tal-ġudizzju jridu jwieġbu għal dak kollu li għamlu u li qed jagħmlu, għaldaqstant iridu jħejju ruħhom għal dak il-jum.

L-obbligu morali għad-dinja

Iżda d-dinja wkoll għandha obbligu morali li tistabbilixxi l-paċi f’Gaża u fir-reġjun kollu.  Aktar minn hekk, il-pajjiżi Musulmani u l-mexxejja tagħhom għandhom sehem akbar f’dan kollu, skont il-Koran Imqaddes. Huma għandhom l-obbligu li jaħdmu għall-paċi, u li jistabbilixxu l-paċi u r-rikonċiljazzjoni meta tinqala’ l-okkażjoni. Alla jistqarr meta jkun hemm sitwazzjoni bħal din:

“Jekk żewġ gruppi ta’ fidili jiġġieldu kontra xulxin, ippruvaw ġibu l-paċi bejniethom; imbagħad, jekk wara dan kollu wieħed minnhom ikun ħati ta’ trasgressjoni kontra l-ieħor, iġġieldu kontra dak li hu trasgressur sakemm jerġa’ jkun taħt il-kmand ta’ Alla. Imbagħad, jekk dan isir, agħmlu l-paċi bejniethom bl-ekwità u aġixxu b’ġustizzja. Tassew, Alla jħobb lill-ġust.” (Il-Koran, 49:10)

Ejjew nisimgħu l-karba u l-biki tal-art Palestinjana li qed issejjaħ lid-dinja għall-għajnuna u nagħtu sehemna sabiex il-poplu Palestinjan jista’ jara r-raġġi tad-dawl fit-tarf tal-mina twila u mudlama.

Appell ġenwin għall-paċi

Nixtieq nagħlaq b’appell ġenwin għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni.

Bħala vuċi kkonċernata għall-umanità — bħala bniedem li dejjem inħobb il-paċi u l-umanità — nappella sinċerament lin-nies u lill-mexxejja ta’ Iżrael: qabel ma l-liġi Divina tal-ġustizzja tieħu l-kors tagħha, agħżlu t-triq tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni. It-triq għall-paċi mhix kontrikom, iżda wkoll favur tagħkom.

L-istorja wriet ripetutament li l-gwerra qatt mhi s-soluzzjoni — il-paċi hija. Għalhekk, inħeġġiġkom minn qalbi biex tfittxu l-bini tal-paċi. Dejjem huwa aħjar li ngħixu bħala aħwa fl-umanità kondiviża tagħna u fl-imħabba ta’ Alla.

M’hemm l-ebda triq aktar nobbli jew dejjiema mill-paċi — għaż-żewġ nazzjonijiet, Iżrael u l-Palestina.

Ersqu lejn il-paċi u s-sliem

Għax il-Mulej tas-smewwiet u l-art — is-Sors tal-Paċi — jixtieq paċi u prosperità għall-umanità kollha. Dan huwa l-kmandament ċar Tiegħu fil-Koran Imqaddes (8:62): “Iżda jekk (l-għedewwa) imilu lejn il-paċi u s-sliem, mela mil u ersaq lejn il-paċi u s-sliem, u poġġi l-fiduċja tiegħek f’Alla. Huwa tabilħaqq jisma’ kollox u jaf kollox.”

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.