Photo: Iconbunny11/Shutterstock.com
It-Torċa, 07.09.2025| Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Għaliex id-dinja mhix fil-paċi? Għaliex hemm għadd kbir ta’ problemi fi kważi kull rokna tad-dinja? L-umanità qatt mhu se tara d-dawl tal-paċi vera? Qatt se titla’ x-xemx tal-paċi, titfa’ s-sebħ tagħha fis-smewwiet tad-dinja mnikkta tagħna?
Minkejja l-progress notevoli fix-xjenza, it-teknoloġija, u l-komunikazzjoni, it-tbatija umana tkompli tinfirex. Il-gwerer joktru, l-inġustizzja tipprevali, u miljuni huma spostati, imsikkta, jew minsija. Għaliex il-mibegħda għadha tirbaħ fuq il-kompassjoni? Għaliex l-inġustizzja tant drabi ssikket il-leħen tal-innoċenti?
Forsi d-dinja mhix fil-paċi għax il-ġustizzja għadha ma ġietx stabbilita. Fejn il-ġustizzja hija assenti, il-paċi ma tistax tikber. Il-paċi vera mhix sempliċement in-nuqqas ta’ gwerra—hija l-preżenza ta’ ġustizzja, dinjità, ugwaljanza, u rispett għal kull ħajja umana.
Dinja ġusta, dinja paċifika
Jekk nittamaw li nibnu dinja paċifika, l-ewwel irridu nibnu waħda ġusta. Din mhix biss ir-responsabbiltà tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet, iżda wkoll ta’ kull individwu li jemmen f’għada aħjar. Il-ġustizzja hija r-responsabbiltà komuni tal-umanità kollha, ta’ kull individwu. Madankollu, il-piż akbar jaqa’ fuq il-mexxejja dinjija u n-nazzjonijiet b’saħħithom, fi proporzjon mar-riżorsi, il-ġid u l-influwenza li għandhom.
Fis-sens l-aktar veru tagħha, il-paċi titwieled mill-ġustizzja. Fi kliem ieħor, il-ġustizzja hija omm il-paċi. Mingħajr ġustizzja, il-paċi ma tistax teżisti. Jekk id-dinja hija mimlija inġustizzja, huwa għalxejn li noħolmu bil-paċi.
Għalhekk, minħabba l-importanza immensa tal-ġustizzja u l-ekwità, Alla l-Ħanin u s-Sors tal-Paċi mhux biss għallimna dwar il-ġustizzja perfetta, iżda enfasizzaha ripetutament. Il-Koran Imqaddes, li huwa l-kelma ta’ Alla, huwa mimli bit-tagħlim tal-ġustizzja.
Il-ġustizzja twarrab l-inġustizzja
Alla jippreżenta l-prinċipju tad-deheb f’dan ir-rigward li jekk nixtiequ nneħħu l-inġustizzji kollha mis-soċjetajiet tagħna allura għandna dejjem nagħżlu l-ġustizzja. Għax, it-tajjeb ikattar lilu nnifsu u għandu l-kwalità li jisboq, jew iwarrab, il-ħażen. “Ċertament li l-għemejjel ġusti jwarrbu lill-għemejjel inġusti; (il-Koran, 11:115).” Bl-istess mod, it-tjubija tal-ġustizzja se twarrab il-ħażen tal-inġustizzja mis-soċjetajiet tagħna li fl-aħħar se jirriżulta fil-bini tal-paċi u l-prosperità.
Iżda, x’inhu l-livell ta’ ġustizzja mistenni mill-Iżlam? F’Kapitlu 4, Vers 136, il-Koran Imqaddes jgħid li saħansitra jekk ikollok tixhed kontra tiegħek innifsek, il-ġenituri jew il-maħbubin tiegħek, għandek tagħmel dan biex b’hekk issir ġustizzja u tiġi mħarsa l-verità.
Din hi l-veru ġustizzja fejn l-interessi personali jiġu mwarrba fil-ġenb għall-ġid komuni.
Il-prinċipju Iżlamiku li wieħed jagħti xhieda tal-verità anke kontra tiegħu nnifsu jew kontra qrabatu, huwa l-istandard tad-deheb tal-ġustizzja, li huwa mistenni f’kull livell ta’ interazzjoni umana.
Ġustizzja mal-għedewwa
Punt eċċellenti ieħor ippreżentat mill-Iżlam f’dan ir-rigward huwa li, dejjem inkunu ġusti, anke kontra l-għedewwa. Għax il-ġustizzja tqattar il-ġid, il-paċi, is-serħan, is-sliem, id-dinjità u r-rispett, iżda, mill-banda l-oħra, l-inġustizzja toħloq il-mibegħda, l-għadwa u r-rivalità.
Jekk id-dinja tadotta dan il-prinċipju, tista’ sseħħ rivoluzzjoni globali. Ir-relazzjonijiet internazzjonali kif narawhom illum huma mimlija vendetta u ritaljazzjoni. Reazzjonijiet sproporzjonati u retribuzzjonijiet barbariċi qed isiru tant normali, u huwa għalhekk li l-mandat Koraniku ta’ ġustizzja assoluta, anke lejn l-għedewwa, hija xi ħaġa li l-umanità inġenerali tant teħtieġ b’mod iddisprat.
Il-Koran Imqaddes jistabbilixxi dan il-prinċipju tad-deheb b’ċarezza assoluta bħall-kristall, u jgħid: “Kunu sodi fil-kawża ta’ Alla, billi tagħtu xhieda b’sens ta’ ġustizzja; u tħallux il-mibegħda u l-għadwa ta’ poplu tqanqalkom biex taġixxu mod ieħor ħlief bil-ġustizzja. Kunu dejjem ġusti, għax hekk toqorbu lejn l-onestà u s-sewwa.” (5:9)
Kemm hu sabiħ tabilħaqq il-kmand tal-Koran Imqaddes ‘u tħallux l-għadwa ta’ poplu tqanqalkom biex taġixxu mod ieħor għajr bil-ġustizzja’. M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fl-azzjoni ġusta, u l-Musulmani u dawk li mhumiex Musulmani bl-istess mod huma intitolati bl-istess mod li jiksbu l-ġustizzja.
Photo: Corgarashu/Shutterstock.com
Nistabbilixxu l-ġustizzja f’kull livell
Il-Mexxej tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana spjega dan il-vers b’mod tajjeb u qal: “Dan huwa l-kmand li jiġi stabbilit l-istandard tal-ġustizzja fi kwistjonijiet personali u domestiċi kif ukoll kwistjonijiet soċjali, ikun xi jkun dak li jkun involut u bl-unika intenzjoni li wieħed ifittex il-pjaċir ta’ Alla li Jista’ Kollox.”
Xi wħud jistgħu jargumentaw li dawn il-prinċipji huma tassew sbieħ, imma huma prattiċi, jistgħu jiġu attwati? Qatt ġew implimentati fil-ħajja reali? It-tweġiba hija iva—dawn il-prinċipji mhux biss jistgħu jintlaħqu, imma ġew ipprattikati wkoll mill-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, matul ħajtu.
Eżempju tajjeb tal-Profeta
Darba kumpann tal-Profeta Muħammad, li kellu dejn ta’ erba’ dirhams lil raġel Lhudi, ġie mgħallem mill-Profeta Mqaddes biex iħallas id-dejn tiegħu immedjatament, anke jekk dan kien ifisser li jbigħ il-ħwejjeġ li kien liebes.
Kemm hu eżempju tajjeb li l-Profeta ma ħax in-naħa ta’ sieħbu, imma pprattika l-ġustizzja vera, anke meta kienet kontra niesu stess. Tabilħaqq, li nuru dan il-livell ta’ ġustizzja, imparzjalità, u newtralità huwa ħafna aktar faċli li jingħad milli jsir. Meta niġu għall-ġenituri, it-tfal, u membri oħra tal-familja tagħna stess, isir estremament diffiċli li nimplimentaw dan it-tagħlim u nipprattikaw dak li nippritkaw.
Allura kif nistgħu nkunu sodi bl-implimentazzjoni tal-ġustizzja vera?
Hemm mod wieħed biss kif nistgħu niksbu dan il-livell ta’ ġustizzja: Li nadottaw it-tjieba vera u nistabbilixxu relazzjoni personali ma’ Alla li Jista’ Kollox, għax, Alla biss jista’ jiggwidana u jgħinna nifhmu kif nimplimentaw il-ġustizzja vera fis-soċjetà.