Photo: Afrandee Bulan/Shutterstock.com
Taqwa (il-ġustizzja u l-pjetà), prerekwiżit għas-suċċess veru
Mingħajr ma jkun hemm titjib fis-saħħa spiritwali u għan biex tinkiseb it-taqwa, m’hemmx tama li jkun hemm avvanz.
Il-Qdusija Tiegħu, Ħażrat Mirża Masroor Aħmad, il-Mexxej Dinji tal-Ahmadiyya Muslim Jamaat, matul il-konvenzjoni annwali fil-Gran Brittanja, enfasizza ħafna dwar il-ġustizzja u l-pjetà. Il-Qdusija Tiegħu beda billi stqarr li s-sitwazzjoni instabbli attwali tad-dinja tista’ tħassibna ħafna, imma m’għandux ikun hekk li kieku d-dinja tiftakar li hemm Ħallieq, li ħoloq kollox u lil kulħadd.
Minkejja li l-bnedmin ingħataw il-ħila li jiddistingwu bejn it-tajjeb u l-ħażin, jidher li ħafna nies qed iduru għall-vizzji aktar milli għad-devozzjoni, mingħajr ma jirrealizzaw li xi darba se jkunu ġġudikati.
Min-naħa l-oħra, hemm dawk li jaffermaw li jemmnu f’Alla u fit-tagħlim divin Tiegħu, iżda għemilhom jikkontradixxi dak kollu li suppost jemmnu fih.
Biex wieħed isir kredent ġenwin, huwa importanti ħafna li wieħed jimxi fit-triq tat-taqwa (il-ġustizzja u l-pjetà).
Il-Qdusija Tiegħu ppreżenta kwotazzjonijiet mill-kitbiet tal-Messija Mwiegħedas, il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, biex juri l-importanza li wieħed ikun devot.
Il-Messija Mwiegħedas jiddikjara li Alla Omnipotenti wasslilna t-tagħlim tat-taqwa mill-bidu nett, permezz tal-Koran Imqaddes. B’hekk, in-nies ta’ din il-komunità għandhom jaraw li jfasslu ħajjithom fuq il-mogħdrija, is-sempliċità u l-umiltà. Permezz ta’ dan kollu aħna nkattru s-saħħa tagħna biex inkunu nistgħu neħduha kontra l-aggressjoni u r-rabja ta’ ħaddieħor. Dawn l-aggressjonijiet jiżdiedu meta xi ħadd iqis lilu nnifsu fuq l-oħrajn, iżda n-nies ta’ din il-komunità m’għandhomx iċekknu u jgħajru lil xulxin. Dawn il-karatteristiċi jbiegħdu lill-individwu mid-devozzjoni, u fl-aħħar nett minn Alla, u jwasslu għall-qerda tal-persuna nnifisha.
Għaldaqstant, in-nies għandhom jirrispettaw lil xulxin u m’għandhom jinsulentaw lil ħadd għaliex ir-riżultat jista’ jkun li dik il-persuna li twettaq dan tintlaqat mill-isfortuna aktar tard fil-ħajja. Għalhekk, skont il-Koran Imqaddes, fil-ġudizzju ta’ Alla, l-aktar stmati huma dawk li għandhom it-taqwa:
“Tabilħaqq, l-aktar nobbli minnkom quddiem Alla huwa dak l-aktar devot fostkom.” (Il-Koran, 49:14)
Il-Messija Mwiegħedas jiddikjara li Alla Omnipotenti dejjem qiegħed iħares allura, waqt li nżommu dan f’moħħna, għandna nippruvaw li ngħixu bit-taqwa. Dan iwassal ukoll għall-għarfien veru, li mhuwiex biss ta’ din id-dinja, iżda anki tal-Eternità. Għarfien dinji waħdu jista’ jsir bla użu mingħajr l-għarfien divin. Għaldaqstant, in-nies għandhom dejjem iħabirku biex jakkwistaw l-għarfien proprju.
Il-Messija Mwiegħedas ifisser li n-nur (dawl), fil-verità, huwa l-għarfien rivelat minn Alla, li jdawwal it-triq tagħna b’tali mod li mingħajru, persuna tkun qed timraħ fi dlam ċappa, b’konsegwenza li finalment hija taqa’ f’bir inċidentalment.
Il-Koran Imqaddes (35:11) jgħid li, “u l-għemejjel tajba Huwa jeżalta.”
Dawk li għandhom fidi qawwija, l-azzjonijiet tagħhom isiru aktar u aktar aċċettati minn Alla Omnipotenti u jsiru werrieta tal-barkiet Tiegħu.
Għandna nevitaw li nkażbru lil ħaddieħor. Mhux talli hekk, imma għandna nuru rispett anki fid-diskors tagħna u fir-relazzjonijiet mal-oħrajn. Dawn huma l-metodi kif wieħed jista’ jikseb it-taqwa.
Jekk ikun hemm gwerra atomika, il-qerda tkun devastanti. Għaldaqstant, għandna niffokaw fuq it-tfakkir ta’ Alla, nibqgħu nħabirku biex nakkwistaw it-taqwa, nibqgħu sodi fil-fidi, u nkomplu nittrattaw lill-oħrajn b’ġenerożità u b’rispett.