Photo: ESB Professional/Shutterstock.com
L-GĦAN U L-OBJETTIV TAL-ĦAJJA UMANA
It-Torċa, 14.09.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif — amjmalta@gmail.com
Kollox fid-dinja nħoloq bi skop u objettiv—anke l-invenzjonijiet magħmula mill-bniedem iservu funzjonijiet speċifiċi. Ilkoll nużaw mowbajls, kompjuters, u apparati oħra fid-dar; kien hemm xi wieħed minn dawn maħluq mingħajr skop? Lapes u ktieb jinstabu fi kważi kull dar—kienu magħmula u maħluqa mingħajr raġuni?
Anke l-iżgħar oġġetti, bħal labra, għandhom skop definit, għalhekk, m’għandniex nirriflettu fuq l-iskop tal-eżistenza tal-umanità fid-dinja? Jista’ jkun li l-ħolqien tagħna huwa mingħajr tifsira, jew hemm tabilħaqq objettiv ogħla?
Mistoqsija kritika li għandna nirriflettu fuqha
Din hija mistoqsija kritika li għandna nirriflettu fuqha. Sakemm aħna, bħala bnedmin, ma nifhmux l-iskop tal-ħolqien tagħna, ma nistgħux nagħmlu sforzi sinifikanti biex inwettquh. Għalhekk, l-ewwel responsabbiltà tagħna hija li nagħrfu r-raġuni għall-eżistenza tagħna. Ladarba nkunu għamilna dan, irridu naħdmu b’dedikazzjoni sħiħa u ma nħallu xejn barra fit-tfittxija tagħna għal dak l-għan.
Il-Fundatur tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana pprovda spjegazzjoni profonda dwar dan is-suġġett u elabora b’mod tajjeb ħafna li, għalkemm nies differenti, minħabba n-nuqqas ta’ viżjoni tagħhom jew minħabba n-nuqqas ta’ kuraġġ, joħolqu għanijiet diversi f’ħajjithom u jaslu biss sa skopijiet u xewqat tad-dinja, madanakollu l-għan li Alla l-Omnipotenti speċifika fil-Kelma Qaddisa Tiegħu huwa dan li: “Jiena ħloqt il-ġinni u l-bnedmin ħalli dawn jagħrfuni u jagħtuni qima.” (Il-Koran Imqaddes, 51:57)
Skont dan il-vers l-għan ewlieni tal-ħajja tal-bniedem huwa l-qima u l-għarfien ta’ Alla l-Omnipotenti u l-imħabba ġenwina lejh. Il-qima hawnhekk ma tfissirx biss atti ritwali bħat-talb u s-sawm, iżda li tgħix ħajja f’ubbidjenza sħiħa lejn il-kmandamenti ta’ Alla u ssir Tiegħu għalkollox.
It-tieqa ta’ qalb il-bniedem tinfetaħ lejn Alla
Huwa evidenti li mhux f’idejn il-bniedem li għandu jiddeċiedi dwar l-għanijiet ta’ ħajtu bis-setgħa tiegħu stess daqskemm il-bniedem ma jasalx f’din id-dinja bir-rieda tiegħu, u ma jitlaqx minnha meta jixtieq hu. Huwa esseri maħluq u Dak li ħolqu u għanieh b’fakultajiet aħjar u ogħla minn dawk ta’ kreaturi oħra ordna għan għal ħajtu.
L-iskop veru tal-parti tal-ġisem u l-fakultajiet interni u esterni li ngħataw lill-bniedem huwa l-fehim ta’ Alla u l-qima Tiegħu u l-imħabba Tiegħu. Huwa għalhekk li, minkejja li jokkupa ruħu bi proġetti diversi f’din il-ħajja, il-bniedem ma jsibx il-paċi u l-ġid veru tiegħu ħlief f’Alla.
Anke jekk il-bniedem ikollu ġid kbir, kariga għolja, jew ikun sar negozjant kbir, jew ikun mexxa saltna kbira, jew ikun magħruf bħala filosfu u edukatur kbir, fl-aħħar ma jsibx il-kuntentizza u l-paċi vera, u jħalli dawn l-impenji kollha b’dispjaċir kbir. Qalbu twissih kontinwament dwar il-preokkupazzjoni totali tiegħu bl-affarijiet tad-dinja u l-kuxjenza tiegħu qatt ma approvat attivitajiet bħal dawn.
Fil-qosor, l-iskop veru ta’ ħajja tal-bniedem huwa li t-tieqa ta’ qalbu tinfetaħ lejn Alla, il-Ħallieq tiegħu.
Meta l-umanità tagħraf, tħobb, u tifforma relazzjoni mill-qrib ma’ Alla, imbagħad biss in-nies jistgħu verament isegwu t-tagħlim u l-kmandamenti Tiegħu. Il-qima fl-Iżlam mhijiex limitata għal atti ritwali bħat-talb u s-sawm. Pjuttost, tinkludi l-għajxien ta’ ħajja f’ubbidjenza sħiħa lejn Alla—li tissottometti ruħek kompletament għar-rieda Tiegħu u ssir verament devot lejn Alla.
Imma x’inhuma l-kmandamenti ta’ Alla għall-umanità?
Wieħed mit-tagħlim ċentrali tal-Iżlam huwa l-enfasi fuq l-iżvilupp morali u spiritwali. Il-bnedmin huma maħluqa kemm b’potenzjal spiritwali kif ukoll morali, u l-ħajja hija opportunità biex tirfina r-ruħ. Il-Koran Imqaddes jiddikjara: “Min jippurifikaha tassew jirnexxi; u min jikkorrompiha jitħassar.” (91:10–11)
Dan il-vers jenfasizza li rridu naħdmu għall-purità interna—nikkultivaw kwalitajiet bħall-verità, il-paċenzja, l-umiltà, u l-ġustizzja. Dawn mhumiex biss ideali morali; huma miri essenzjali fil-vjaġġ spiritwali tagħna.
Il-konnessjoni bejn il-qima u l-purifikazzjoni tar-ruħ
F’dan il-punt, wieħed jista’ jistaqsi: X’inhi l-konnessjoni bejn il-qima ta’ Alla u l-purifikazzjoni ta’ lilek innifsek?
Irridu nifhmu li Alla huwa Qaddis u Pur, u Hu jimmanifesta ruħu biss fil-qlub li huma spiritwalment nodfa. Jekk verament nixtiequ nesperjenzaw il-preżenza ta’ Alla u niksbu l-imħabba Tiegħu, huwa essenzjali li nippurifikaw lilna nfusna. Qalb imtebbgħa bl-arroganza, il-mibegħda, jew l-inġustizzja ma tistax tkun dar għad-dawl divin. Għalhekk, is-safa u l-purifikazzjoni spiritwali huma fundamentali. Alla qatt ma jinżel fuq qlub u erwieħ mhux puri u safja.
Minbarra l-purità personali, l-istabbiliment tal-ġustizzja u t-tjieba fid-dinja huwa wkoll aspett fundamentali tal-ħajja umana. Skont il-Koran Imqaddes, il-bnedmin huma nominati bħala rappreżentanti ta’ Alla fid-dinja. Din ir-responsabbiltà nobbli teħtieġ li aħna:
- Inżommu l-ġustizzja fl-oqsma kollha tal-ħajja
- Nipproteġu l-ambjent
- Ngħinu lill-foqra u lil dawk fil-bżonn
- Nippromwovu l-paċi, l-ekwità, u l-armonija fost in-nies
Tħejjija għall-ħajja li jmiss
L-insegwiment ta’ dawn l-objettivi mhux biss huwa ta’ benefiċċju għas-soċjetà, iżda jservi wkoll bħala tħejjija għall-Ħajja ta’ Wara—biex fl-aħħar mill-aħħar niltaqgħu mal-Mulej tagħna u niksbu l-pjaċir Tiegħu. Alla jgħid fil-Koran Imqaddes: “Imbierek Dak li f’idu tinsab is-saltna, u Huwa Setgħan fuq kollox; Dak li ħalaq il-mewt u l-ħajja biex iġarrabkom (u jara) min minnkom hu l-aħjar fl-imġieba.” (67:2–3)
Dan il-vers ifakkarna li l-ħajja hija prova, u s-suċċess fil-Ħajja ta’ Wara huwa l-għan aħħari. Għalhekk, irridu ngħixu b’mod li jogħġob lil Alla—billi nqimuh b’sinċerità, nirfinaw il-karattru tagħna, inservu lill-umanità, u nwettqu r-responsabbiltajiet tagħna bħala r-rappreżentanti Tiegħu fid-dinja.