Guiding Principles for Lasting Peace, Happiness and Contentment

Photo: Kingmaya Studio/Shutterstock.com

Linji gwida għall-paċi dejjiema, il-kuntentizza u s-sodisfazzjon

It-Torċa, 24.08.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

Dan l-aħħar kellna d-diskussjoni dwar l-ewtanasja f’pajjiżna. Kull darba wara xi żmien jew perjodu partikolari nibdew niddiskutu xi suġġett differenti. Darba nibdew id-diskussjoni dwar l-abort, xi darba dwar il-kannabis, xi darba dwar il-kaċċa u xi darba dwar l-ewtanasja, biex insemmi biss ftit.

Din mhix xi ħaġa unika għal pajjiżna; l-istess xejra hija osservata madwar id-dinja. Kull tant żmien, jitfaċċa suġġett ġdid li jqanqal dibattitu jew jiddefinixxi mill-ġdid il-fehim tagħna tad-drittijiet—kemm jekk tkun l-ewtanasja, l-abort, jew kwistjoni oħra.

Fl-opinioni tiegħi, naħseb li dan juri li aħna bħala l-bnedmin m’aħniex kuntenti u fil-paċi, u aħna qegħdin f’ taqbida kontinwa biex insibu l-paċi vera, is-serħan tal-moħħ, l-hena, il-kuntentizza u s-sodisfazzjon.

Dan juri wkoll li s-soċjetà tal-lum mhix kuntenta biżżejjed, għalhekk, dejjem tidher bieżla fid-diskuzzjoni dwar suġġetti vari sabiex issib il-paċi vera u dejjiema. Is-soċjetà hija fi sforz kontinwu għall-ksib tas-sliem.

Id-drittijiet u d-dmirijiet

Mill-banda l-oħra, dan juri wkoll li l-umanità tiffoka iktar fuq id-drittijiet minflok id-dmirijiet. Dejjem nixtiequ iktar u iktar, dejjem nixtiequ li jkollna iktar minn dak li għandna; iżda, ninsew ta’ spiss li għandna xi responsabbiltajiet ukoll fuq spallejna.

Naħseb li dan l-approċ mhuwiex approċ validu. L-isforzi kollha magħmula mill-bniedem, matul l-istorja tal-umanità, qatt ma kienu tassew produttivi sal-punt li xtaqu s-soċjetà u l-umanità. Naħseb li l-iżball li l-bniedem jagħmel għall-ksib tal-paċi huwa li minflok li jitgħallem il-modi minn sors veru—Alla l-Ħanin— hu jivvinta metodi ġodda biex jikseb dan il-għan.

Metodi magħmula mill-bniedem biex jikseb paċi dejjiema

Nemmen li l-isforzi magħmula mill-bniedem waħedhom ma jistgħux jagħtu frott pożittiv u kif mixtieq jekk ma jkunux akkumpanjati mill-barkiet divini. Nemmen li, il-mezzi veri tal-hena huma dawk li Alla spjegalna, għax, Hu biss huwa l-aktar għaref; u l-għarfien tal-bnedmin huwa limitat.

Għax ma jistax ikun li Alla ħalaq il-bniedem, ħalaq għatx għat-tjieba, il-ferħ, il-kuntentizza, il-paċi u s-sliem u ma pprovdiex mezzi għalihom. Tassew, Alla jiggwidana bil-kelma tiegħu u permezz tal-profeti tiegħu għall-ksib ta’ dawn l-għanijiet.

Illum nixtieq li nippreżenta xi mezzi u modi li verament iwassluna sal-paċi mixtieqa, u biex niksbu s-serħan tal-moħħ, l-hena u l-kuntentizza dejjiema.

It-tifkira ta’ Alla

L-ewwel u qabel kollox, il-qofol tal-mezzi kollha huwa kif Alla l-Ħanin jispjega fil-Koran Imqaddes li, “Dawk li jemmnu, u qlubhom isibu serħan fit-tifkira ta’ Alla. Tabilħaqq, li fit-tfakkir ta’ Alla jsibu s-serħan tagħhom il-qlub.” (13:29) Dan huwa elaborat aktar billi, “it-tifkira ta’ Alla tassew hija l-akbar virtù.” (29:46)

Jiġifieri, it-tifkira ta’ Alla hija l-akbar ħaġa li tista’ twasslek għall-paċi u s-sliem; u tista’ tagħmlek tassew paċifiku u trankwill, u hija l-ogħla mezz u prinċipju għat-tiksib tal-kuntentizza vera, dejjiema u sostenibbli.

Huwa għalhekk li l-Iżlam jagħmel enfasi kostanti fuqha, u nsibu tfakkiriet frekwenti dwarha fil-Koran Imqaddes, pereżempju, ‘ftakar fl-isem ta’ Sidek filgħodu u filgħaxija’. (76:26)

Is-servizz għall-umanità

It-tieni, is-servizz għall-umanità u li naqdu lil ħutna l-bnedmin huwa wkoll mod mill-aqwa biex niksbu s-sliem ġewwa qlubna. Alla l-Ħanin jispjega fil-Koran Imqaddes (3:111) il-karatteristiċi li jagħmluna uniċi fil-ħolqien li huma, is-servizz għall-umanità, tistinkaw għat-tjubija, tevitaw il-ħażen, u temmnu f’Alla.

Il-Koran Imqaddes jiddikjara li: “Jitimgħu lill-fqar, ’l-orfni u ’l-imjassrin għall-imħabba ta’ Alla, u jassigurawhom: Nitimgħukom biss għas-sodisfazzjon ta’ Alla.” (76:9-10)

Din il-kawża nobbli għas-servizz għall-umanità għandha tkompli jekk nixtiequ li qlubna jiksbu l-paċi dejjiema.

Kieku niffokaw aktar fuq li nagħtu milli nieħdu, id-dinja ssir post mill-isbaħ — mimli ħajja, ferħ, sodisfazzjon u paċi.

Il-moderazzjoni u s-sempliċità

Il-moderazzjoni hija wkoll virtù u mod mill-isbaħ biex wieħed jasal għall-bir li jista’ jimlieh bil-ferħ u s-sliem. Għalhekk, Alla jgħid lill-bnedmin biex dejjem ikunu moderati u jgħid li, ‘kulu u ixorbu iżda dejjem b’moderazzjoni; tassew Alla ma jħobbx lil dawk li ma jqisux il-moderazzjoni’. (Il-Koran, 7:32)

Barra minn hekk jgħid li anke għandhom jieħdu ħsieb meta jonfqu, la jkunu estravaganti u lanqas xħaħ iżda jkunu moderati bejn it-tnejn. (25:68)

Meta nsibu bilanċ fil-qligħ u l-infiq tagħna, fid-drittijiet u fir-responsabbiltajiet soċjali u umanitarji tagħna, u fil-bżonnijiet u x-xewqat tagħna, nevitaw li npoġġu piżijiet bla bżonn fuq ruħna. Dan il-bilanċ jgħinna nirreżistu r-regħba u l-egoċentriżmu, u jippermettilna nsiru aktar umli u umani — u dan, żgur, iwassal għal ħajja aktar paċifika.

Barra minn hekk, li ngħixu ħajja ta’ sempliċità, li nagħtu kas tal-oħrajn, li nżuru l-morda, u li ngħinu lil dawk fil-bżonn huma kollha aspetti profondament importanti għat-tfittxija tagħna għall-paċi.

Ħajja tal-familja

Ħajja tal-familja b’saħħitha hija prinċipju ewlieni fl-Iżlam, li jqis il-familja bħala l-punt ċentrali tal-iżvilupp spiritwali, morali u soċjali. Il-Koran Imqaddes spiss jenfasizza l-importanza tal-familja—joffri gwida dwar kif it-tfal għandhom jittrattaw lill-ġenituri tagħhom b’qalb tajba, u jagħti struzzjonijiet lill-ġenituri fir-responsabbiltajiet tagħhom lejn uliedhom.

Jekk il-paċi tista’ tiġi stabbilita fil-familja, naturalment testendi għal soċjetà usa’. Kull individwu—kemm il-ġenituri kif ukoll it-tfal—għandu rwol x’jaqdi fit-trawwim ta’ din il-paċi.

Meta l-prinċipji kollha msemmija hawn fuq — mit-tifkira ta’ Alla sas-servizz lill-umanità u ż-żamma ta’ ħajja familjari sana — jitpoġġew fil-prattika, żgur li jwasslu għal ħajja ta’ sodisfazzjon, kuntentizza, u paċi kemm f’din id-dinja kif ukoll fil-Ħajja ta’ Wara.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article, www.Ahmadiyya.mt and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.