Caring for pregnant women: A moral and spiritual responsibility

Photo: Zurijeta/Shutterstock.com

Nieħdu ħsieb lin-nisa tqal:  Responsabbiltà morali u spiritwali

In-Nazzjon, 20.08.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif, President Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta amjmalta@gmail.com

Studju riċenti ppubblikat mill-Malta Medical Journal kixef riżultati inkwetanti ferm dwar il-vjolenza kontra n-nisa tqal. Fis-servej ipparteċipaw 85 mara — li minnhom 40 (47%) irrapportaw li esperjenzaw abbuż psikoloġiku, verbali, fiżiku, jew sesswali mill-partners tagħhom tul it-tqala.

L-informazzjoni nġabret fil-Perinatal Mental Health Clinic f’Malta bejn Frar u Mejju 2021. Dan l-istudju jenfasizza l-ħafna forom differenti ta’ vjolenza — ħafna drabi moħbija — li jsofru minnhom in-nisa mill-partners intimi tagħhom matul wieħed mill-aktar perjodi vulnerabbli fil-ħajja tagħhom.

Kull tip ta’ vjolenza li sseħħ kontra kwalunkwe persuna hija kemm inaċċettabbli kif ukoll moralment kundannabbli. Hija inumana, tagħmel ħsara irreparabbli u ħafna drabi tħalli feriti emozzjonali dejjiema.

Madanakollu, meta l-vjolenza ssir fuq nisa tqal, l-att jinvolvi aktar u aktar uġigħ — il-għaliex mhux biss jagħmel ħsara lill-mara iżda jaffettwa wkoll il-ħajja li qiegħda ġġorr. Meta l-abbuż terġa’ jsir mill-persuna li suppost tieħu ħsiebha u tipproteġiha, l-impatt ikun pjuttost devastanti.

Il-perspettiva Iżlamika fuq it-tqala u l-kompassjoni

L-Iżlam jagħmel enfasi enormi fuq id-dinjità, il-benesseri u l-ħarsien tan-nisa b’mod ġenerali, u aktar u aktar tul it-tqala u t-treddigħ. Mara tqila mhux biss tkun qed tieħu ħsieb ħajjitha imma tkun qed tipproteġi wkoll ħajja oħra. L-Iżlam jgħallem li din ir-responsabbiltà sagra teħtieġ aktar kura, kompassjoni u attenzjoni — emozzjonalment, fiżikament, psikoloġikament, u medikament.

Iż-żmien tat-tqala huwa żmien delikat. Mara tgħaddi minn tibdiliet u sfidi kbar — fl-ormoni, emozzjonalment u fiżikament — li jeħtieġu ħafna fehim u sapport. L-Iżlam jirrikonoxxi din ir-realtà u jinkoraġġixxi ħafna ħniena u paċenzja man-nisa tqal.

Kull kelma, azzjoni, u stress emozzjonali li hija tesperjenza jistgħu jaffettwaw lilha u lit-tarbija fil-ġuf. L-abbuż tul it-tqala mhux biss huwa vjolazzjoni tad-drittijiet tagħha iżda wkoll theddida serja għas-saħħa tat-tarbija.

Barra minn hekk, l-abbuż psikoloġiku jew fiżiku matul it-tqala jista’ jwassal għal ansjetà wara t-twelid, dipressjoni u trawma emozzjonali li ttul ħafna. Dan huwa għaliex it-tagħlim Iżlamiku jagħmel enfasi kbira fuq is-sapport li għandhom jingħataw in-nisa tul dan il-vjaġġ.

Kura fiżika, emozzjonali u spiritwali

L-Iżlam jipprovdi gwida komprensiva għal nisa tqal u dawk li jkunu qed ireddgħu. Din tinkludi bżonnijiet nutrittivi, sapport emozzjonali u saħansitra għajnuniet spiritwali.

Pereżempju, l-Iżlam jippermetti l-eżenzjonijiet mis-sawm waqt ir-Ramadan għal nisa tqal u dawk li jkunu qed ireddgħu biex jassigura li saħħithom u l-benesseri tagħhom ma jintlaqtux ħażin. Din l-eżenzjoni mhijiex kastig jew piż iżda rikonoxximent divin tal-ħtiġijiet uniċi tat-tqala u tat-treddigħ.  

Anki waqt il-mestrwazzjoni, l-Iżlam jippermetti lin-nisa waqfa mis-sawm u t-talb, il-għaliex jirrikonoxxi l-iskumdità fiżika u l-vulnerabbiltà tagħhom. Dawn l-ordnijiet huma riflessjoni ta’ għerf u mogħdrija divina, li jixhdu li n-nisa għandhom jiġu ttrattati b’ġentilezza, għożża u dinjità.

Ittrattaw lin-nisa b’ġentilezza

Il-Koran Imqaddes jgħid: “Ittrattawhom (lin-nisa) tajjeb, b’ġentilezza; u jekk idejqukom, jista’ jkun li qed iddejjaqkom xi ħaġa li Alla qiegħed fiha ħafna tieba.” (4:20)

Dan il-vers iħaddan b’mod sabiħ l-ispirtu tat-tagħlim Iżlamiku: l-irġiel huma mħeġġa biex mhux biss jittrattaw lin-nisa tagħhom sew iżda wkoll li ma joqogħdux ifettqu fuq id-difetti u juru mħabba kostanti, anki f’mumenti ta’ tilwim jew diffikultajiet.

L-aqwa fostkom

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, kien eżempju ċar ta’ dan il-livell ta’ trattament. Huwa stqarr: L-aqwa fostkom huwa dak li jittratta l-aħjar lill-mara tiegħu.”

Darba minnhom, wieħed dixxiplu staqsa lill-Profeta dwar ir-responsabbitajiet tiegħu lejn martu. Il-Profeta wieġbu: Itmagħha minn dak li tiekol int, libbisha bħalma tilbes int. Qatt issawwatha, u qatt tgħajjarha.”

Dan il-kliem imur lil hinn minn forniment materjali bażiku. Dan il-kliem iqis ir-rispett, l-empatija, u l-ugwaljanza, valuri li jinsabu fil-qalba ta’ żwieġ b’saħħtu. Il-mara mhijiex qaddejja jew sudditu; hija s-sieħba tul il-ħajja, kumpann, u ħafna drabi omm l-ulied ta’ dak li jkun. L-Iżlam iħeġġeġ relazzjoni mibnija fuq ir-rispett reċiproku, il-ħniena u l-mogħdrija — bħall-irbit bejn l-aqwa żewġt iħbieb.

Sejħa għar-responsabbiltà u l-mogħdrija

Jiena nemmen sinċerament li ż-żwieġ għandu jinbena fuq il-fehim, il-maħfra, u l-imħabba. Il-miżżewġin għandhom iħabirku biex jiffokaw fuq il-ħiliet ta’ xulxin u ma jagħtux importanza lid-difetti ta’ xulxin, għax ħadd mhu perfett.

Madanakollu, l-irġiel, b’mod partikolari, huma mogħtija r-responsabbiltà li jmexxu b’għożża. Matul it-tqala jew il-mestrwazzjoni jew iż-żmien tat-treddigħ, l-irġiel għandhom ikunu aktar sensittivi, u joffru aktar imħabba, paċenzja u għajnuna lin-nisa tagħhom.

Dan it-trattament tajjeb mhux biss jgħin lill-mara fil-vjaġġ tagħha iżda joħloq ambjent san għat-tarbija, iġib il-paċi u l-armonija fid-dar, u jikkontribwixxi għall-ġid totali tal-familja kollha.

Ejja lkoll nirriflettu dwar dan il-messaġġ ta’ kompassjoni li jista’ jitnissel kemm mill-fidi, mill-etika jew minn umanità bażika, u nħabirku biex nassiguraw li l-ebda mara ma ssofri fis-silenzju, speċjalment matul wieħed mill-aktar vjaġġi sagri tal-ħajja: il-maternità.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.