Patience: A path to inner strength and divine reward

Photo: Andrei Askirka/Shutterstock.com

Il-Paċenzja: Triq lejn is-saħħa interna u l-premju divin

Il-Leħen, 28.09.2025 | Imam Laiq Ahmed Atif amjmalta@gmail.com

F’dinja mimlija provi, diżappunti, u inċertezzi, il-paċenzja, jew is-sabar, hija virtù li ġġib il-paċi, ir-reżiljenza, u t-tkabbir spiritwali. Huwa minnu li mhux faċli li l-bniedem iżomm il-paċenzja, iżda, meta l-bniedem verament juri l-paċenzja b’mod sħiħ, jibbenefika minn din il-virtù kbira b’mod meraviljuż.

Alla l-Ħanin jgħid fil-Koran Imqaddes li: “Fittxu l-għajnuna fis-sabar u t-talb; u din hija tabilħaqq (ħaġa) tqila, ħlief għall-umli fl-ispirtu, li jemmnu li għad jiltaqgħu ma’ Sidhom, u li għad jerġgħu lura għandu.” (2:46-47)

Jiġifieri li l-paċenzja mhijiex dgħufija, pjuttost, hija virtù meraviljuża, u dawk biss li huma nies tassew fidili u għandhom fidi soda f’Alla jistgħu juru sabar u paċenzja fi żmien l-isfidi, l-uġigħ u l-prova. Il-paċenzja hija l-kwalità u l-karatteristika ta’ dawk li verament jemmnu u għandhom fidi soda fil-Mulej tagħhom.

Tama u inkoraġġiment

Il-messaġġ ewlieni ta’ dawn il-versi huwa ta’ tama u inkoraġġiment. Jekk dawk li jemmnu aġixxew bil-paċenzja u t-talb, m’għandhomx għalfejn jibżgħu. Fi kliem ieħor, jekk jastjenu mill-ħażen, u jipprattikaw il-virtù u jkunu sodi u josservaw il-paċenzja u jitolbu kontinwament lil Alla għall-għajnuna, Huwa żgur li jibagħtilhom l-għajnuna Tiegħu, u ma jitħallewx waħedhom.

Il-kliem, ‘dan tabilħaqq huwa diffiċli ħlief għall-umli fl-ispirtu’, ifisser li l-att li wieħed ifittex l-għajnuna ta’ Alla permezz tal-paċenzja u t-talb mhuwiex faċli. Jeħtieġ mhux biss spirtu ġust iżda wkoll wieħed ta’ rażan u fiduċja sħiħa.

Meta wieħed jirrifletti fuq din il-virtù jifhem li, il-paċenzja mhix biss tipprovdi t-trankwillità meta jkun hemm il-problemi iżda tgħin biex wieħed ibaħħar sewwa u joħroġ mit-tempesta. Dawk li jibqgħu kalmi u sodi tul iċ-ċirkostanzi diffiċli għandhom ċans li jmorru aħjar minn dawk li jippanikjaw jew ikunu nervużi.

Il-ġentilezza u s-sabar

Il-Qaddis Profeta Muħammad, is-sliem għalih, enfasizza wkoll fuq dan il-valur mill-isbaħ u qal li: “Intom għandkom żewġ kwalitajiet li Alla japprezza: il-ġentilezza u s-sabar.”

Fi kliem ieħor qal: “Alla huwa Ġentili u jħobb il-ġentilezza u jikkonċedi l-ġentilezza fejn Huwa ma jikkonċedix il-ħruxija jew affarijiet oħra.”

Il-ħajja tal-Messaġġiera

Meta naqraw l-istejjer tal-Profeti u l-Messaġġiera ta’ Alla nsibu li sofrew ħafna matul ħajjithom, iżda dejjem urew paċenzja, reżiljenza u fidi f’Sidhom. Dejjem ħarġu rebbieħa minn kull prova u tbatija li waqgħet fuqhom.

Din hija evidenza ċara li dawk biss li għandhom fidi soda fil-Mulej tagħhom u għandhom tama fil-ħniena u l-grazzja Tiegħu juru paċenzja; u li t-tmiem ta’ dawk li juru paċenzja huwa dejjem onorabbli u dejjiemi. Għaldaqstant, irridu nissodaw f’din il-kwalità morali; u rridu ngħollu l-istandards tal-paċenzja tagħna waqt li ninvolvu ruħna fit-talb.

Barra minn hekk, huwa wkoll ferm importanti li ngħallmu lil uliedna minn mindu jkunu żgħar dwar din il-virtù mill-isbaħ sabiex, minflok ma jippanikjaw waqt kwalunkwe diffikultà, jibqgħu sodi u kalmi, ibaħħru sewwa u joħorġu mit-tempesta.

Unknown's avatar

About Laiq Ahmed Atif

www.ahmadiyya.mt E: amjmalta@gmail.com Mob: +35679655255 twitter.com/ahmadiyyamalta www.facebook.com/ahmadiyyamalta www.youtube.com/user/AhmadiyyaMalta
This entry was posted in Ahmadiyya, Ahmadiyya Malta, Ahmadiyya: The True Islam, Article and tagged , , , , , , , , , , , , , , , , , . Bookmark the permalink.

Leave a comment

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.