Malta stands on the right side of history!

MALTA TINSAB FUQ IN-NAĦA T-TAJBA TAL-ISTORJA

It-Torċa, 17.08.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif, President Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta +35679655255 – amjmalta@gmail.com Photo: iStock.com/ValEs1989

Nixtieq nibda billi ġenwinament nuri l-apprezzament tiegħi għad-deċiżjoni storika u kuraġġuża li ħadet Malta biex tirrikonoxxi formalment il-Palestina bħala stat fl-assemblea ġenerali tal-Ġnus Magħquda f’Settembru li ġej, hekk kif imħabbar mill-Prim Ministru ta’ Malta, l-Onorevoli Robert Abela.

Waqt li reġa’ kkonferma l-għajnuna bla waqfien ta’ Malta lejn il-poplu tal-Palestina u Gaża, il-Prim Ministru għaraf bis-sewwa l-kriżi umanitarja attwali u t-telfien ta’ ħajjiet innoċenti, inkluż tan-nisa u t-tfal, u għamilha ċara li Malta ma tistax tagħlaq għajnejha quddiem it-traġedji umani li qed iseħħu quddiem id-dinja kollha. Huwa stqarr li, “In-nuqqas ta’ ikel qed jintuża bħala arma qerrieda biex toqtol lit-tfal li ma kellhom xejn x’jaqsmu mal-attakki tas-7 t’Ottubru.”

Dan jixhed fehim unanimi maqbul min-nazzjon Malti kollu, inkluż it-tmexxija reliġjuża u politika. Il-partiti politiċi kollha—kemm ta’ ġewwa kif ukoll ta’ barra l-Parlament—huma magħqudin fl-għajta tagħhom għall-paċi u l-prosperità fil-Palestina u f’Gaża.  

Malta qiegħda tipprattika l-proverbju antik: “A friend in need is a friend indeed.” Il-ġest ħanin u kuraġġuż ta’ Malta huwa att b’saħħtu ta’ ħbiberija u solidarjetà mal-poplu Palestinjan, li ilu jġarrab sofferenzi u inġustizzji kbar għal deċennji sħaħ.

Ir-relazzjoni bejn Malta u l-Palestina

Mil-lat storiku, Malta dejjem kellha relazzjonijiet mill-qrib u b’saħħithom mal-poplu Palestinjan, speċjalment minn wara l-indipendenza tagħha. Matul dawn is-snin, Malta offriet għajnuna politika, diplomatika u umanitarja lill-Palestina, u dejjem qamet għall-okkażjoni kull meta kien hemm bżonn.

B’dan l-aħħar ġest, Malta għal darba oħra wriet li tinsab fuq in-naħa t-tajba tal-istorja u hi ħabiba ġenwina u kredibbli fi żmien ta’ bżonn.

Malta wriet li minkejja li hija pajjiż żgħir, dan ma jnaqqasx il-kuraġġ tagħha biex tissielet għall-umanità u bla dubju għandha tħeġġeġ pajjiżi Ewropej oħra ferm akbar minnha biex isegwu fil-passi tagħha; fil-fatt kien hemm uħud li diġà ħabbru s-sapport tagħhom.  

Ejjew inkunu l-ambaxxaturi tal-paċi

Ejjew inkunu kollha delegati u ambaxxaturi tal-paċi, tan-nuqqas ta’ vjolenza, tal-armonija, tal-fraternità universali, tad-drittijiet umani, u tal-ġustizzja.

Ejjew inkunu magħqudin u naħdmu b’entużjażmu għal dan l-għan nobbli, u ejjew nużaw il-pjattaforma tal-assemblea ġenerali li jmiss tal-Ġnus Magħquda biex ngħollu leħinna għalenija għall-Palestina u nikkonvinċu ħafna aktar pajjiżi biex iħabirku għall-kawża Palestinjana.

Ħafna pajjiżi diġà wrew il-fehma tagħhom, għaldaqstant huwa l-aqwa żmien biex nipperswadu oħrajn biex jingħaqdu flimkien għall-Palestina u jkunu mberkin, hekk kif stqarr Ġesù b’mod sabiħ, “Imberkin dawk li jaħdmu għall-paċi.”

Il-messaġġ ta’ paċi u rikonċiljazzjoni huwa wkoll mogħti importanza kbira fil-Koran Imqaddes, fejn Alla Omnipotenti jiggwidana li, “Ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi huma l-aqwa.” Li tikkonsolida d-drittijiet umani universali u t-twaqqif tal-paċi hija responsabbiltà ta’ dawk kollha li jemmnu fl-umanità u fil-valur tal-ħajja.

Il-President Emeritu Guido de Marco

Ir-relazzjoni bejn Malta u l-Palestina għandha għeruq sodi li nibtu matul is-snin u kattru ħbiberija soda miż-żewġ naħat.

Minn meta ġejt Malta, jiena esperjenzajt mill-qrib dan ir-rispett u ħbiberija reċiproka. Fl-2010, kelli l-unur li niltaqa’ mal-President Emeritu, L-Eċċellenza Tiegħu, Guido de Marco, politiku ta’ ħila kbira u li kien iħobb ’l-umanità, li kien il-mistieden ewlieni f’konferenza ta’ paċi organizzata mill-Komunità Ahmadiyya Musulmana.

Matul l-indirizz tiegħu, huwa tħaddet fit-tul dwar l-importanza tal-paċi fil-Palestina u fir-reġjun tal-madwar, u huwa semma xi fatturi importanti ħafna biex tinkiseb il-paċi f’dawk iż-żoni, inkluż ir-rikonoxximent tal-Palestina bħala stat indipendenti. Din ir-relazzjoni għadha għaddejja sal-ġurnata tal-lum.  

Nuri l-gratitudni immensa tagħna

Il-gratitudni hija virtù nobbli u aħna mistennija li nkunu grati ma’ xulxin, il-għaliex wieħed ma jistax iħares id-drittijiet ta’ Alla mingħajr ma jħares id-drittijiet tal-bnedmin. Il-Qaddis Profeta  Muħammad, is-sliem għalih, għallimna li meta wieħed ma jkunx grat lejn in-nies ma jistax ikun grat lejn Alla. Aħna mfakkrin li rridu nirringrazzjaw lil dawk li jservu lill-umanità, u li rridu nuru l-gratitudni tagħna għal kull att ta’ tjubija.  

Għaldaqstant, minħabba dan kollu, b’sinċerità profonda, nixtieq nuri l-gratitudni immensa tagħna lejn Malta u t-tmexxija tagħha talli niżżlu isimhom fl-istorja billi appoġġjaw il-poplu Palestinjan f’dan il-perjodu kritiku u deċiżiv.

L-umanità l-ewwel

Bla dubju ta’ xejn, Malta wriet għal darb’oħra li għandha qalb tad-deheb li tħabbat għall-ġid tal-umanità. Malta reġgħet uriet li għandha impenn qawwi favur id-drittijiet umani, id-dinjità u l-ġustizzja. Uriet li iva, “a friend in need is a friend indeed”; iva aħna ngħożżu l-umanità; iva aħna nħossu l-uġigħ tal-batuti u ta’ sħabna l-bnedmin vulnerabbli; iva nirrispettaw il-valuri tal-umanità u naġixxu bil-kompassjoni; iva aħna nemmnu fil-prinċipju li “l-umanità l-ewwel”; u iva aħna nuru l-ħbiberija u s-solidarjetà tagħna.  

Jiena nitlob u nittama li ħafna aktar pajjiżi jimxu wara l-eżempju kuraġġuż ta’ Malta; u bis-saħħa ta’ għaqal kollettiv u sforzi magħquda, nistgħu naħdmu favur il-paċi, is-sigurtà, il-ġustizzja u l-prosperità għall-poplu tal-Palestina.

Proset, Malta. Grazzi, Malta.

Proset, Malta. Grazzi, Malta. Filwaqt li ħafna pajjiżi kbar, b’saħħithom, influwenti u mimlija riżorsi qagħdu jaħsbuha, inti għamilt pass kuraġġuż u ta’ prinċipju. Permezz t’hekk, inti għollejt sewwa l-livell u tajt eżempju brillanti li għandhom isegwuh oħrajn.

Jalla Alla jkompli jippremja lil din il-gżira sabiħa tagħna bil-benedizzjonijiet, barkiet, ħniena u grazzja għal dejjem. Ammen.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.