Photo: Aisylu Ahmadieva/Shutterstock.com
Ngħixu kliemna: It-triq tas-sinċerità u l-integrità
It-Torċa, 31.08.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
“L-azzjonijiet jitkellmu aktar mill-kliem.” Dan il-proverbju magħruf jixhed verità li tidher profondament fit-tagħlim tal-Iżlam. Il-kliem biss, irrispettivament minn kemm ikun sabiħ jew persważiv, ftit li xejn għandu valur sakemm ma jkunx appoġġjat minn azzjoni sinċiera. F’għajnejn Alla, mhux dak li ngħidu, iżda dak li nagħmlu, li verament jimporta.
Dan ma jfissirx li d-diskors tajjeb m’għandux valur, iżda, dan ifisser li meta nagħmlu klejms kbar għal xi ħaġa u ma nagħmlux u ma nwettqux dak li wegħedna huwa għal xejn, u ma jiswa xejn. Dan ifisser ukoll li meta nistennew imġiba tajba minn ħaddieħor, l-ewwel irridu nagħmluha aħna.
Il-gwida tal-Koran dwar l-integrità
Alla li Jista’ Kollox jindirizza direttament din il-kwistjoni fil-Koran Imqaddes u jgħid: “Intom li temmnu, għaliex tgħidu dak li ma tagħmlux? L-aktar ħaġa ta’ mibegħda quddiem Alla, hija li tgħidu dak li ma tagħmlux.” (Koran Imqaddes, 61:3-4)
Dan il-vers qawwi jenfasizza d-diżapprovazzjoni severa li Alla għandu għal dawk li jagħmlu stqarrijiet mingħajr ma jwettqu. L-Iżlam ma jippermettix diskors vojt jew wegħdiet ta’ ftaħir li mhumiex akkumpanjati minn azzjoni. Fil-fatt, imġiba bħal din hija karatteristika ta’ ipokresija, u mhux ta’ min verament jemmen jew ta’ fidil veru.
Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, wissa dwar din il-kontradizzjoni fil-karattru ta’ persuna u qal: “Is-sinjali ta’ ipokrita huma tlieta: meta jitkellem, jigdeb; meta jagħmel wegħda, jiksirha; u meta jiġi fdat, jittradixxi l-fiduċja.”
L-allinjament tal-istat intern ta’ persuna ma’ azzjonijiet esterni
It-tagħlim Iżlamiku jenfasizza b’mod konsistenti l-importanza tal-integrità, is-sinċerità, u l-allinjament tal-istat intern ta’ persuna ma’ azzjonijiet esterni. Mhux biżżejjed li sempliċement titkellem tajjeb jew tgħid li tagħder — dawn l-istqarrijiet iridu jiġu riflessi fl-imġiba tagħna u ppruvati permezz tal-isforzi.
Dar sabiħa fuq il-karta…
Biex nispjegaw dan il-punt: jekk xi ħadd ipinġi dar sabiħa fuq il-karta iżda qatt ma jibniha, jista’ jgħix fiha? Ma jimpurtax kemm hu perfett id-disinn, ma jservi għal xejn jekk jibqa’ ma jintlaħaqx jew ma jseħħx.
Bl-istess mod, il-mexxejja globali jistgħu jagħmlu diskorsi mill-aqwa dwar il-ġustizzja u l-paċi — iżda jekk l-azzjonijiet tagħhom ma jirriflettux kliemhom, dawk il-wegħdiet jibqgħu vojta.
Bl-istess mod, li tgħid li tappoġġja l-paċi f’postijiet bħal Gaża ma tfisser xejn jekk ma jkunx hemm azzjoni biex twaqqaf l-aggressjoni jew iġġib serħan lill-oppressi. L-Iżlam jgħallem li bidla reali teħtieġ sforz reali.
Il-bidla reali teħtieġ sforz reali
Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana jispjega dan b’mod sabiħ u jgħid: “Il-biża’ vera ta’ Alla titlob li persuna teżamina l-grad sa fejn kliemha u azzjonijietha jaqblu ma’ xulxin. Bniedem li kliemu u azzjonijietu huma f’kunflitt ma’ xulxin għandu jkun jaf li se jġarrbu l-korla ta’ Alla.”
Huwa kompla jħeġġeġ biex nagħmlu l-istess għalina nfusna minn ġewwa u minn barra — għax qalb mimlija pretenzjoni ma tistax taqla’ l-pjaċir ta’ Alla, irrispettivament minn kemm jista’ jinstema’ pur il-kliem.
Nies ta’ kalibru għoli
Bħala fidili, aħna għandna dejjem nagħmlu eżami tagħna nfusna; eżami tal-koxjenza tagħna. Qegħdin ngħixu l-valuri li ngħidu li għandna? Qegħdin naġixxu fuq il-kliem li ngħidu fit-talb tagħna, fil-wegħdiet tagħna, u fl-interazzjonijiet tagħna ma’ ħaddieħor?
Alla ma jaċċettax paroli biss. Huwa jixtieq qlub sinċiera u għemejjel tajbin. Meta d-diskors u l-azzjonijiet tagħna jallinjaw, mhux biss naqilgħu l-pjaċir ta’ Alla, iżda nsiru wkoll individwi ta’ min jafdahom u rispettati fis-soċjetà. Insiru nies ta’ kalibru għoli fis-soċjetajiet tagħna.
Għalhekk, huwa essenzjali li naħdmu biex ‘inwettqu dak li ngħidu’ u ‘nittraduċu kliemna f’azzjonijiet’. Irridu nduru lejn it-tagħlim ta’ Alla, li jipprovdi kodiċi sħiħ ta’ kondotta għal ħajjitna. Jekk verament nemmnu f’Alla, l-għemejjel tagħna għandhom jirriflettu dak it-twemmin. Bl-istess mod, jekk ngħidu li aħna dawk li jixtiequ l-ġid lill-umanità, dik l-istqarrija trid tkun appoġġjata minn azzjonijiet sinċiera u sinifikanti.
Il-fidi u l-għemejjel virtużi
Aċċettazzjoni verbali sempliċi ta’ Alla mhijiex biżżejjed. Se niksbu l-għajnuna u l-qrubija Tiegħu biss meta nsegwu t-tjieba vera u ninvolvu ruħna b’mod attiv f’għemejjel virtużi.
Huwa wkoll importanti li nifhmu li sempliċement nastjenu mill-ħażen mhuwiex it-twemmin kollu kemm hu—għandu jkun akkumpanjat minn progress konsistenti fil-virtù. Hekk kif il-ġisem jeħtieġ nutriment, ir-ruħ tiddependi kemm fuq li tevita d-dnub kif ukoll li tadotta t-tjubija.
It-tkabbir spiritwali huwa taqbida kontinwa. Kull wieħed u waħda minna għandu jivvaluta regolarment il-kundizzjoni tiegħu: X’għandna nagħmlu biex nimxu ’l quddiem spiritwalment? Kif nistgħu nilħqu l-istandard mistenni ta’ tjieba u virtù? U liema responsabbiltajiet inġorru f’dan il-vjaġġ?
Mulejja mexxina fit-triq it-tajba
Nagħlaq bil-kliem sabiħ tal-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana li jispjega dan iktar u jgħid li: “Tabilħaqq, wieħed irid jitbiegħed mill-ħażen iżda fl-istess ħin wieħed irid iwettaq għemejjel ġusti, il-għaliex mingħajrhom m’hemmx salvazzjoni. L-Iżlam ma jwassalx lill-bniedem sa dan l-istadju u jħallih hemm, iżda jkun jixtieq li jaqdi żewġ għanijiet, jiġifieri li jiċħad il-ħażen kollu u li jwettaq azzjonijiet tajbin bil-ħerqa kollha. Sakemm wieħed ma jkollux dawn iż-żewġ kwalitajiet ma jistax jikseb is-salvazzjoni vera.”
Jalla Alla jagħtina l-abbiltà li ngħixu skont dak li ngħidu, li nippurifikaw l-intenzjonijiet tagħna, u li naġixxu b’sinċerità u ġustizzja fl-affarijiet kollha. Mulejja, agħmel l-istat ġewwieni tagħna aħjar mill-istat ta’ barra tagħna, u dejjem mexxina fit-triq it-tajba. Ammen.